Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2822

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2822 tad-19 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1803 fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 1

    C/2023/8823

    ĠU L, 2023/2822, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2822/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2822/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2822

    20.12.2023

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2822

    tad-19 ta’ Diċembru 2023

    li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1803 fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 1

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1803 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà u interpretazzjonijiet li kienu jeżistu fit-8 ta’ Settembru 2022.

    (2)

    Fit-23 ta’ Jannar 2020, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (International Accounting Standards Board, “IASB”) ħareġ emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 1 — Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji (“IAS 1”). L-emendi jispeċifikaw kif kumpanija għandha tiddetermina, fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja, dejn u obbligazzjonijiet oħra b’data tas-saldu inċerta. Skont dawk l-emendi, dak id-dejn jew l-obbligazzjonijiet l-oħra għandhom jiġu klassifikati bħala kurrenti (dovuti jew potenzjalment dovuti li jiġu saldati fi żmien sena) jew mhux kurrenti.

    (3)

    Fil-15 ta’ Lulju 2020, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-IASB ħareġ emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni dejjaq biex jiddiferixxi b’sena d-data effettiva tal-emendi għall-IAS 1 maħruġa fit-23 ta’ Jannar 2020 mill-IASB.

    (4)

    Matul l-implimentazzjoni ta’ dawk l-emendi għall-IAS 1, xi partijiet ikkonċernati talbu lill-IASB jiċċara kif jenħtieġ li kumpanija tikklassifika obbligazzjoni li tirriżulta minn arranġament ta’ self b’patti bħala kurrenti jew mhux kurrenti. B’rispons għal dan, fil-31 ta’ Ottubru 2022, l-IASB ħareġ aktar emendi għall-IAS 1. Dawk l-emendi jtejbu wkoll l-informazzjoni li jenħtieġ li kumpanija tipprovdi meta d-dritt tagħha li tiddifferixxi s-saldu ta’ obbligazzjoni għal mill-inqas tnax-il xahar ikun soġġett għal patti.

    (5)

    Wara l-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (European Financial Reporting Advisory Group, EFRAG), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi għall-IAS 1 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

    (6)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1803 jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2023/1803, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 1 — Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1803 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 237, 26.9.2023, p. 1).


    ANNESS

    Klassifikazzjoni ta’ Obbligazzjonijiet bħala Kurrenti jew Mhux Kurrenti kif ukoll Obbligazzjonijiet Mhux Kurrenti b’Patti

    Emendi għall-IAS 1

    Emendi għal IAS 1 — Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarji

    Il-paragrafi 60, 69, 71, 73, 74 u 76 huma emendati. Jiżdiedu l-paragrafi 72 A, 72B, 75 A, 76 A, 76B, 139U u 139 W. Il-paragrafu 76ZA jiżdied immedjatament wara l-paragrafu 76. Il-paragrafu 139D jitħassar. Jiżdiedu intestaturi qabel il-paragrafi 70, 71, 72 A u 76 A. Il-paragrafi 70, 72 u 75 mhumiex emendati, iżda huma inklużi għall-faċilità tal-qari.

    “STRUTTURA U KONTENUT

    […]

    Rapport tal-pożizzjoni finanzjarja

    […]

    Distinzjoni attwali/mhux attwali

    60

    Entità għandha tippreżenta assi kurrenti u mhux kurrenti, u obbligazzjonijiet kurrenti u mhux kurrenti, bħala klassifikazzjonijiet separati fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha skont il-paragrafi 66-76B ħlief meta preżentazzjoni bbażata fuq il-likwidità tipprovdi informazzjoni li hija affidabbli u aktar rilevanti. Meta tapplika dik l-eċċezzjoni, entità għandha tippreżenta l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha f’ordni ta’ likwidità.

    […]

    Obbligazzjonijiet kurrenti

    69

    Entità għandha tikklassifika obbligazzjoni bħala kurrenti meta:

    (a)

    tkun mistennija li ssalda l-obbligazzjoni fiċ-ċiklu operattiv normali tagħha;

    (b)

    tkun qed iżżomm l-obbligazzjoni primarjament għall-iskop ta’ negozju;

    (c)

    l-obbligazzjoni tkun dovuta li tiġi saldata fi żmien tnax-il xahar wara l-perjodu tar-rappurtar; jew

    (d)

    ma jkollhiex id-dritt fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar li tipposponi s-saldu tal-obligazzjoni għal mill-inqas tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar.

    Entità għandha tikklassifika l-obbligazzjonijiet l-oħrajn kollha bħala mhux kurrenti.

    Ċiklu operatorju normali (il-paragrafu 69(a))

    70

    Ċerti obbligazzjonijiet kurrenti, bħal kredituri kummerċjali u xi ammonti dovuti għall-kosti tal-impjegati jew kosti operattivi oħra, huma parti mill-kapital operatorju li jintuża fiċ-ċiklu operattiv normali tal-entità. Entità tikklassifika dawn l-entrati operattivi bħala obbligazzjonijiet kurrenti, anke jekk ikunu dovuti li jiġu saldati iktar minn tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar. L-istess ċiklu operattiv normali japplika għall-klassifikazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità. Meta ċ-ċiklu operattiv normali tal-entità ma jkunx identifikabbli b’mod ċar, is-suppożizzjoni hi li t-tul tiegħu hu ta’ tnax-il xahar.

    Jinżamm primarjament għall-fini ta’ negozjar (il-paragrafu 69(b)) jew li għandu jiġi saldat fi żmien tnax-il xahar (il-paragrafu 69(c))

    71

    Obbligazzjonijiet kurrenti oħra ma jiġux saldati bħala parti miċ-ċiklu operattiv normali, iżda huma dovuti li jiġu saldati sa tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar jew li jinżammu primarjament għall fini ta’ negozjar. Eżempji huma xi obbligazzjonijiet finanzjarji li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ miżmuma għan-negozju fl-IFRS 9, self kurrenti bankarji, u s-sehem kurrenti ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji mhux kurrenti, dividendi pagabbli, taxxi fuq l-introjtu u ammonti pagabbli oħra mhux tan-negozjar. Obbligazzjonijiet finanzjarji li jipprovdu finanzjament fit-tul (i.e. mhumiex parti mill-kapital operatorju użat fiċ-ċiklu operatorju normali tal-entità) u li mhumiex dovuti li jiġu saldati sa tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar, huma obbligazzjonijiet mhux kurrenti, soġġetti għall-paragrafi 72 A–75.

    72

    Entità tikklassifika l-obbligazzjonijiet finanzjarji tagħha bħala kurrenti meta dawn iridu jiġu saldati sa tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar, anke jekk:

    (a)

    it-terminu oriġinali kien ta’ perjodu itwal minn tnax-il xahar; kif ukoll

    (b)

    ikun intlaħaq ftehim għal finanzjament mill-ġdid, jew biex il-ħlasijiet ikunu skedati mill-ġdid, fuq bażi fit-tul, wara l-perjodu ta’ rapportar u qabel ma r-rapporti finanzjarji jkunu awtorizzati għall-ħruġ.

    Dritt għal diferiment għal mill-inqas tnax-il xahar (il-paragrafu 69(d))

    72A

    Id-dritt ta’ entità li tipposponi s-saldu ta’ obbligazzjoni għal mill-inqas tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar irid ikollu sustanza u, kif muri fil-paragrafi 72B–75, għandu jkun jeżisti fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar.

    72B

    Id-dritt ta’ entità li tiddifferixxi s-saldu ta’ obbligazzjoni li tirriżulta minn arranġament ta’ self għal mill-inqas tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar jista’ jkun soġġett għall-konformità tal-entità mal-kundizzjonijiet speċifikati f’dak l-arranġament ta’ self (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘patti’). Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 69(d), tali patti:

    (a)

    jaffettwaw jekk dak id-dritt ikunx jeżisti fl-aħħar tal-perjodu ta’ rapportar — kif muri fil-paragrafi 74–75 — jekk entità tkun meħtieġa tikkonforma mal-patt fi jew qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar. Patt bħal dan jaffettwa jekk id-dritt ikunx jeżisti fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar anki jekk il-konformità mal-patt tiġi vvalutata biss wara l-perjodu ta’ rapportar (pereżempju, patt ibbażat fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar iżda vvalutat għall-konformità biss wara l-perjodu ta’ rapportar);

    (b)

    ma jaffettwawx jekk dak id-dritt ikunx jeżisti fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar jekk entità tkun meħtieġa tikkonforma mal-patt biss wara l-perjodu ta’ rapportar (pereżempju, patt ibbażat fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar).

    […]

    73

    Jekk entità jkollha d-dritt, fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar, li tiffinanzja mill-ġdid jew li tipposponi obbligazzjoni għal mill-inqas tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar taħt faċilità ta’ self eżistenti, din tikklassifika l-obbligazzjoni bħala mhux kurrenti, anke li kieku s-saldu kien se jkun dovut f’perjodu iqsar. Jekk l-entità ma jkollha l-ebda tali dritt, l-entità ma tikkunsidrax il-potenzjal li tiffinanzja mill-ġdid l-obbligazzjoni u tikklassifika l-obbligazzjoni bħala kurrenti.

    74

    Meta entità tikser patt ta’ arranġament ta’ self fiss fit-tul matul jew qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar bil-konsegwenza li l-obbligazzjoni tiġi pagabbli malli tintalab, l-entità tikklassifika l-obbligazzjoni bħala kurrenti, anke jekk min sellef ikun aċċetta, wara l-perjodu ta’ rapportar u qabel l-awtorizzazzjoni għall-ħruġ tar-rapporti finanzjarji, li ma jitlobx ħlas bħala konsegwenza tal-ksur. Entità tikklassifika l-obbligazzjoni bħala kurrenti minħabba li, fit-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar, ma jkollhiex dritt li tipposponi s-saldu għal mill-inqas tnax-il xahar wara dik id-data.

    75

    Madankollu, entità tikklassifika l-obbigazzjoni bħala mhux kurrenti jekk minn sellef ikun aċċetta, sat-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar, li jipprovdi perjodu ta’ grazzja li jintemm mill-inqas tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar, li fih l-entità tkun tista’ tirrettifika l-ksur u li matulu, min sellef ma jkunx jista’ jitlob ħlas lura immedjat.

    75A

    Klassifikazzjoni ta’ obbligazzjoni mhijiex affettwata mill-possibbiltà li l-entità teżerċita d-dritt li tiddifferixxi s-saldu tal-obbligazzjoni għal mill-inqas tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar. Jekk obbligazzjoni tissodisfa l-kriterji fil-paragrafu 69 għal klassifikazzjoni bħala mhux kurrenti, din tiġi kklassifikata bħala mhux kurrenti anke jekk il-maniġment ikun biħsiebu jew jistenna li l-entità ssalda l-obbligazzjoni fi żmien tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar, jew anke jekk l-entità tħallas l-obbligazzjoni bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar u d-data li fiha r-rapporti finanzjarji jkunu awtorizzati għall-ħruġ. Madankollu, f’xi waħda minn dawk iċ-ċirkostanzi, l-entità jista’ jkollha bżonn tiddivulga informazzjoni dwar iż-żmien tas-saldu biex tippermetti lill-utenti tar-rapporti finanzjarji tagħha li jifhmu l-impatt tal-obbligazzjoni fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità (ara l-paragrafi 17(c) u 76(d)).

    76

    F’dak li jirrigwarda self fiss ikklassifikat bħala obbligazzjonijiet kurrenti, jekk dawn l-avvenimenti li ġejjin iseħħu bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar u d-data li fiha r-rapporti finanzjarji jkunu awtorizzati għall-ħruġ, dawk l-avvenimenti jkunu żvelati bħala avvenimenti li ma jirrikjedux aġġustament b’konformità mal-IAS 10 Avvenimenti wara l-Perjodu ta’ Rapportar:

    (a)

    rifinanzjament fuq perjodu ta’ żmien twil ta’ obbligazzjoni kklassifikata bħala kurrenti (ara l-paragrafu 72);

    (b)

    rettifika ta’ ksur ta’ arranġament ta’ self għal żmien twil ikklassifikat bħala kurrenti (ara l-paragrafu 74);

    (c)

    l-għoti mis-sellief ta’ perjodu ta’ grazzja li jirrettifika ksur ta’ arranġament ta’ self għal perjodu fit-tul ikklassifikat bħala kurrenti (ara l-paragrafu 75); kif ukoll

    (d)

    saldu ta’ obbligazzjoni kklassifikata bħala mhux kurrenti (ara l-paragrafu 75 A).

    76ZA

    Fl-applikazzjoni tal-paragrafi 69–75, entità tista’ tikklassifika obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn arranġamenti ta’ self bħala mhux kurrenti meta d-dritt tal-entità li tiddifferixxi s-saldu ta’ dawk l-obbligazzjonijiet ikun soġġett għal li l-entità tikkonforma ma’ patti fi żmien tnax-il xahar wara l-perjodu ta’ rapportar (ara l-paragrafu 72B(b)). F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-entità għandha tiddivulga informazzjoni fin-noti li tippermetti lill-utenti tar-rapporti finanzjarji jifhmu r-riskju li l-obbligazzjonijiet jistgħu jsiru ripagabbli fi żmien tnax-il xahar wara l-perjodu tar-rapportar, inklużi:

    (a)

    informazzjoni dwar il-patti (inkluża n-natura tal-patti u meta l-entità tkun meħtieġa tikkonforma magħhom) u l-ammont riportat ta’ obbligazzjonijiet relatati.

    (b)

    fatti u ċirkostanzi, jekk ikun hemm, li jindikaw li l-entità jista’ jkollha diffikultà biex tikkonforma mal-patti — pereżempju, l-entità tkun aġixxiet matul jew wara l-perjodu ta’ rapportar biex tevita jew timmitiga ksur potenzjali. Tali fatti u ċirkostanzi jistgħu jinkludu wkoll il-fatt li l-entità ma kinitx tikkonforma mal-patti li kieku kellha tiġi vvalutata għall-konformità abbażi taċ-ċirkostanzi tal-entità fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar.

    […]

    Saldu (paragrafi 69(a), 69(c) u 69(d))

    76A

    Għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni tal-obbligazzjoni bħala kurrenti jew mhux kurrenti, saldu jirreferi għal trasferiment għall-kontroparti li twassal għall-estinzjoni tal-obbligazzjoni. It-trasferiment jista’ jkun ta’:

    (a)

    flus jew riżorsi ekonomiċi oħra — pereżempju, oġġetti jew servizzi; jew

    (b)

    l-istrumenti azzjonarji tal-entità stess, sakemm ma japplikax il-paragrafu 76B.

    76B

    Termini ta’ obbligazzjoni li jistgħu, skont l-għażla tal-kontroparti, jirriżultaw fir-riżoluzzjoni tagħha bit-trasferiment tal-istrumenti azzjonarji tal-entità stess ma jaffettwawx il-klassifikazzjoni tagħha bħala kurrenti jew mhux kurrenti jekk, bl-applikazzjoni tal-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Il-Preżentazzjoni, l-entità tikklassifika l-opzjoni bħala strument azzjonarju, filwaqt li tirrikonoxxiha separatament mill-obbligazzjoni bħala komponent ta’ ekwità ta’ strument finanzjarju kompost.

    […]

    TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

    […]

    139D

    [Imħassra]

    […]

    139U

    Klassifikazzjoni tal-Obbligazzjonijiet bħala Kurrenti u Mhux Kurrenti, li ġie ppubblikat f’Jannar 2020 emenda l-paragrafi 69, 73, 74 u 76 u żied il-paragrafi 72 A, 75 A, 76 A u 76B. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara din id-data b’mod retrospettiv f’konformità mal-IAS 8. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar bikri wara l-ħruġ ta’ Obbligazzjonijiet Mhux Kurrenti b’Patti (ara l-paragrafu 139 W), hija għandha tapplika wkoll Obbligazzjonijiet Mhux Kurrenti b’Patti għal dak il-perjodu. Jekk entità tapplika Klassifikazzjoni tal-Obbligazzjonijiet bħala Kurrenti jew Mhux Kurrenti għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

    […]

    139W

    Obbligazzjonijiet Mhux Kurrenti b’Patti, maħruġ f’Ottubru 2022, emenda l-paragrafi 60, 71, 72 A, 74 u 139U u żied il-paragrafi 72B u 76ZA. Entità għandha tapplika:

    (a)

    l-emenda għall-paragrafu 139U immedjatament mal-ħruġ ta’ Obbligazzjonijiet Mhux Kurrenti b’Patti;

    (b)

    kull emenda oħra għall-perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara din id-data b’mod retrospettiv f’konformità mal-IAS 8. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu aktar bikri, għandha tapplika wkoll Klassifikazzjoni tal-Obbligazzjonijiet bħala Kurrenti jew Mhux Kurrenti għal dak il-perjodu. Jekk entità tapplika Obbligazzjonijiet Mhux Kurrenti b’Patti għal perjodu iktar bikri, għandha tiddivulga dan il-fatt.”.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2822/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top