Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0408

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/408 tat-23 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    ST/6380/2023/INIT

    ĠU L 56I, 23.2.2023, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/408/oj

    23.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 56/4


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/408

    tat-23 ta’ Frar 2023

    li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (1).

    (2)

    Il-Kunsill jibqa’ serjament imħasseb dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Wara aktar minn deċennju, il-kunflitt fis-Sirja għadu ’l bogħod milli jintemm u għadu sors ta’ tbatija u instabbiltà. It-terremot traġiku tas-6 ta’ Frar 2023 ikompli jżid it-tbatija tal-popolazzjoni Sirjana.

    (3)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Frar 2023, il-Kunsill Ewropew estenda l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-vittmi tat-terremot traġiku tas-6 ta’ Frar 2023 u esprima s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tat-Turkija u s-Sirja. Il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid li l-Unjoni tinsab lesta li tipprovdi aktar assistenza biex ittaffi t-tbatija fir-reġjuni affettwati kollha. Huwa appella lil kulħadd biex jiżgura l-aċċess umanitarju għall-vittmi tat-terremot fis-Sirja irrispettivament minn fejn jinsabu u appella lill-komunità umanitarja, taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tiżgura t-twassil rapidu tal-għajnuna.

    (4)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji”, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jevita u fejn ma jistax jagħmel dan, itaffi kemm jista’ jkun kwalunkwe impatt negattiv potenzjali mhux intenzjonat tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fuq azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji. Il-Kunsill tenna li l-miżuri restrittivi tal-Unjoni jikkonformaw mal-obbligi kollha skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati. Huwa ssottolinja l-importanza li l-prinċipji umanitarji u d-dritt umanitarju internazzjonali jiġu rispettati b’mod sħiħ fil-politika ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni, inkluż permezz tal-inklużjoni konsistenti ta’ eċċezzjonijiet umanitarji fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi fejn rilevanti, u billi jiġi żgurat li jkun hemm qafas effettiv biex jintuża f’dawn l-eċċezzjonijiet minn organizzazzjonijiet umanitarji.

    (5)

    Il-Kunsill ifakkar li l-miżuri restrittivi tal-Unjoni, inkluż dawk adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, mhumiex maħsuba biex jostakolaw u lanqas jimpedixxu l-provvista ta’ għajnuna umanitarja, inkluż l-assistenza medika. Il-maġġoranza tas-setturi – inkluż l-ikel, il-mediċini, u t-tagħmir mediku – mhumiex fil-mira tal-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ miżuri individwali, diġà hemm eċċezzjonijiet fis-seħħ li jippermettu li fondi u riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni u l-entitajiet ddeżinjati, meta tali fondi u riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa biss għall-fini ta’ għoti tal-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew tal-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. F’ċerti każijiet, hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti.

    (6)

    Fid-dawl tal-gravità tal-kriżi umanitarja fis-Sirja aggravata mit-terremot, u bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-twassil rapidu tal-għajnuna, huwa xieraq li tiġi introdotta eżenzjoni għall-iffriżar tal-assi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-entitajiet ddeżinjati, u għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi lilhom, għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ċerti kategoriji definiti ta’ atturi involuti fl-attivitajiet umanitarji. Jenħtieġ li din l-eżenzjoni tapplika għal perjodu inizjali ta’ sitt xhur u ma tirrikjedix awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti.

    (7)

    Hija neċessarja azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni.

    (8)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/255/PESK tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 28a tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 28a

    1.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28(1), (2) u (5) ma għandhomx japplikaw sal-24 ta’ Awwissu 2023 għall-forniment, l-ipproċessar jew il-pagament ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi, li huma neċessarji biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem fejn assistenza u attivitajiet oħra bħal dawn jitwettqu minn:

    (a)

    Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-programmi, il-fondi u l-entitajiet u l-korpi l-oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzajonijiet relatati tagħha;

    (b)

    organizzazzjonijiet internazzjonali;

    (c)

    organizzazzjonijiet umanitarji li jkollhom status ta’ osservatur fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

    (d)

    organizzazzjonijiet nongovernattivi ffinanzjati b’mod bilaterali jew multilaterali li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (United Nations Office for the Coordination of Humanitarian Affairs, OCHA);

    (e)

    korpi pubbliċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew mill-Istati Membri biex jiżguraw it-twassil fil-ħin tal-assistenza umanitarja jew biex jappoġġaw attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem għall-popolazzjoni ċivili fis-Sirja;

    (f)

    organizzazzjonijiet u aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastri mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni tkun iffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni;

    (g)

    organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

    (h)

    aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew minn

    (i)

    l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab ta’ implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (h) waqt li, u sa fejn, ikunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

    2.   Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 28(5) ma għandhiex tapplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet elenkati fl-Annessi I u II minn korpi pubbliċi, jew minn persuni ġuridiċi jew entitajiet li jirċievu finanzjament pubbliku biex jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew biex tingħata assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, fejn l-għoti ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija f’konformità mal-Artikolu 5(3).

    3.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafi 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu, u b’deroga mill-Artikolu 28(5), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li huma jqisu xierqa, wara li jkunu iddeterminaw li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huwa neċessarju għall-għan waħdieni li jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.

    4.   Il-projbizzjoni fl-Artikolu 28(5) ma għandhiex tapplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew tal-entitajiet elenkati fl-Annessi I u II minn missjonijiet diplomatiċi jew konsulari fejn l-għoti ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa f’konformità mal-Artikolu 5(4).

    5.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u b’deroga mill-Artikoli 28(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma meħtieġa għall-għan waħdieni li jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. Il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu rilaxxati lin-NU bil-għan li jwasslu jew li jiffaċilitaw l-għoti tal-assistenza fis-Sirja skont il-Pjan ta’ Risposta Umanitarja fis-Sirja jew kwalunkwe pjan suċċessur ikkoordinat min-NU.

    6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 3 u 5 fi żmien ġimagħtejn mill-għoti ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).


    Top