EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1165

Deċiżjoni (UE) 2023/1165 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/563 fir-rigward tal-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

PE/14/2023/REV/1

ĠU L 155, 16.6.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1165/oj

16.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/1


DEĊIŻJONI (UE) 2023/1165 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Ġunju 2023

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/563 fir-rigward tal-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ April 2022, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni (UE) 2022/563 (2) li tipprovdi l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lir-Repubblika tal-Moldova (Moldova) li tammonta għal EUR 150 000 000, f’self fuq terminu medju u f’għotjiet. Il-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) li jistabbilixxi l- assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2022 u dik l-assistenza ser tkun disponibbli għal perjodu ta’ sentejn u nofs. Fl-1 ta’ Awwissu 2022, wara t-twettiq b’suċċess mill-Moldova tal-azzjonijiet ta’ politika kollha miftiehma mal-Unjoni fil-MtQ, ġie żborżat l-ewwel ħlas ta’ EUR 50 000 000.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/563 li tipprovdi l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni ġiet adottata b’mod parallel mal-programm ġdid tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għall-Moldova tal-20 ta’ Diċembru 2021 skont l-arranġament Faċilità ta’ Kreditu Estiża/Faċilità ta’ Fond Estiża b’valur ta’ USD 564 000 000. Fil-11 ta’ Mejju 2022, bħala riżultat tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament li qed jikbru li rriżultaw l-aktar mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna fuq l-ekonomija tal-Moldova, il-FMI adotta deċiżjoni biex l-arranġament jiżdied b’USD 267 000 000. Fid-9 ta’ Jannar 2023, il-FMI ħabbar li l-Moldova kienet għaddiet b’suċċess it-tieni rieżami tal-programm, u ppreveda l-iżborż immedjat ta’ USD 27 000 000 ulterjuri lill-Moldova skont l-arranġament.

(3)

L-allokazzjoni indikattiva tal-Unjoni għall-Moldova skont l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat kienet ta’ EUR 518 150 000 għall-perjodu 2014-2020, inkluż appoġġ baġitarju u assistenza teknika. L-oqfsa ta’ appoġġ uniku għall-perjodi 2014-2017 u 2017-2020 identifikaw is-settur prijoritarju għall-kooperazzjoni mal-Moldova ffinanzjat mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għall-perjodu baġitarju preċedenti. Il-prijoritajiet għall-perjodu 2021-2027 huma stabbiliti fil-programm indikattiv pluriennali l-ġdid, li tħejja f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(4)

Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament estern residwu tal-bilanċi tal-pagamenti tal-Moldova għall-2023, lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħra, huwa meħtieġ li tiżdied l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni pprovduta lill-Moldova f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2022/563. Dik iż-żieda hija, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, meqjusa bħala tweġiba xierqa għat-talba tal-Moldova għal appoġġ għall-istabbilizzazzjoni ekonomika tagħha, flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tgħin l-istabbilizzazzjoni ekonomika u l-aġenda ta’ riformi strutturali tal-Moldova, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi magħmula disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(5)

Id-determinazzjoni taż-żieda fl-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva aġġornata tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Moldova, u tqis il-kapaċità tagħha ta’ awtofinanzjament bir-riżorsi proprji tagħha, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija minn donaturi multilaterali, inkluż i l-FMI u l-Bank Dinji, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet bejn l-Unjoni u donaturi oħra, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament estern l-oħrajn tal-Unjoni fil-Moldova u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(6)

Iż-żieda fl-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għal kundizzjonijiet tal-politika ekonomika addizzjonali, li jridu jiżdiedu mal-MtQ eżistenti li, bħala konsegwenza, jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti t-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni f’addendum għall-ftehim ta’ self u l-ftehim ta’ għotja li ġew iffirmati fit-22 ta’ Ġunju 2022 mill-Kummissjoni u l-Moldova.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2022/563 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/563 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Moldova assistenza makrofinanzjarja ta’ ammont massimu ta’ EUR 295 000 000 (‘l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni’), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Moldova u aġenda ta’ riformi sostantivi. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 220 000 000 għandhom jingħataw bħala self u sa EUR 75 000 000 għandhom jingħataw bħala għotjiet. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa soġġett għall-adozzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Moldova għall-bilanċi tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.”

;

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f’ħames ħlasijiet parzjali, u kull wieħed minnhom għandu jikkonsisti f’element ta’ self u element ta’ għotja. Id-daqs ta’ kull ħlas parzjali għandu jiġi stabbilit fil-MtQ li għandu jiġi emendat għal dak il-fini.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4.   Ir-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali għandu, fil-prinċipju, isir mhux qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel ħlas parzjali. Ir-rilaxx tat-tielet ħlas parzjali għandu, fil-prinċipju, isir mhux qabel tliet xhur wara r-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali. Ir-rilaxx tar-raba’ ħlas parzjali għandu, fil-prinċipju, isir mhux qabel tliet xhur wara r-rilaxx tat-tielet ħlas parzjali. Ir-rilaxx tal-ħames ħlas parzjali għandu, fil-prinċipju, isir mhux qabel tliet xhur wara r-rilaxx tar-raba’ ħlas parzjali.”

;

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Mejju 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2023.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 109, 8.4.2022, p. 6).


Top