EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0724

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/724 tal-31 ta’ Marzu 2023 dwar l-aċċettar ta’ talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

C/2023/2116

ĠU L 94, 3.4.2023, p. 22–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/724/oj

3.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/724

tal-31 ta’ Marzu 2023

dwar l-aċċettar ta’ talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi,

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (“ir-Regolament oriġinali”) (3).

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar- ir-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-Regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(3)

Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 (4).

(4)

Fl-investigazzjoni oriġinali. il-kampjunar ġie applikat biex jiġu investigati l-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”) skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(5)

Il-Kummissjoni imponiet rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 13,1 % sa 23,4 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-produtturi esportaturi mir-RPĊ inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 kif sostitwit bl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198, l-Anness I ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta dan il-produttur esportatur ġdid jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali”);

(b)

ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew il-produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali li kienu kkooperaw jew setgħu kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali; kif ukoll

(c)

effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jew jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(7)

Fis-17 ta’ Diċembru 2021, il-kumpanija Fujian Dehua Longnan Ceramics Co., Ltd (“l-applikant”), ressqet talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (new exporting producer treatment, “NEPT”) u għalhekk hija soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li hija ta’ 17,9 %. L-applikant sostna li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, (“il-kundizzjonijiet ta’ NEPT”).

(8)

Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu jissodisfa l-kundizzjoniijiet ta’ NEPT.

(9)

Wara li analizzat it-tweġiba tal-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ NEPT. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant u kkonsultat diversi bażijiet tad-data online inklużi Orbis (5) u Qichacha (6). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitu jipprovdi l-kummenti tiegħu jekk ikun hemm bżonn. L-industrija tal-Unjoni ppreżentat kummenti fir-rigward tal-konformità tal-applikant mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

C.   ANALIŻI TAT-TALBA

(11)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilità fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, l-applikant wera li matul dan il-perjodu tassew ma esportax lejn l-Unjoni. Fujian Dehua Longnan Ceramics Co., Ltd twaqqfet fl-1999 u bdiet tesporta fl-2006 prodotti moderni tal-porċellana bħal oġġetti taċ-ċeramika, iżda mhux il-prodott ikkonċernat. Ir-reġistru tal-bejgħ tagħha għall-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, li nstab li kien konformi mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji pprovduti, ma wera l-ebda rekord ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat. It-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni kollha waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali ġew ivverifikati u ma nstabet l-ebda informazzjoni li tindika esportazzjonijiet possibbli tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Fost dawk it-tranżazzjonijiet, kien hemm wieħed mill-prodotti kkonċernati, li madankollu ma kienx destinat għall-Unjoni, u erba’ tranżazzjonijiet li saru lejn il-Ġermanja, Franza u l-Finlandja, iżda mhux il-prodott ikkonċernat. L-industrija tal-Unjoni sostniet li, skont is-sit web tagħha u d-data tal-liċenzja tal-esportazzjoni, l-applikant kien involut fl-attivitajiet ta’ esportazzjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda sa mill-bidu nett tal-kumpanija. Barra minn hekk, fl-2006, l-applikant kien applika għar-reġistrazzjoni tat-trademark tiegħu li tinkludi t-translitterazzjoni tal-isem Ċiniż. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza li turi li l-applikant ma kienx konformi mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) 2019/1198. B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(12)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma huwa relatat mal-ebda esportatur jew produttur li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 li kienu kkooperaw jew setgħu kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali, l-applikant wera li ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping. L-applikant għandu żewġ azzjonisti, li għandhom 80 % u 20 % rispettivament. Skont il-bażi tad-data ta’ Qichacha, l-azzjonisti tal-applikant kellhom ishma f’diversi kumpaniji oħra, li madankollu ma kinux relatati mal-prodott ikkonċernat u li kienu diġà ġew dereġistrati. Fujian Dehua Longdong Ceramics Co., Ltd, il-kumpanija relatata tal-applikant stabbilita waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali mal-istess azzjonisti, biegħet biss prodotti fis-suq domestiku. Skont id-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-kumpanija relatata li ġew ipprovduti, ma sar l-ebda bejgħ għall-esportazzjoni. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

(13)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew li daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant kien esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fl-2020, għaldaqstant wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. L-applikant ppreżenta fattura, ordni ta’ xiri, dokumenti ta’ żdoganar, polza ta’ kargu u rċevuta ta’ ħlas għal ordni magħmula fl-2019 minn kumpanija fi Spanja. Barra minn hekk, skont ir-reġistru tal-bejgħ li tqabbel mar-rapporti finanzjarji, fl-2020 kien hemm konsenji oħra tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

(14)

Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet biex jingħata NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 u għalhekk jenħtieġ li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, l-applikant jenħtieġ li jkun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

D.   DIVULGAZZJONI

(15)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li tqiesu xierqa biex tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping, applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali, lil Fujian Dehua Longnan Ceramics Co., Ltd.

(16)

Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jissottomettu kummenti u l-industrija tal-Unjoni tat il-kummenti tagħha.

(17)

Wara d-divulgazzjoni, l-industrija tal-Unjoni sostniet li Fujian Dehua Longdong Ceramics Co., Ltd, il-kumpanija relatata tal-applikant, irreġistrat rappreżentant għall-attivitajiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fl-uffiċċju doganali ta’ Quanzhou fit-18 ta’ Novembru 2013. L-industrija tal-Unjoni b’hekk argumentat li l-kumpanija relatata wettqet bejgħ għall-esportazzjoni.

(18)

Il-Kummissjoni nnotat li d-data tar-reġistrazzjoni tar-rappreżentant ta’ Fujian Dehua Longdong Ceramics Co., Ltd (it-18 ta’ Novembru 2013) taqa’ wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2011. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa(12), abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT previsti għall-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni stabbiliet li Fujian Dehua Longdong Ceramics Co., Ltd ma esportatx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni waqt il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali. L-ebda evidenza li tikkontradixxi din is-sejba ma ġiet ippreżentata jew ma nstabet mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Applikant issodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimenazzjoni (UE) 2019/1198 u l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(19)

Ir-Regolament preżenti huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 kif sostitwit bl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 li fih il-lista tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Fujian Dehua Longnan Ceramics Co., Ltd

899D

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

(3)  ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139.

(5)  Orbis huwa fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li jkopri aktar minn 220 miljun kumpanija fid-dinja kollha. Prinċipalment jipprovdi informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.

(6)  Qichacha hija bażi tad-data privata Ċiniża, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu, u analitiki ta’ kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi/l-professjonisti.


Top