This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024R0234
Commission Regulation (EU) 2024/234 of 15 January 2024 amending Annex I to Regulation (EC) No 1334/2008 of the European Parliament and of the Council as regards the removal of certain flavouring substances from the Union list
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/234 tal-15 ta’ Jannar 2024 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tneħħija mil-lista tal-Unjoni ta’ ċerti sustanzi aromatizzanti
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/234 tal-15 ta’ Jannar 2024 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tneħħija mil-lista tal-Unjoni ta’ ċerti sustanzi aromatizzanti
C/2024/64
ĠU L, 2024/234, 16.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/234/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/234 |
16.1.2024 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/234
tal-15 ta’ Jannar 2024
li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tneħħija mil-lista tal-Unjoni ta’ ċerti sustanzi aromatizzanti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ aromatizzanti u ta’ materjali tas-sors approvati għall-użu fl-ikel u fuqu u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
(2) |
Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 (3), il-lista ta’ sustanzi aromatizzanti ġiet adottata u mdaħħla fl-Anness I, il-Parti A tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008. Dik il-lista tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li Stat Membru jew parti interessata jressqu applikazzjoni għal dan. |
(3) |
Il-lista tal-Unjoni tal-aromatizzanti u tal-materjali tas-sors stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 fiha, fost l-oħrajn, għadd ta’ sustanzi aromatizzanti li għalihom, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dik il-lista bir-Regolament (UE) Nru 872/2012, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ma kinitx kapaċi teskludi riskju ta’ sikurezza għas-saħħa tal-konsumatur abbażi tad-data disponibbli u, għalhekk, qieset li kienet meħtieġa data addizzjonali biex titlesta l-evalwazzjoni tagħhom. Dawk is-sustanzi kienu inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi aromatizzanti iżda bil-kundizzjoni li d-data dwar is-sikurezza li tindirizza t-tħassib imlissen mill-Awtorità tressqet qabel ma skadew l-iskadenzi speċifiċi stabbiliti fl-Anness I, il-Parti A, tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008. Madankollu, l-operaturi responsabbli għat-tqegħid fis-suq tat-tmien sustanzi li ġejjin bħala sustanzi aromatizzanti, li għalihom l-Awtorità talbet data xjentifika addizzjonali, ma ressqux id-data meħtieġa u rtiraw l-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom: 2-Fenilpent-2-enal (Nru tal-FL 05.175); 2-Fenil-4-metil-2-eżenal (Nru tal-FL 05.222); 2-(sek-Butil)–4,5-dimetil-3-tijażolina (Nru tal-FL 15.029); 4,5-Dimetil-2-etil-3-tijażolina (Nru tal-FL 15.030); 2,4-Dimetil-3-tijażolina (Nru tal-FL 15.060); 2-Isobutil-3-tijażolina (Nru tal-FL 15.119); 5-Etil-4-metil-2-(2-metilpropil)-tijażolina (Nru tal-FL 15.130); 5-Etil-4-metil-2-(2-butil)-tijażolina (Nru tal-FL 15.131) (“sustanzi kkonċernati”). Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sustanzi kkonċernati jitneħħew mil-lista tal-Unjoni tas-sustanzi aromatizzanti. |
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jiġi emendat skont dan. |
(5) |
Jenħtieġ li l-ikel li miegħu ġiet miżjuda kwalunkwe waħda mis-sustanzi kkonċernati u li tqiegħed fis-suq fl-Unjoni jew li ntbagħat minn pajjiżi terzi u li kien fi tranżitu lejn l-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jitħalla jiġi kkummerċjalizzat fl-Unjoni sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta jrid jintuża. Jenħtieġ li din il-miżura tranżizzjonali ma tapplikax għal preparazzjonijiet li magħhom tkun inżiedet kwalunkwe waħda mis-sustanzi kkonċernati u li mhumiex maħsuba biex jiġu kkunsmati f’dak l-istat, peress li l-manifatturi ta’ prodotti tal-ikel li jużaw dawk il-preparazzjonijiet bħala ingredjenti, jafu l-kompożizzjoni tagħhom meta jużawhom. |
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1334/2008
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Miżuri tranżizzjonali
1. L-ikel li miegħu tkun inżiedet kwalunkwe waħda mis-sustanzi aromatizzanti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament u li tqiegħed legalment fis-suq qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jista’ jkompli jiġi kkummerċjalizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta jrid jintuża.
2. L-ikel impurtat fl-Unjoni li miegħu tkun ġiet miżjuda kwalunkwe waħda mis-sustanzi aromatizzanti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi kkumerċjalizzat sad-data tad-durabilità minima tiegħu jew sad-data ta’ meta jrid jintuża jekk l-importatur ta’ dan l-ikel ikun jista’ juri li ntbagħat mill-pajjiż terz ikkonċernat u kien fit-tranżitu lejn l-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Il-miżuri tranżizzjonali previsti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal preparazzjonijiet, mhux maħsuba biex jiġu kkunsmati fl-istess stat li jkunu, li magħhom tkun ġiet miżjuda kwalunkwe waħda mis-sustanzi aromatizzanti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
4. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-preparazzjonijiet għandhom jinftiehmu bħala taħlitiet ta’ aromatizzant wieħed jew aktar li magħhom jistgħu jiġu inkorporati wkoll ingredjenti oħra tal-ikel bħal addittivi tal-ikel, enzimi jew trasportaturi biex jiffaċilitaw il-ħżin, il-bejgħ, l-istandardizzazzjoni, id-dilwizzjoni jew it-taħlil tagħhom.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 tal-1 ta’ Ottubru 2012 li jadotta l-lista ta’ sustanzi aromatizzanti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jintroduċiha fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE (ĠU L 267, 2.10.2012, p. 1).
ANNESS
Fl-Anness I, il-Parti A, tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, jitħassru dawn l-entrati:
05.175 |
2-Fenilpent-2-enal |
3491-63-2 |
|
|
|
|
2 |
L-EFSA |
05.222 |
2-Fenil-4-metil-2-eżenal |
26643-92-5 |
|
|
|
|
2 |
L-EFSA |
15.029 |
2-(sek-Butil)-4,5-dimetil-3-tijażolina |
65894-82-8 |
1059 |
|
|
|
2 |
L-EFSA |
15.030 |
4,5-Dimetil-2-etil-3-tijażolina |
76788-46-0 |
1058 |
|
|
|
2 |
L-EFSA |
15.060 |
2,4-Dimetil-3-tijażolina |
60755-05-7 |
|
|
|
|
2 |
L-EFSA |
15.119 |
2-Isobutil-3-tijażolina |
39800-92-5 |
|
|
|
|
2 |
L-EFSA |
15.130 |
5-Etil-4-metil-2-(2-metilpropil)-tijażolina |
83418-53-5 |
1761 |
|
|
|
2 |
L-EFSA |
15.131 |
5-Etil-4-metil-2-(2-butil)-tijażolina |
83418-54-6 |
1762 |
|
|
|
2 |
L-EFSA |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/234/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)