EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D0874
Council Decision (EU) 2024/874 of 11 March 2024 on the position to be taken on behalf of the European Union at the 231st session of the Council of the International Civil Aviation Organization (ICAO) as regards the amendment to Annex 13 to the Convention on International Civil Aviation
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/874 tal-11 ta’ Marzu 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-emendar tal-Anness 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/874 tal-11 ta’ Marzu 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-emendar tal-Anness 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
ST/6930/2024/INIT
ĠU L, 2024/874, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/874/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/874 |
19.3.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/874
tal-11 ta’ Marzu 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-emendar tal-Anness 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). |
(2) |
L-Istati Membri kollha huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Sitt Stati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO. |
(3) |
Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (“SARPs”) internazzjonali, u jfassalhom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. |
(4) |
Il-Kunsill tal-ICAO, waqt il-231 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru – tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (“Emenda 19”). |
(5) |
L-għan ewlieni tal-Emenda 19 huwa li ttejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi tiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ħeffa u kwalità tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili. |
(6) |
Il-bidliet proposti għandhom l-għan li jissodisfaw dawk l-objettivi billi jassistu lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Kontraenti waqt l-investigazzjonijiet tagħhom dwar l-Inġenji tal-Ajru Pilotati mill-Bogħod, u jagħmlu l-informazzjoni u d-data mir-reġistraturi installati fuq l-inġenji tal-ajru disponibbli mingħajr dewmien. L-Emenda 19 tagħraf ukoll l-aspettattivi tal-pubbliku u tal-midja li jkunu infurmati, u għalhekk tinkludi dispożizzjonijiet biex tingħata informazzjoni fattwali fil-ħin matul l-investigazzjonijiet tas-sikurezza. Barra minn hekk, l-Emenda 19 tirrifletti l-fatt li l-użu ta’ teknoloġiji moderni jippermetti li jiqsar il-perjodu tal-konsultazzjoni għall-abbozzi ta’ rapporti finali, u b’hekk titħaffef il-pubblikazzjoni tar-rapport finali. Fl-aħħar nett, l-Emenda 19 tintroduċi preferenza li r-rapporti finali jintbagħtu f’format elettroniku sabiex ikunu jistgħu jittellgħu fil-bażi tad-data ċentrali tal-ICAO. |
(7) |
In-Network Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA) stabbilit skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li huwa responsabbli, inter alia, biex jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-aspetti kollha tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-politiki u r-regoli tal-Unjoni relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza u mal-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti, ikkontribwixxa għall-iżvilupp tal-proposta għall-Emenda 19. |
(8) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-Emenda 19 ser tkun vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 996/2010. |
(9) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew waqt kwalunkwe sessjoni konsegwenti b’rabta mal-adozzjoni tal-Emenda 19 jenħtieġ li tkun li l-adozzjoni ta’ dik l-emenda fl-intier tagħha. Dik il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO. |
(10) |
Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat Kontraenti li jqisha mhix prattika għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali, jew li r-regolamenti jew il-prattiki tiegħu jiġu jikkonformaw għal kollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti fi standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita fl-istandard internazzjonali. |
(11) |
Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Anness, kif imsemmi fl-Artikolu 54, is-subparagrafu (l) ta’ dik il-Konvenzjoni, jew kwalunkwe emenda ta’ Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem dak il-perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom. |
(12) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 19 mill-Kunsill tal-ICAO, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO bil-proċedura tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u li tikkonforma ma’ dik l-emenda. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkun għadhom kemm ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li l-ICAO tiġi notifikata dwar id-differenza minn dawk is-SARPs partikolari. Il-pożizzjoni tal-Unjoni rigward it-tali differenza jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni. |
(13) |
Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew f’waħda mis-sessjonijiet sussegwenti għandha tkun li tappoġġa l-emenda proposta għall-Anness 13 — Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru — tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) fl-intier tagħha.
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, diment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr tibdil sostanzjali l-emenda msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u li tiġi nnotifikata l-konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati.
Fil-każ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun differenti mill-istandards stabbiliti fl-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards, li tkun teħtieġ in-notifika lill-ICAO ta’ differenza minn dawk l-istandards partikolari skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kummissjoni għandha, fiż-żmien debitu u mill-inqas xahrejn qabel skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tippreżenta dokument preparatorju lill-Kunsill, għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li għandhom jiġu nnotifikati lill-ICAO f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
P.-Y. DERMAGNE
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/874/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)