Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0446

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/446 tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Ligustrum delavayanum, u tal-Ligustrum japonicum li joriġinaw mir-Renju Unit, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    C/2023/1500

    ĠU L 65, 2.3.2023, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/446/oj

    2.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 65/11


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/446

    tas-27 ta’ Frar 2023

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Ligustrum delavayanum, u tal-Ligustrum japonicum li joriġinaw mir-Renju Unit, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskji, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir valutazzjoni tar-riskji fuq il-pjanti, fuq il-prodotti tal-pjanti u fuq oġġetti oħra ta’ riskju għoli msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (3)

    Wara valutazzjoni preliminari, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati proviżorjonalment 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Dik il-lista tinkludi l-ġeneru Ligustrum L.

    (4)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (4) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ. Dan għaliex wieħed jew aktar mill-pesti li jgħixu f’dawk il-pjanti għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5), iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskji sħiħa oħra.

    (5)

    Fit-3 ta’ Diċembru 2021, ir-Renju Unit (6) ressaq talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti topjarji li dejjem iħaddru kbar tal-Ligustrum delavayanum imlaqqma fuq is-salvaġġ tal-Ligustrum japonicum imkabbra fi qsari, ta’ mhux aktar minn 20 sena u li għandhom dijametru massimu ta’ 18-il cm fil-bażi taz-zokk. Dik it-talba kienet sostnuta mid-dossier tekniku rilevanti.

    (6)

    Fit-28 ta’ Settembru 2022, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika li tkopri l-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti għat-tħawwil tal-Ligustrum delavayanum u tal-pjanti għat-tħawwil tal-Ligustrum japonicum, f’materjal għat-tkabbir, ta’ mhux aktar minn 20 sena u b’dijametru massimu ta’ 18-il cm fil-bażi taz-zokk, irrispettivament minn jekk humiex imlaqqma jew le (“il-pjanti rilevanti”) (7). L-Awtorità identifikat il-Bemisia tabaci, d-Diaprepes abbreviatus, l-Epiphyas postvittana u s-Scirtothrips dorsalis bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti u stmat il-probabbiltà li l-komodità tkun ħielsa mill-pesti.

    (7)

    Abbażi ta’ dik l-opinjoni, ir-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti rilevanti jitqies li jitnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati miżuri xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ pesti relatati ma’ dawk il-pjanti u li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti speċjali korrispondenti tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

    (8)

    Il-miżuri deskritti mir-Renju Unit fid-dossier tekniku huma kkunsidrati suffiċjenti biex ir-riskju mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti rilevanti jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fih.

    (9)

    Sussegwentement, il-pjanti rilevanti jenħtieġ li ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

    (10)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat kif xieraq.

    (11)

    Il-Bemisia tabaci huwa elenkat bħala pest tal-kwarantina f’żona protetta fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u Scirtothrips dorsalis huwa elenkat bħala pest tal-kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    (12)

    Id-Diaprepes abbreviatus għadu mhuwiex inkluż fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, għalhekk il-miżuri għal dak il-pest huma bbażati fuq dawk deskritti fid-dossier mir-Renju Unit. Meta ssir disponibbli l-valutazzjoni tar-riskju kompluta dwar dak il-pest, jiġi stabbilit jekk dak il-pest jissodisfax il-kundizzjonijiet li jridu jiġu elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u l-pjanti rilevanti fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, flimkien mal-miżuri rispettivi.

    (13)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat kif xieraq.

    (14)

    L-Epiphyas postvittana mhuwiex inkluż fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni. Il-pest huwa preżenti f’għadd ta’ Stati Membri u ma jiġi applikat l-ebda miżura ta’ kontroll uffiċjali. Barra minn hekk, l-impatt tal-pest fl-Unjoni mhuwiex meqjus bħala sinifikanti. Għal dawn ir-raġunijiet, ma huma meħtieġa l-ebda rekwiżiti tal-importazzjoni fir-rigward ta’ dak il-pest.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

    (6)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-att, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

    (7)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2022. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Ligustrum delavayanum topiary plants grafted on Ligustrum japonicum from the UK. EFSA Journal 2022;20(11):7593.


    ANNESS I

    Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tabella fil-punt 1, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni”, l-entrata “Ligustrum L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Ligustrum L., għajr pjanti għat-tħawwil ta’ Ligustrum delavayanum u Ligustrum japonicum ta’ mhux aktar minn 20 sena, f’materjal għat-tkabbir, li għandhom dijametru massimu ta’ 18-il cm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit”.


    ANNESS II

    Fit-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara “Pjanti għat-tħawwil ta’ Juglans regia L., ta’ mhux aktar minn sentejn bl-għeruq mikxufin, mingħajr weraq, u b’dijametru massimu ta’ 2 cm fil-bażi taz-zokk.”:

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi tal-oriġini

    Miżuri

    “Pjanti għat-tħawwil ta’ Ligustrum delavayanum u Ligustrum japonicum, ta’ mhux aktar minn 20 sena f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 18-il cm fil-bażi taz-zokk.

    ex 0602 10 90

    Ir-Renju Unit

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa minn Diaprepes abbreviatus;

    (ii)

    waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fi żminijiet xierqa, mill-bidu tal-aħħar staġun tat-tkabbir, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles minn Diaprepes abbreviatus; u

    (iii)

    immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tad-Diaprepes abbreviatus, b’tali daqs tal-kampjun li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 %;

    (b)

    taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213’; u

    (ii)

    mal-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


    Top