Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1478

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1478 tas-6 ta’ Settembru 2022 li jestendi d-dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu għall-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le

    C/2022/6242

    ĠU L 233, 8.9.2022, p. 18–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/10/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1478/oj

    8.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 233/18


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1478

    tas-6 ta’ Settembru 2022

    li jestendi d-dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu għall-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Miżuri eżistenti

    (1)

    F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta (“GFF”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) u mill-Eġittu bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 (2). Il-miżuri antisussidji ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem li jvarja bejn 17 % u 30,7 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ u dazju ad valorem ta’ 10,9 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Eġittu (“il-miżuri inizjali”). L-investigazzjoni li wasslet għal dawn id-dazji bdiet fis-16 ta’ Mejju 2019 (“l-investigazzjoni inizjali”) (3).

    1.2.   Talba

    (2)

    Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri kumpensatorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Eġittu minn importazzjonijiet ta’ GFF ikkonsenjati mit-Turkija, sew jekk kienu ddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le, u biex tagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni.

    (3)

    It-talba tressqet fit-3 ta’ Novembru 2021 minn TECH-FAB Europe e.V, assoċjazzjoni ta’ produtturi tal-Unjoni tal-GFF (“l-applikant”).

    (4)

    It-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet miċ-Ċina, mill-Eġittu u mit-Turkija lejn l-Unjoni li kienu seħħew wara li ġew imposti l-miżuri fuq il-GFF li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Eġittu. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ dehret li ġejja minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti, għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jiġifieri l-kunsinna tal-GFF mit-Turkija lejn l-Unjoni sew jekk tkun għaddiet minn operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni fit-Turkija u sew jekk le, b’mod partikolari minn kumpanija bl-isem ta’ Turkiz Composite Materials Technology Üretim Sanayi ve Ticaret Anonim Şirketi (minn hawn ’il quddiem “Turkiz Composite” (4)), kumpanija li tinsab fiż-żona ħielsa Ewropea tal-ASB f’Marmara, fit-Turkija.

    (5)

    Barra minn hekk, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li turi li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma kienu qed jimminaw l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri antisussidji eżistenti f’termini tal-kwantità u l-prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, kien hemm biżżejjed evidenza li saru importazzjonijiet ta’ GFF bi prezzijiet dannużi.

    (6)

    Fl-aħħar nett, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li l-GFF ikkonsenjat mit-Turkija kompla jibbenefika minn sussidji għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-GFF taħt il-miżuri eżistenti. Tabilħaqq, il-GFF u l-partijiet tiegħu jiġu prodotti u esportati lejn it-Turkija minn kumpaniji fiċ-Ċina u fl-Eġittu, li nstab li jirċievu sussidji kumpensabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-GFF taħt il-miżuri eżistenti.

    1.3.   Prodott ikkonċernat u prodott taħt investigazzjoni

    (7)

    Il-prodott ikkonċernat huwa materjali ta’ faxex u/jew raden tal-fibra tal-ħġieġ b’filament kontinwu minsuġa u/jew meħjuta b’elementi oħrajn jew le, ħlief prodotti li huma impregnati jew impregnati minn qabel (prepreg), u minbarra materjali b’nisġa miftuħa b’ċelloli b’daqs ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, ikklassifikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 39 00, ex 7019 40 00, ex 7019 59 00 u ex 7019 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019390080, 7019400080, 7019590080 u 7019900080) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li l-miżuri fis-seħħ bħalissa japplikaw għalih.

    (8)

    Il-prodott li qiegħed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkonsenjat mit-Turkija, kemm jekk iddikjarat bħala li joriġina mit-Turkija kif ukoll jekk le (ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2230 (5) taħt il-kodiċijiet TARIC 7019390083, 7019400083, 7019590083 u 7019900083) (“il-prodott li qiegħed jiġi investigat”).

    (9)

    L-investigazzjoni wriet li l-GFF esportat miċ-Ċina u mill-Eġittu lejn l-Unjoni u l-GFF ikkonsenjat mit-Turkija, sew jekk joriġina mit-Turkija kif ukoll le, għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi, u għaldaqstant jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

    1.4.   Bidu

    (10)

    Billi wara li infurmat lill-Istati Membri, iddeterminat li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni u għamlet l-importazzjonijiet tal-GFF ikkonsenjat mit-Turkija, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Turkija kif ukoll jekk le, soġġett għal reġistrazzjoni, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/222 (6) (“ir-Regolament tal-bidu”).

    1.5.   Kummenti dwar il-bidu

    (11)

    LM Wind Power, manifattur tal-pali tar-riħ stabbilit fl-Unjoni, sostna li l-bidu tal-investigazzjoni ma kienx iġġustifikat minħabba nuqqas ta’ evidenza suffiċjenti, u għalhekk jenħtieġ li l-investigazzjoni tintemm minnufih.

    (12)

    Huwa sostna li ma seħħet l-ebda ċirkomvenzjoni peress li ma hemm l-ebda bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn it-Turkija u l-Unjoni minn naħa, jew bejn iċ-Ċina u l-Eġittu, u l-Unjoni min-naħa l-oħra, li tkun indikattiva ta’ prattika ta’ ċirkomvenzjoni. Huwa sostna wkoll li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma li qed isiru fit-Turkija ma kienu jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-kategoriji tal-Artikolu 23(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, ma kien hemm l-ebda evidenza pożittiva fit-talba li saret il-kunsinna tal-GFF li joriġina miċ-Ċina jew mill-Eġittu mit-Turkija lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, il-prattika, il-proċess jew il-ħidma ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala modifika żgħira, billi l-prodott li qiegħed jiġi investigat huwa prodott downstream u, bħala tali, prodott differenti mill-materjali ta’ input tiegħu (prinċipalment faxex tal-fibra tal-ħġieġ), jew operazzjoni ta’ assemblaġġ, b’mod partikolari billi l-prodott li qiegħed jiġi investigat u l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ ma humiex ikklassifikati taħt l-istess intestaturi tariffarji.

    (13)

    Huwa sostna wkoll li kien hemm raġuni valida u ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti skont it-tifsira tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku għall-prattika, għall-proċess jew għall-ħidma li qed isseħħ fit-Turkija permezz tal-istabbiliment ta’ impjant tal-produzzjoni tal-GFF fit-Turkija. Kien hemm domanda sinifikanti għall-GFF fit-Turkija, xprunata l-aktar mis-settur tal-enerġija eolika fit-Turkija, bi ħtieġa ta’ madwar 20 000 – 25 000 tunnellata fl-2020. Id-domanda kienet qed tikber, u dan intwera mill-fatt li fl-2018, kumpanija Torka stabbiliet faċilità ġdida għall-produzzjoni tal-fibra tal-ħġieġ fit-Turkija b’kapaċità ta’ produzzjoni annwali addizzjonali ta’ 70 000 tunnellata. Fl-aħħar nett, huwa sostna li kien hemm ukoll domanda dejjem akbar għall-GFF fir-reġjuni ġirien, qrib it-Turkija, bħal-Lvant Nofsani u l-Afrika u li dawn il-fatti kienu jiġġustifikaw ukoll l-istabbiliment ta’ impjant tal-produzzjoni fit-Turkija.

    (14)

    Waslu kummenti simili mingħand manifattur Ewropew ieħor tal-pali tar-riħ stabbilit fl-Unjoni, jiġifieri Vestas Wind Systems A/S u minn produttur esportatur Tork wieħed tal-GFF, jiġifieri Turkiz Composite, li jinsab fiż-żona ħielsa Ewropea tal-ASB f’Marmara, fit-Turkija fejn jibbenefika mit-taxxa fuq l-introjtu u mill-eżenzjonijiet mill-VAT.

    (15)

    Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ekonomika tal-istabbiliment tagħha fit-Turkija, Turkiz Composite sostniet ukoll li l-bord tad-diretturi tal-kumpanija omm Ċiniża tagħha ħa d-deċiżjoni li jistabbilixxi l-kumpanija fit-Turkija diġà fl-24 ta’ April 2018, jiġifieri qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni inizjali, kif imsemmi fil-premessa (1).

    (16)

    L-awtoritajiet Eġizzjani sostnew li l-Eġittu kien involut b’mod inġust fl-investigazzjoni attwali minħabba li ma kienet saret l-ebda prattika ta’ ċirkomvenzjoni li kienet tinvolvi lill-Eġittu. Huma sostnew ukoll, b’mod simili għal dak li qalet LM Wind Power, li kien hemm nuqqas ta’ evidenza biex tingħata prova taċ-ċirkomvenzjoni f’forma jew ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-Turkija li jinvolvu l-esportazzjonijiet ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ mill-Eġittu jew ta’ trażbord bejn it-Turkija u l-Unjoni li jinvolvi l-GFF miċ-Ċina u mill-Eġittu.

    (17)

    L-awtoritajiet Torok enfasizzaw li hemm kapaċità installata u produzzjoni sinifikanti tal-GFF fit-Turkija, u li kienu tal-fehma li l-produtturi domestiċi Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti jenħtieġ li jiġu eżentati mill-estensjoni tal-miżuri.

    (18)

    Fl-aħħar nett, Amiblu Holding GmbH, fornitur ta’ sistemi u soluzzjonijiet tal-pajpijiet tal-plastik imsaħħa bil-fibra tal-ħġieġ fl-Unjoni sostna li huwa fl-interess tal-Unjoni li taġixxi kontra prattiki ta’ ċirkomvenzjoni distortivi mis-suq fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-GFF minn pajjiżi terzi, inkluża t-Turkija. B’mod partikolari, huwa sostna li peress li l-kompetituri Torok tiegħu ma humiex soġġetti għal miżuri anti-dumping u kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ faxex tal-fibri tal-ħġieġ, il-pożizzjoni kompetittiva tal-industriji tal-Unjoni kienet affettwata. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni teżamina b’mod sistematiku l-mekkaniżmi ta’ ċirkomvenzjoni f’pajjiżi terzi, inkluża t-Turkija.

    (19)

    Fir-rigward ta’ dak li ntqal rigward il-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni fakkret li l-investigazzjoni kienet inbdiet fuq il-bażi ta’ evidenza pprovduta fit-talba. Filwaqt li l-investigazzjoni ma setgħetx tikkonferma l-eżistenza ta’ trażbord mingħajr operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, hija sabet evidenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew kompletazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 23(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament bażiku juża b’mod espliċitu l-kliem “inter alia”, u b’hekk ikopri prattiki ta’ ċirkomvenzjoni, bħal operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, li ma humiex elenkati espliċitament fl-Artikolu. It-talba pprovdiet biżżejjed evidenza (7) tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u li dawn l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ saru bl-użu ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ mir-RPĊ u l-Eġittu (8). Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodott li qiegħed jiġi investigat jew tal-materjali ewlenin ta’ input tiegħu hija irrilevanti biex jiġi ddeterminat jekk operazzjoni ta’ assemblaġġ tikkostitwixxix ċirkomvenzjoni.

    (20)

    Barra minn hekk, it-talba pprovdiet biżżejjed evidenza dwar in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazji, bħar-referenza tagħha għar-rapport annwali tal-2018 ta’ China Hengshi Foundation Company Limited (9). Skont it-talba, ir-riskji operatorji identifikati mir-rapport annwali tal-2018 bl-espansjoni tal-operazzjonijiet tal-Grupp Nazzjonali taċ-Ċina dwar il-Materjali tal-Bini għat-Turkija kienu “riskji assoċjati mad-dazji anti-dumping imposti fuq il-prodotti tagħna mill-Unjoni Ewropea u l-frizzjoni kummerċjali Sino-U.S.” (10). L-investigazzjoni anti-dumping separata msemmija espliċitament inbdiet madwar tliet xhur qabel il-bidu tal-investigazzjoni inizjali, li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazji kumpensatorji. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni turi l-intenzjoni li jiġu evitati d-dazji li jirriżultaw mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    (21)

    Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet li t-talba ma kienx fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni ħadet nota tad-dikjarazzjonijiet ta’ Amiblu Holding GmbH u tal-awtoritajiet Torok.

    1.6.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu ta’ rapportar

    (22)

    Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). Inġabret data biex il-PI jinvestiga, fost l-oħrajn, l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat u l-eżistenza ta’ prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu ta’ rapportar” jew “PR”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza ta’ sussidjar.

    1.7.   Investigazzjoni

    (23)

    Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-awtoritajiet taċ-Ċina, tal-Eġittu u tat-Turkija, lill-produtturi esportaturi magħrufa f’dawk il-pajjiżi, lill-industrija tal-Unjoni u lill-President tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

    (24)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tat-Turkija għall-Unjoni Ewropea biex tipprovdiha l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi esportaturi u/jew tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni flimkien mal-produtturi esportaturi Torok, li ġew identifikati fit-talba mill-applikant.

    (25)

    Formoli ta’ talba għal eżenzjoni għall-produtturi/esportaturi fit-Turkija, kwestjonarji għall-produtturi/esportaturi fiċ-Ċina u l-Eġittu, u għall-importaturi fl-Unjoni kienu saru disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ KUMMERĊ.

    (26)

    Mis-sitt produtturi esportaturi magħrufa, erbgħa minnhom issottomettew formoli ta’ talba għal eżenzjoni. Dawn kienu:

    Saertex Turkey Tekstil Ltd. Şti.;

    Sonmez Asf Iplik Dokuma Ve Boya San Tic A. Ş.;

    Telateks Tekstil Ürünleri Sanayi ve Ticaret Anonim Şirketi, u Telateks Dış Ticaret ve Kompozit Sanayi Anonim Şirketi, li jappartjenu għall-grupp “Metyx Composites” (diviżjoni ta’ Telateks A.S);

    Turkiz Composite.

    (27)

    Barra minn hekk, sitt kumpaniji Ċiniżi u Eġizzjani, kollha relatati ma’ Turkiz Composite, issottomettew tweġibiet għall-kwestjonarju.

    (28)

    Barra minn hekk, il-kumpanija Ungeriża Metyx Hungary Korlátolt Felelősségű Társaság (importatur relatat tal-GFF prodott minn Telateks Tekstil Ürünleri Sanayi ve Ticaret Anonim Şirketi) u l-kumpanija Ġermaniża Saertex GmbH & Co. KG (il-kumpanija omm u l-importatur tal-GFF prodott minn Saertex Turkey Teksil Ltd. Şti.) issottomettew it-tweġibiet għall-kwestjonarju.

    (29)

    Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu ta’ żmien stipulat fir-Regolament tal-bidu. Il-partijiet kollha ġew infurmati li n-nuqqas ta’ sottomissjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

    (30)

    Fl-4 ta’ Frar 2022 saret seduta ta’ smigħ ma’ LM Wind Power. Wara d-divulgazzjoni, fit-12 ta’ Lulju saret seduta ta’ smigħ ma’ Turkiz Composite.

    2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

    2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    (31)

    F’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku, l-elementi li ġejjin jenħtieġ li jiġu analizzati sabiex tiġi vvalutata ċ-ċirkomvenzjoni possibbli:

    jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ/l-Eġittu/it-Turkija u l-Unjoni,

    jekk din il-bidla rriżultatx minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ,

    jekk hemmx evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ kinux qed jiġu imminati f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, u

    jekk il-prodott simili importat u/jew partijiet minnu għadhomx jbbenefikaw mis-sussidju.

    (32)

    It-talba allegat trażbord, u b’mod partikolari l-kunsinna tal-GFF mit-Turkija lejn l-Unjoni sew jekk ikun għadda minn operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni fit-Turkija u sew jekk le (ara l-premessa (4)).

    (33)

    Fir-rigward tat-trażbord, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza li wieħed mill-erba’ produtturi esportaturi li kkooperaw kien involut f’tali prattiki. Għalhekk, din l-allegazzjoni ma setgħetx tiġi kkonfermata minn din l-investigazzjoni.

    (34)

    Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ / kompletazzjoni, l-Artikolu 23(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament bażiku ma jelenkahomx speċifikament bħala prattika, proċess jew ħidma li jikkostitwixxi ċirkomvenzjoni. Madankollu, l-Artikolu 23(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament bażiku juża b’mod espliċitu l-kliem “inter alia”, li jfisser li jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ prattiki possibbli ta’ evażjoni. B’riżultat ta’ dan, ikopri wkoll prattiki oħra ta’ ċirkomvenzjoni, li ma humiex elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu inkwistjoni, bħall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ / kompletazzjoni. Għaldaqstant, billi l-evidenza pprovduta mill-applikanti fit-talba indikat li kienu qed isiru operazzjonijiet ta’ assemblaġġ / kompletazzjoni fit-Turkija, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk, b’analoġija, il-kriterji stipulati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament anti-dumping bażiku ġewx issodisfati, b’mod partikolari:

    jekk l-operazzjoni ta’ assemblaġġ / kompletazzjoni bdietx jew żdiditx sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni antisussidji, jew eżatt qabilha, u jekk il-partijiet ikkonċernati humiex mill-pajjiż soġġett għal miżuri, u

    jekk il-partijiet jikkostitwixxux 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u jekk il-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kienx akbar minn 25 % tal-kostijiet tal-manifattura.

    2.2.   Kooperazzjoni

    (35)

    Kif iddikjarat fil-premessa (26), erba’ produtturi esportaturi fit-Turkija talbu li jiġu eżentati mill-miżuri, jekk jiġu estiżi għat-Turkija. Huma kkooperaw matul il-proċediment kollu billi ppreżentaw formoli ta’ talba għal eżenzjoni u billi pprovdew tweġibiet għal ittri ta’ defiċjenza. Il-livell ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Torok kien għoli, peress li l-volumi tal-esportazzjoni rrapportati aggregati tagħhom tal-GFF lejn l-Unjoni fil-formoli ta’ talba għal eżenzjoni sottomessi tagħhom kienu jammontaw għall-volumi tal-importazzjoni totali Torok matul il-perjodu ta’ rapportar, kif irrapportat fl-istatistika tal-importazzjoni tal-EUROSTAT.

    (36)

    Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fil-bini tal-kompost ta’ Turkiz Composite, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku. Għall-kuntrarju tat-tliet produtturi l-oħra li ppreżentaw ruħhom, din il-kumpanija importat kważi l-materjali ta’ input kollha (100 %) tagħha u b’mod partikolari l-materjal ta’ input ewlieni kollu tagħha (faxex tal-fibra tal-ħġieġ) mill-kumpaniji relatati tagħha fiċ-Ċina u fl-Eġittu. Barra minn hekk, din il-kumpanija kienet bil-bosta l-akbar produttur esportatur Tork tal-GFF matul il-perjodu ta’ rapportar. Hija esportat aktar GFF lejn l-Unjoni mit-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħra li kkooperaw flimkien matul il-perjodu ta’ rapportar.

    2.3.   Tibdil fix-xejra tal-kummerċ

    2.3.1.   Importazzjonijiet tal-GFF

    (37)

    It-Tabella 1 ta’ hawn taħt turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina, mill-Eġittu u mit-Turkija fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

    Tabella 1

    Importazzjonijiet tal-GFF lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni (f’tunnellati)

     

    2019

    2020

    Il-perjodu tar-rapportar

    RPĊ

    43 460

    38 440

    33 263

    indiċi (bażi = 2019)

    100

    88

    77

     

    L-Eġittu

    11 349

    6 935

    3 608

    indiċi (bażi = 2019)

    100

    61

    32

     

    It-Turkija

    2 334

    4 152

    8 367

    indiċi (bażi = 2019)

    100

    178

    358

    Sors: Eurostat

    (38)

    It-Tabella 1 turi li l-importazzjonijiet tal-GFF mit-Turkija żdiedu minn 2 334 tunnellata fl-2019 għal 8 367 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar. Iż-żieda sinifikanti fil-perjodu ta’ rapportar meta mqabbla mal-2019 seħħet fl-istess ħin maż-żieda fil-produzzjoni minn Turkiz Composite, li bdiet tipproduċi minn Marzu 2019 ’il quddiem.

    (39)

    L-importazzjonijiet ta’ GFF miċ-Ċina naqsu minn 43 460 tunnellata fl-2019 għal 33 263 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ GFF mill-Eġittu naqsu minn 11 349 tunnellata fl-2019 għal 3 608 tunnellati.

    2.3.2.   Volumi ta’ esportazzjoni ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina u l-Eġittu lejn it-Turkija

    (40)

    It-Tabella 2 hawn taħt turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina u mill-Eġittu mit-Turkija abbażi tal-istatistika tal-importazzjoni Torka mill-bażi tad-data tal-GTA.

    Tabella 2

    L-importazzjonijiet tat-Turkija ta’ faxex tal-fibri tal-ħġieġ miċ-Ċina u mill-Eġittu fil-perjodu ta’ investigazzjoni (f’tunnellati)

     

    2019

    2020

    PR

    RPĊ

    7019 12 Faxex tal-fibra tal-ħġieġ

    6 996

    15 970

    19 201

     

    L-Eġittu

    7019 12 Faxex tal-fibra tal-ħġieġ

    9 142

    20 565

    30 149

    Sors: GTA

    (41)

    Il-materjal ewlieni tal-input għall-produzzjoni tal-GFF huwa l-faxex ta’ fibra tal-ħġieġ. Dan il-materjal ta’ input imbagħad jiġi pproċessat ulterjorment biex jiġi prodott il-GFF. L-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni wriet li l-GFF esportat lejn l-Unjoni mit-Turkija kien prodott prinċipalment minn faxex tal-fibra tal-ħġieġ.

    (42)

    It-Tabella 2 turi li l-importazzjonijiet tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina lejn it-Turkija żdiedu sostanzjalment minn 6 996 tunnellata fl-2019 għal 19 201 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar. L-importazzjonijiet ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ mill-Eġittu lejn it-Turkija wkoll żdiedu b’mod sinifikanti minn 9 142 tunnellata fl-2019 għal 30 149 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar. L-importazzjonijiet kemm miċ-Ċina kif ukoll mill-Eġittu jirrappreżentaw madwar 70 % tal-importazzjonijiet totali ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ lejn it-Turkija kemm għas-sena 2020 kif ukoll għall-perjodu ta’ rapportar. Barra minn hekk, iż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina u mill-Eġittu lejn it-Turkija kkoinċidiet ukoll mal-fatt li kien biss minn Mejju 2020 li Turkiz Composite bdiet tissupplixxi lill-akbar klijent Ewropew tagħha, u dan wassal għal żieda fil-konsum tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ għall-produzzjoni tal-GFF.

    (43)

    Turkiz Composite ssottomettiet li l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ li kienet użat biex tipproduċi l-GFF kienu nxtraw kollha miċ-Ċina u mill-Eġittu, b’mod partikolari mill-kumpaniji relatati tagħha fiċ-Ċina u fl-Eġittu. Hija importat dawn il-faxex taħt il-kodiċi SA 7019 12. L-importazzjonijiet taħt dan il-kodiċi wrew l-aktar żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet miċ-Ċina u mill-Eġittu lejn it-Turkija.

    (44)

    Iż-żieda sinifikanti fil-volumi ta’ importazzjonijiet ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina u mill-Eġittu lejn it-Turkija, indikat żieda fid-domanda għal tali materjali ta’ input fit-Turkija, li tista’, tal-inqas parzjalment, tiġi spjegata miż-żieda fil-produzzjoni u fl-esportazzjonijiet tal-GFF mit-Turkija matul il-perjodu ta’ rapportar. Dan kien ikkorroborat ukoll mill-informazzjoni pprovduta mingħand Turkiz Composite.

    2.3.3.   Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

    (45)

    Iż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-GFF mit-Turkija lejn l-Unjoni minn naħa, u t-tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina u mill-Eġittu lejn l-Unjoni min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn it-Turkija u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku, flimkien maż-żieda sinifikanti matul il-perjodu ta’ rapportar meta mqabbla mal-2019 tal-esportazzjonijiet Ċiniżi u Eġizzjani tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ lejn it-Turkija kif muri fit-Tabella 2.

    2.4.   Ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju kompensatorju

    (46)

    L-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li t-tibdil fix-xejra tal-kummerċ tkun ġejja minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma jkunx hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

    (47)

    Il-Kummissjoni fakkret li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma tinkludi l-assemblaġġ ta’ partijiet/operazzjonijiet ta’ kompletazzjoni f’pajjiż terz, kif spjegat fil-premessa (19).

    (48)

    Turkiz Composite sostniet li kien hemm raġuni valida u ġustifikazzjoni ekonomika għall-istabbiliment tagħha. Hija sostniet li l-istabbiliment tagħha fit-Turkija kien dovut għad-domanda sinifikanti għall-GFF fit-Turkija u għad-domanda akbar għall-GFF fil-pajjiżi ġirien tat-Turkija, minbarra l-UE (prinċipalment l-Eġittu, il-Ġordan, l-Iran u sa ċertu punt l-Arabja Sawdija), kif ukoll minħabba d-domanda sinifikanti u dejjem akbar għall-faxex tal-fibra tal-ħġieġ fit-Turkija.

    (49)

    L-investigazzjoni żvelat li Turkiz Composite kienet iddeċidiet li tistabbilixxi kumpanija fit-Turkija qabel il-bidu tal-investigazzjoni inizjali. Din ġiet stabbilita fl-1 ta’ Ġunju 2018, iżda bdiet tipproduċi biss f’Marzu 2019, peress li kienet għadha trid issib bini, u tixtri, iċċaqlaq, tinstalla u tittestja l-magni tal-GFF kollha tagħha. Id-data tal-bidu tal-produzzjoni kkoinċidiet mad-data tal-bidu (11) tal-investigazzjoni anti-dumping inizjali fuq l-importazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina u mill-Eġittu, li seħħet qabel il-bidu tal-investigazzjoni inizjali b’madwar tliet xhur.

    (50)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi rabta bejn il-prattika, il-proċess jew il-ħidma inkwistjoni u l-bidla fix-xejra tal-kummerċ peress li dan tal-aħħar irid“jirriżulta” minn tal-ewwel. Għalhekk hija l-prattika, il-proċess jew il-ħidma li twassal għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ, li jeħtieġ li jkollha raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, sabiex ma titqiesx bħala ċirkomvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku.

    (51)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-argument li l-kumpanija ġiet stabbilita biex taqdi s-swieq domestiċi, Afrikani u tal-Lvant Nofsani huwa immaterjali, peress li ma huwiex l-istabbiliment tal-kumpanija li hija l-prattika, il-proċess jew il-ħidma li jwasslu għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ. Il-prattika li minnha tirriżulta dik il-bidla hija l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni fit-Turkija li twassal għal żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet tal-GFF (il-prodott assemblat) lejn l-Unjoni. Il-bejgħ tal-esportazzjoni ta’ GFF lejn l-Unjoni minn Turkiz Composite żdied sostanzjalment meta bdiet iżżid gradwalment il-provvista tagħha lill-akbar klijent Ewropew tagħha minn Mejju 2020 ’il quddiem (ara l-premessa (42)), li kkoinċida mad-data tal-impożizzjoni tal-miżuri inizjali (ara l-premessa (1)(1)).

    (52)

    Barra minn hekk, il-fatt li kumpanija li allegatament ġiet stabbilita biex taqdi s-swieq domestiċi u Afrikani u tal-Lvant Nofsani, wara l-bidu tal-każ anti-dumping fil-fatt taqdi s-suq domestiku u tal-Unjoni minflok (12) jissuġġerixxi ulterjorment li l-attivitajiet ta’ assemblaġġ tagħha ġew żviluppati b’reazzjoni għall-investigazzjoni u mbagħad żdiedu aktar b’reazzjoni għall-impożizzjoni tad-dazji.

    (53)

    Wara d-divulgazzjoni, Turkiz Composite u LM Wind Power sostnew li r-raġunament tal-Kummissjoni ma rrispettax pass fl-analiżi legali tagħha dwar il-ġustifikazzjoni ekonomika peress li naqset milli tivvaluta jekk kienx hemm ġustifikazzjoni ekonomika jew raġuni valida suffiċjenti għall-prattika, għall-proċess jew għall-ħidma. Huma sostnew ukoll li l-Kummissjoni applikat it-test temporali ħażin, peress li naqset milli tirrikonoxxi li l-“impożizzjoni tad-dazji” – u mhux il-ftuħ ta’ investigazzjoni – trid tkun ir-raġuni għall-prattika, il-proċess jew il-ħidma. Fl-aħħar nett, huma sostnew li, kieku l-Kummissjoni applikat it-testijiet legali korretti, hija kienet tikkonkludi li kien hemm raġuni valida suffiċjenti u ġustifikazzjoni ekonomika għall-istabbiliment ta’ Turkiz Composite. Huma sostnew li r-raġuni ewlenija għall-istabbiliment tal-impjant Tork kienet li jaqdi s-suq domestiku Tork.

    (54)

    Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tivvaluta jekk kienx hemm ġustifikazzjoni ekonomika jew raġuni valida suffiċjenti għall-prattika, għall-proċess jew għall-ħidma. Din il-valutazzjoni saret, kif spjegat b’mod espliċitu fil-premessi (49) u (50) hawn fuq. Il-Kummissjoni identifikat b’mod ċar il-prattika, il-proċess jew il-ħidma li wasslu għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ u mbagħad analizzat il-ġustifikazzjonijiet potenzjali għal dik il-prattika. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew il-partijiet interessati, u kif spjegat fil-premessa (51), ma huwiex l-istabbiliment ta’ Turkiz Composite, jew il-bejgħ domestiku tagħha, li hija l-prattika, il-proċess jew il-ħidma inkwistjoni, peress li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ, diskussa fil-punt 2.3. hawn fuq, ma tirriżultax minn dawn.

    (55)

    It-tieni, il-Kummissjoni ma applikatx it-test temporali ħażin. Fil-premessa (49) hija rreferiet għall-fatt li d-data tal-bidu tal-produzzjoni ħabtet mad-data tal-bidu tal-investigazzjoni oriġinali. Din is-sejba, li kienet ibbażata fuq informazzjoni vverifikata pprovduta mingħand Turkiz Composite, kienet legalment rilevanti, peress li waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament anti-dumping bażiku (13) hija li “... l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni kontra dumping ...”. L-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi ċ-ċirkomvenzjoni u għalhekk jiffoka fuq l-impożizzjoni tad-dazju, peress li mingħajr ma jiġi impost dazju ma jistax ikun hemm ċirkomvenzjoni. Dan ma jipprekludix li l-bidu ta’ prattika, proċess jew ħidma wara l-bidu ta’ investigazzjoni jitqies bħala evidenza li d-dazju impost sussegwentement (u raġonevolment mistenni) kien il-ġustifikazzjoni għall-prattika inkwistjoni. Il-qari tal-Artikolu 23(3) propost mill-parti interessata mhux biss ikun inkompatibbli mal-lingwaġġ tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament antidumping bażiku, ikkwotat hawn fuq, iżda effettivament ineħħi l-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li jibdew bejn il-bidu ta’ investigazzjoni u l-impożizzjoni tad-dazji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(3). Dan imur kontra l-għan proprju tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku dwar l-anti-dumping (u b’analoġija l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku), kif definit mill-Qorti (14).

    (56)

    Fir-rigward tal-affermazzjoni li r-raġuni ewlenija għall-istabbiliment tal-impjant Tork kienet li jaqdi s-suq domestiku Tork, il-Kummissjoni nnotat li Turkiz Composite biddlet kemxejn ir-raġunament tagħha matul dan il-proċediment, peress li qabel id-divulgazzjoni, il-kumpanija sostniet li r-raġuni kienet li taqdi s-swieq domestiċi, Afrikani u tal-Lvant Nofsani. Kif imsemmi fil-premessa (52), Turkiz Composite serviet is-suq domestiku u tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-operazzjonijiet ta’ Turkiz Composite żdiedu sostanzjalment matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kif muri mis-sejbiet li ġejjin:

    Sit tal-manifattura wieħed inkera fl-2018, ieħor fl-2019, u dawk li jifdal fl-2020;

    Mill-magni kollha tal-GFF li kienu qed jintużaw matul il-perjodu ta’ rapportar, inqas minn sebgħa bdew jintużaw għall-ewwel darba fl-2019, filwaqt li aktar minn sebgħa ntużaw ukoll għall-ewwel darba fl-2020 u fl-ewwel nofs tal-2021;

    Turkiz Composite xtrat prinċipalment dawn il-magni tal-GFF mill-kumpaniji relatati tagħha fiċ-Ċina u fl-Eġittu. Iż-żieda sinifikanti fil-kapaċità tal-produzzjoni ta’ Turkiz Composite matul il-perjodu ta’ investigazzjoni wriet b’mod ċar bidla fl-istrateġija mill-Grupp Nazzjonali taċ-Ċina dwar il-Materjali tal-Bini, li Turkiz Composite kienet parti minnu, b’reazzjoni għall-bidu tal-investigazzjoni oriġinali;

    Mhux biss il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, iżda l-produzzjoni attwali tagħha żdiedet ukoll, u hekk ukoll għamel l-għadd ta’ persunal. Il-kapaċità tal-produzzjoni kienet tliet darbiet ogħla fil-perjodu ta’ rapportar meta mqabbla mas-sena 2019, filwaqt li l-produzzjoni attwali kienet 60 darba ogħla fil-perjodu ta’ rapportar meta mqabbla mas-sena 2019. Barra minn hekk, l-għadd ta’ persunal kien madwar sitt darbiet ogħla fil-perjodu ta’ rapportar meta mqabbel mas-sena 2019;

    Fl-aħħar nett, il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (ara l-premessa (60)) minn Turkiz Composite kiber b’mod esponenzjali wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali.

    (57)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għaż-żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet minn Turkiz Composite tal-prodott assemblat lejn l-Unjoni, għajr li jiġi evitat il-ħlas tad-dazji anti-dumping attwalment fis-seħħ.

    2.5.   Bidu jew żieda sostanzjali tal-operazzjonijiet

    (58)

    L-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping jirrikjedi li l-operazzjoni ta’ assemblaġġ tkun bdiet jew żdiedet sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, jew eżatt qabilha, u li l-partijiet ikkonċernati jkunu ġejjin mill-pajjiż soġġett għal miżuri anti-dumping. Kif imsemmi fil-premessa (19), l-istandards legali li jinsabu fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping jistgħu jintużaw b’analoġija fil-valutazzjoni tal-każ antisussidji fil-kuntest tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku.

    (59)

    L-investigazzjoni inizjali bdiet fis-16 ta’ Mejju 2019 u d-dazji kumpensatorji definittivi ġew imposti fil-15 ta’ Ġunju 2020. Turkiz Composite ġiet stabbilita uffiċjalment fl-1 ta’ Ġunju 2018 u bdiet il-produzzjoni minn Marzu 2019 ’il quddiem. Għalhekk, id-data tal-bidu tal-produzzjoni tikkoinċidi mad-data tal-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping inizjali dwar l-importazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina u mill-Eġittu, li ppreċediet il-bidu tal-investigazzjoni inizjali b’madwar tliet xhur.

    (60)

    Barra minn hekk, Turkiz Composite żiedet sostanzjalment il-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha fl-2020 u matul il-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbel mal-2019. Din iż-żieda sostanzjali tal-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni tikkoinċidi mad-data tal-impożizzjoni tad-dazji kumpensatorji definittivi, jiġifieri fil-15 ta’ Ġunju 2020 (ara l-premessa preċedenti). Barra minn hekk, kważi l-materjali ta’ input kollha tagħha u b’mod partikolari l-materjal ewlieni ta’ input kollu (100 %) tagħha (faxex tal-fibra tal-ħġieġ) inxtraw mill-kumpaniji relatati tagħha fiċ-Ċina u fl-Eġittu.

    (61)

    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni inizjali.

    2.6.   Il-valur tal-partijiet u l-valur miżjud

    2.6.1.   Valur tal-partijiet

    (62)

    F’dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku anti-dumping jgħid li kundizzjoni oħra biex tiġi stabbilita ċ-ċirkomvenzjoni hija li l-partijiet (ta’ oriġini Ċiniża u Eġizzjana, f’dan il-każ) jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u li l-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, tul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew kompletazzjoni, ikun inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura. L-istandards legali li jinsabu fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament anti-dumping bażiku jistgħu jintużaw b’analoġija fil-valutazzjoni tal-każ antisussidji fil-kuntest tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku.

    (63)

    Il-materjal ewlieni tal-input għall-produzzjoni tal-GFF huwa l-faxex ta’ fibra tal-ħġieġ. Turkiz Composite xtrat il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ kollha (100 %) li kienet tuża minn kumpaniji relatati fiċ-Ċina u fl-Eġittu. Permezz tal-proċess ta’ nsiġ li jsir, li hija operazzjoni ta’ kompletazzjoni fit-Turkija, dawn il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ ġew trasformati f’GFF. Skont l-informazzjoni sottomessa u vverifikata minn Turkiz Composite, il-materjal ewlieni ta’ input, jiġifieri l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ, jikkostitwixxu kważi l-valur totali kollu (100 %) tal-partijiet tal-prodott assemblat/lest fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku anti-dumping.

    (64)

    Wara d-divulgazzjoni, Turkiz Composite u LM Wind Power tennew l-affermazzjoni tagħhom li l-manifattura tal-GFF mill-faxex tal-fibra tal-ħġieġ ta’ materja prima ewlenija importati ma jikkostitwixxux “assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni ta’ assemblaġġ” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping, li jiġi applikat b’analoġija (ara l-premessa (62) hawn fuq), u li l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ ma humiex partijiet iżda pjuttost materjali skont it-tifsira tan-Nota ta’ Spjegazzjoni (VII) tat-tieni parti tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, sakemm il-partijiet li jkunu qed jiġu assemblati “ma tista’ ssirilhom ebda operazzjoni ta’ ħidma tali li tikkompleta l-manifattura tagħhom”. F’dan il-kuntest, huma affermaw li l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ ma humiex “partijiet” tal-GFF u ma humiex “assemblati” fil-GFF, iżda jiġu pproċessati biex isiru GFF permezz tan-newl u l-ħjata ta’ diversi tipi ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ kif ukoll materjali oħra, permezz ta’ makkinarju kumpless. Waslu wkoll kummenti simili mill-awtoritajiet Eġizzjani.

    (65)

    Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet. Il-prattika deskritta fil-premessa (63) hawn fuq tista’ tiġi kkaratterizzata bħala operazzjoni ta’ kompletazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping, kif imsemmi wkoll fil-premessa (62) hawn fuq. Barra minn hekk, tqiesu elementi oħra, kif spjegat hawn taħt.

    (66)

    L-ewwel nett, ir-referenza għan-Nota ta’ Spjegazzjoni (VII) tat-tieni parti tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata hija irrilevanti peress li l-bażi ġuridika diretta hija l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku u mhux il-liġi doganali, kif iċċarat b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja (15).

    (67)

    It-tieni, meta jiġi interpretat l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping, li jiġi applikat b’analoġija fil-valutazzjoni tal-każ antisussidji fil-kuntest tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret li “skont ġuriżprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li ma titqiesx biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih isseħħ u l-objettivi segwiti mir-regoli li jagħmlu parti minnha” (16). Ir-Regolament bażiku anti-dumping ma jiddefinixxix it-termini “operazzjoni ta’ assemblaġġ” jew “operazzjoni ta’ kompletazzjoni”. Madankollu, il-mod kif huwa mfassal l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping jiffavorixxi interpretazzjoni tat-terminu “operazzjoni ta’ assemblaġġ” peress li, skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku dwar l-anti-dumping, kellu wkoll l-għan li jinkorpora b’mod espliċitu “operazzjoni ta’ kompletazzjoni”. Minn dan isegwi li “operazzjoni ta’ assemblaġġ” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping hija maħsuba biex tkopri mhux biss operazzjonijiet li jikkonsistu fl-assemblaġġ ta’ partijiet ta’ oġġett kompost, iżda tista’ tinvolvi wkoll ipproċessar ulterjuri, jiġifieri t-kompletazzjoni ta’ prodott.

    (68)

    Barra minn hekk, skont il-Qorti (17), l-għan tal-investigazzjonijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku huwa li tiġi żgurata l-effettività tad-dazji anti-dumping u li tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tagħhom. Konsegwentement, l-għan tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku dwar l-anti-dumping (li huwa applikat b’analoġija fil-valutazzjoni tal-każ antisussidji fil-kuntest tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku) huwa li jiġu koperti l-prattiki, il-proċessi jew ix-xogħlijiet li jużaw predominantament partijiet mill-pajjiż li huwa soġġett għall-miżuri u jimmuntawhom jew ilestuhom billi jżidu valur limitat ma’ dawn il-partijiet.

    (69)

    Wara d-divulgazzjoni, Turkiz Composite, LM Wind Power u l-awtoritajiet Eġizzjani ma qablux mal-approċċ tal-Kummissjoni li tikkumula l-valur tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ mill-Eġittu mal-valur tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina biex jiġi ddeterminat jekk il-valur tal-fibri tal-ħġieġ kienx jikkostitwixxi 60 % jew aktar tal-valur totali tal-“partijiet” allegati tal-GFF. Huma rrimarkaw l-użu tal-formulazzjoni “partijiet mill-pajjiż li jkun soġġetti għall-miżuri” (fis-singular) fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku anti-dumping.

    (70)

    Il-Kummissjoni ma laqgħetx din l-affermazzjoni għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, kif imsemmi fil-premessa (1), fl-investigazzjoni oriġinali l-importazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina u mill-Eġittu ġew ivvalutati b’mod kumulattiv. Għalhekk, kien xieraq li tiġi applikata l-istess metodoloġija f’din l-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni bil-għan li jiġu estiżi l-miżuri oriġinali.

    (71)

    It-tieni, l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku anti-dumping - li huwa applikat b’analoġija fil-valutazzjoni tal-każ antisussidji fil-kuntest tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku - ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tagħmel tali analiżi kumulattiva biex tivverifika jekk il-kriterju ta’ 60 % stabbilit fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku anti-dumping ġiex issodisfat. Pjuttost il-kuntrarju, l-interpretazzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping “pajjiż li jkun soġġett għal miżuri” b’mod li ma jippermettix il-kumulazzjoni tal-valur tal-partijiet meta l-attivitajiet ta’ ċirkomvenzjoni jseħħu f’aktar minn pajjiż wieħed, huwa kkontestat mill-ġuriżprudenza eżistenti tal-UE. F’Kolachi, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat prattika speċjali ta’ attivitajiet ta’ ċirkomvenzjoni (f’każ fejn il-partijiet tar-roti ġew assemblati parzjalment għall-ewwel darba fis-Sri Lanka u mbagħad immuntati ulterjorment fil-Pakistan) u kkonfermat li din il-prattika ta’ attivitajiet ta’ ċirkomvenzjoni kienet koperta mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament anti-dumping bażiku, minkejja l-użu ta’ lingwaġġ fis-singular f’dik id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja (18) enfasizzat ukoll li kwalunkwe interpretazzjoni oħra tippermetti lill-produtturi esportaturi jimminaw l-effettività tal-miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Għalhekk, l-istess raġunament japplika għat-tentattivi biex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli kontra ċ-ċirkomvenzjoni billi tinkiseb materja prima minn żewġ pajjiżi li t-tnejn huma soġġetti għal miżuri.

    (72)

    It-tielet, skont ir-raġunament ta’ Turkiz Composite, fil-każ li 50 % tal-materjali tal-input jiġu akkwistati miċ-Ċina u l-50 % l-oħra jiġu akkwistati mill-Eġittu, ma sseħħ l-ebda ċirkomvenzjoni f’sitwazzjoni fejn il-partijiet kollha (100 %) jiġu akkwistati minn pajjiżi soġġetti għal miżuri. Tali eżitu jmur b’mod ċar kontra l-iskop tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping, filwaqt li jitqies ukoll li l-GFF kollu esportat lejn l-Unjoni kien jikkonsisti jew mill-partijiet kollha (100 %) miksuba miċ-Ċina, jew mill-partijiet kollha (100 %) miksuba mill-Eġittu.

    (73)

    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterju ta’ 60 % ġie ssodisfat.

    2.6.2.   Valur miżjud

    (74)

    Turkiz Composite sostniet li l-kost tal-valur miżjud tagħha jkun ogħla mil-livell limitu ta’ 25 % tal-kost totali tal-manifattura. L-entrati ewlenin fil-kalkolu tal-valur miżjud kienu jinkludu l-kost tad-deprezzament, il-kost tal-kiri, il-kost tal-materjal tal-imballaġġ, il-kost tax-xogħol dirett u indirett, u kostijiet indiretti oħra tal-manifattura, li kienu parti mid-data finanzjarja tal-perjodu ta’ rapportar sottomessa minn Turkiz Composite fil-formola tat-talba għal eżenzjoni tagħha.

    (75)

    Il-Kummissjoni analizzat dawn l-entrati ta’ kostijiet kollha u vvalutat li xi spejjeż imġarrba ma setgħux jiġu kklassifikati bħala parti mill-kost tal-manifattura jew kienu ġew stmati żżejjed:

    Kost tal-kiri: Il-kost totali tal-kiri tnaqqas billi l-kost tal-kiri relatat mal-ispazju tal-uffiċċju ġie eskluż, abbażi tal-proporzjon tal-metri kwadri għall-ispazju tal-uffiċċju fuq il-metri kwadri totali, kif sottomessi minn Turkiz Composite;

    Kost tal-materjal tal-imballaġġ: Il-kost sħiħ tal-materjal tal-imballaġġ ġie eskluż mill-kost tal-valur miżjud peress li l-Kummissjoni vvalutat li dan il-materjal tal-imballaġġ kien materjal tal-imballaġġ sekondarju (19). Tali spiża sekondarja tal-materjal tal-imballaġġ hija parti mill-ispejjeż ġenerali tad-distribuzzjoni (spiża tal-bejgħ), u mhux parti mill-kost tal-manifattura;

    Kostijiet indiretti oħra tal-manifattura: Id-diżaggregazzjoni ta’ dawn il-kostijiet ġiet analizzata u xi entrati (bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż tat-trasport tal-persunal) instabu li kienu spejjeż operatorji, imsejħa wkoll spejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”). Bħala tali ma humiex parti mill-kost tal-manifattura;

    Spejjeż tas-salarju (xogħol indirett): Abbażi ta’ analiżi tar-rapporti ta’ kull xahar dwar il-pagi matul il-perjodu ta’ rapportar, il-kostijiet tas-salarju ta’ żewġ dipartimenti (HR u d-dipartiment tal-imballaġġ) ġew inklużi fil-kost tax-xogħol tal-manifattura. Il-Kummissjoni kklassifikathom mill-ġdid bħala SG&A - kostijiet, mhux parti mill-kost tal-manifattura.

    (76)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, kif ikkalkulat mill-Kummissjoni, kien ferm aktar baxx minn dak ikkalkolat minn Turkiz Composite.

    (77)

    Barra minn hekk, Turkiz Composite kisbet kważi l-materjali ta’ input kollha (100 %) tagħha u b’mod partikolari l-materjal ta’ input ewlieni kollu tagħha (faxex tal-fibra tal-ħġieġ) mingħand kumpaniji relatati fiċ-Ċina u fl-Eġittu. Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza pożittiva minn Turkiz Composite li turi li dawn il-prezzijiet kienu distakkati u li ma kinux affettwati mir-relazzjoni aktar milli mill-prezzijiet ta’ trasferiment bejn kumpaniji relatati. Il-Kummissjoni sabet, min-naħa l-oħra, li dawn il-prezzijiet kienu ferm aktar baxxi mill-prezzijiet imħallsa mit-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħra li kkooperaw lil fornituri mhux relatati matul il-perjodu ta’ rapportar.

    (78)

    Għalhekk, sabiex wieħed jasal għal sejba raġonevolment akkurata, il-prezzijiet imħallsa minn Turkiz Composite tqiesu bħala prezzijiet ta’ trasferiment bejn il-kumpaniji u ġew issostitwiti bil-prezzijiet medji ponderati mħallsa mit-tliet produtturi esportaturi l-oħra li kkooperaw.

    (79)

    Wara d-divulgazzjoni, Turkiz Composite u LM Wind Power allegaw li l-Kummissjoni ma setgħetx tissostitwixxi l-prezzijiet ta’ trasferiment bil-prezzijiet medji ponderati mħallsa mit-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħra lill-fornituri mhux relatati tagħhom matul il-perjodu ta’ rapportar. Huma allegaw li approċċ bħal dan ma kienx permess, u qiesu li ma kien hemm l-ebda bażi ġuridika biex jiġi applikat l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku anti-dumping b’analoġija. Iż-żewġ partijiet sostnew ukoll li l-Kummissjoni naqset milli twettaq b’mod korrett it-test ta’ distakkament, u li l-Kummissjoni ma żguratx li l-prezzijiet imqabbla kienu komparabbli f’termini ta’ kwantità u li ġew inklużi l-elementi kollha tal-prezz.

    (80)

    Il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn l-affermazzjonijiet għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, fid-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali tagħha, il-Kummissjoni ma semmietx l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku anti-dumping bħala l-bażi ġuridika għal dan l-aġġustament. Sabiex tiddetermina l-valur tal-partijiet miġjuba mill-pajjiżi soġġetti għall-miżuri, il-Kummissjoni qieset il-lingwaġġ u l-iskop tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku anti-dumping (li jiġi applikat b’analoġija fil-valutazzjoni tal-każ antisussidji fil-kuntest tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku). Il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku anti-dumping ma timpedixxix lill-Kummissjoni b’xi mod milli twettaq ċerti aġġustamenti bil-għan li tiddetermina l-valur tal-partijiet, b’mod partikolari f’każ li l-kostijiet ta’ kumpanija ma jirriflettux neċessarjament il-valur tal-partijiet, li jista’ jkun il-każ meta l-partijiet jinxtraw minn kumpaniji relatati. Sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-partijiet, il-Kummissjoni, għalhekk, tħalliet tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa, inkluża s-sostituzzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment bejn il-kumpaniji relatati peress li nstab li dawn il-prezzijiet ma kinux f’termini distakkati. Approċċ bħal dan huwa konformi wkoll mal-għan tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku u l-investigazzjonijiet li jirregola, diskussi fil-premessa (68), peress li jipprevjeni lill-kumpaniji ta’ ċirkomvenzjoni milli jissottovalutaw il-partijiet miġjuba sabiex jissopravvalutaw il-valur miżjud ma’ dawn il-partijiet.

    (81)

    It-tieni, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq b’mod korrett it-test ta’ distakkament, jenħtieġ li jiġi mfakkar li Turkiz Composite tagħmel parti mill-Grupp Nazzjonali taċ-Ċina dwar il-Materjali tal-Bini, li huwa Grupp tal-Istat Ċiniż. Il-kumpaniji relatati Ċiniżi u Eġizzjani tagħha huma soġġetti għal miżuri. L-investigazzjoni żvelat li l-prezzijiet tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ mixtrija minn Turkiz Composite mingħand i-kumpaniji relatati tagħha Eġizzjani u Ċiniżi kienu ferm aktar baxxi mill-prezzijiet imħallsa mit-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħrajn. Għalhekk, hija qabblet u sussegwentement issostitwiet il-prezzijiet ta’ bejn il-kumpaniji bil-prezzijiet medji ponderati imħallsa mit-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħra lill-fornituri mhux relatati tagħhom matul il-perjodu ta’ rapportar.

    (82)

    Il-Kummissjoni żgurat li l-prezzijiet imqabbla kienu komparabbli f’termini ta’ kwantità u li ġew inklużi l-elementi kollha tal-prezzijiet. L-ewwel nett, intuża l-istess perjodu biex isir it-tqabbil, jiġifieri l-perjodu ta’ rapportar. It-tieni, il-kwantità tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ mixtrija matul il-perjodu ta’ rapportar mit-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħra minn fornituri mhux relatati kienet kbira biżżejjed (bejn 10 000 u 25 000 tunnellata) u, għaldaqstant, rappreżentattiva biex tintuża bħala prezzijiet affidabbli għas-sostituzzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ Turkiz Composite sabiex jiġi ddeterminat il-valur miżjud b’mod korrett. It-tielet, it-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħra li kkooperaw, ipproduċew il-GFF bl-istess mod bħal Turkiz Composite, billi bdew bil-faxex tal-fibra tal-ħġieġ. L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda differenza fil-kwalità, peress li l-proċess tal-produzzjoni huwa simili għall-erba’ produtturi esportaturi Torok li kkooperaw. Ir-raba’, il-produtturi esportaturi Torok l-oħrajn xtraw kwantitajiet kbar ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ domestikament, filwaqt li Turkiz Composite xtrat esklużivament faxex tal-fibra tal-ħġieġ mill-Eġittu u miċ-Ċina. Ix-xiri ta’ kwantitajiet rappreżentattivi domestikament normalment iwassal għal prezzijiet aktar baxxi milli prezzijiet ogħla. Il-ħames, it-tqabbil bejn l-erba’ produtturi esportaturi Torok sar fuq bażi konsistenti, jiġifieri fuq il-bażi tal-kost totali tax-xiri, kif ippreżentat fit-tabelli vverifikati tagħhom.

    (83)

    Wara d-divulgazzjoni, Turkiz Composite affermat li l-prezz tax-xiri tagħha mill-kumpaniji relatati Ċiniżi tagħha kien ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-kumpaniji relatati tagħha lil klijenti mhux relatati fit-Turkija. Għalhekk, hija sostniet li x-xiri ta’ Turkiz Composite jenħtieġ li jitqies f’termini ta’ distakkament.

    (84)

    Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. Abbażi tat-tabelli sottomessi C.3 R u C.3.U tat-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ Jushi Group Co., Ltd. (“Jushi Group (20)”), il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità tagħha ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ matul il-perjodu ta’ rapportar lill-klijenti mhux relatati tagħha fit-Turkija kien ogħla b’mod sinifikanti milli għall-klijent relatat tagħha fit-Turkija, jiġifieri lil Turkiz Composite. Il-Kummissjoni analizzat ukoll il-prezzijiet ta’ kumpanija Ċiniża relatata oħra ta’ Turkiz Composite, jiġifieri Tongxiang Hengxian Trading Company Limited (“Tongxian” (21)). Matul il-perjodu ta’ rapportar, Tongxian biegħet esklużivament faxex tal-fibra tal-ħġieġ lil Turkiz Composite, fejn il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità tagħha kien ukoll inqas mill-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità li Jushi Group iffatturat lill-klijenti mhux relatati tagħha fit-Turkija. Barra minn hekk, matul il-perjodu ta’ rapportar, Turkiz Composite xtrat aktar minn 90 % tat-total tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ tagħha mingħand Jushi Group u Tongxian. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezz medju tax-xiri ta’ unità ta’ Turkiz Composite mill-kumpaniji Ċiniżi relatati tagħha Jushi Group u Tongxian kien konsistentement u b’mod sinifikanti aktar baxx mill-prezz medju tax-xiri ta’ unità mhux relatata mħallas lil Jushi Group minn kumpaniji Torok oħra (22) kif ukoll konsistentement u ferm aktar baxx mill-prezzijiet imħallsa mit-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħra li kkooperaw, u għalhekk mhux fuq bażi distakkata.

    (85)

    Wara d-divulgazzjoni, Turkiz Composite affermat li l-Kummissjoni applikat il-formula żbaljata fl-iskeda tagħha “Test tal-valur miżjud” biex tikkalkula “% tal-kost tal-valur miżjud” (ir-ringiela 54), peress li l-Kummissjoni ddividiet b’mod żbaljat il-kost totali tal-manifattura (ir-ringiela 50) bil-“partijiet totali miġjuba (l-Eġittu, iċ-Ċina u sorsi oħra)” (ir-ringiela 49), iżda minflok kellha tuża b’mod korrett il-“partijiet totali miġjuba mill-Eġittu u miċ-Ċina” (ir-ringiela 48).

    (86)

    Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni peress li Turkiz Composite ma pprovdietx l-impatt tal-kalkolu tal-Kummissjoni. Anke kieku l-Kummissjoni kellha tuża l-formula l-ħażina, quod non, u tuża l-metodu ssuġġerit ta’ Turkiz Composite biex tikkalkula l-“% tal-kost tal-valur miżjud”, dan kien iwassal biss għal differenza insinifikanti fil-“valur miżjud”, mingħajr l-ebda impatt fuq is-sejba tal-Kummissjoni li l-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kien inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

    (87)

    Wara d-divulgazzjoni, Turkiz Composite allegat li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi kits mill-kalkoli tagħha peress li l-kits huma parti mill-prodott li qiegħed jiġi investigat. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni għall-istess raġunijiet kif stabbilit fid-dokument ta’ divulgazzjoni speċifiku tagħha lil Turkiz Composite tal-5 ta’ Lulju 2022. L-ewwel nett, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-kits kienu parti żgħira mill-produzzjoni u l-bejgħ totali ġenerali tal-kumpanija matul il-perjodu ta’ rapportar. Il-kwantitajiet tal-GFF esportati lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ rapportar kienu aktar minn 170 darba l-kwantitajiet ta’ kits esportati lejn l-Unjoni. It-tieni, il-kumpanija ma għamlitx distinzjoni bejn il-kostijiet imġarrba għall-impjanti tal-GFF u l-impjant għall-kits fil-livell tar-reġistru ġenerali, ħlief li ġew stabbiliti kontijiet separati għall-kost lavorattiv fil-workshop tat-tqattigħ. It-tielet, il-kits inbiegħu l-aktar domestikament.

    (88)

    Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Turkiz Composite, anki li kieku l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi li ma teskludix il-kits mill-kalkoli tagħha, il-“% tal-kost tal-valur miżjud” ma kienx jibdel is-sejba tal-Kummissjoni li l-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew kompletazzjoni, kien inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura, prinċipalment bħala riżultat tal-produzzjoni limitata tal-kits.

    (89)

    Bl-aġġustament tal-kost tal-manifattura rrapportat u bis-sostituzzjoni tal-prezzijiet tat-trasferiment irrapportati tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ, il-valur miżjud medju stabbilit b’dan il-mod matul il-perjodu ta’ rapportar instab li kien taħt il-livell limitu ta’ 25 %. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kien inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

    2.7.   Imminar tal-effetti ta’ rimedju tad-dazju

    (90)

    F’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet, imminawx l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri attwalment fis-seħħ.

    (91)

    Fir-rigward tal-kwantitajiet, abbażi tat-tabelli sottomessi u vverifikati minn Turkiz Composite, hija importat 0 - 300 tunnellata fl-2019 meta mqabbla ma’ 6 000 – 8 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ rapportar. Fl-istess ħin, il-konsum tal-Unjoni għas-snin 2020 u 2021 ġie stmat mill-applikant li kien madwar 150 000 tunnellata, u madwar 170 000 tunnellata, rispettivament. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Turkija kien jirrappreżenta aktar minn 4 % matul il-perjodu ta’ rapportar.

    (92)

    Rigward il-prezzijiet, il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju mhux dannuż kif stabbilit fl-investigazzjoni inizjali mal-medja ponderata tal-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF iddeterminati fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn Turkiz Composite, aġġustati kif dovut biex jinkludu l-kostijiet ta’ wara l-iżdoganar. Dan it-tqabbil tal-prezzijiet wera li l-importazzjonijiet minn Turkiz Composite kienu inqas mill-prezzijiet tal-Unjoni b’aktar minn 10 %.

    (93)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti kienu imminati f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet mill-importazzjonijiet mit-Turkija soġġetti għal din l-investigazzjoni.

    2.8.   Evidenza tas-sussidjar

    (94)

    F’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk il-prodott simili importat u/jew partijiet minnu għadhomx jibbenefikaw mis-sussidji.

    (95)

    Kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 (ara l-premessa (1)), il-produtturi esportaturi Ċiniżi u Eġizzjani nstabu li jibbenefikaw minn għadd ta’ skemi ta’ sussidju mill-Gvern tar-RPĊ u l-Eġittu. F’dan ir-rigward, instab li l-kumpaniji Ċiniżi u Eġizzjani relatati tal-Grupp Nazzjonali taċ-Ċina dwar il-Materjali tal-Bini jibbenefikaw ukoll minn għadd ta’ skemi ta’ sussidju bħal għotjiet, finanzjament preferenzjali u dħul mitluf. Instab li dawk is-sussidji kienu ta’ benefiċċju għall-produzzjoni totali tal-kumpaniji peress li ma kinux marbuta ma’ prodott speċifiku.

    (96)

    Ma saret disponibbli l-ebda informazzjoni ġdida f’din l-investigazzjoni li tqajjem dubju dwar il-konklużjoni mill-investigazzjoni inizjali u li tkun tindika li dawk l-iskemi ta’ sussidju ma kinux għadhom validi.

    (97)

    Barra minn hekk, Turkiz Composite xtrat il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ kollha (100 %) tagħha li użat għall-produzzjoni tal-GFF mill-kumpaniji relatati tagħha fiċ-Ċina u fl-Eġittu. Kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/870 (23) tal-24 ta’ Ġunju 2020 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/328 (24), il-kumpaniji relatati ta’ Turkiz Composite ibbenefikaw minn sussidji għall-produzzjoni ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ.

    (98)

    Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza matul l-investigazzjoni li turi li l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ prodotti fl-Eġittu u fiċ-Ċina mill-kumpaniji relatati ta’ Turkiz Composite waqfu jibbenefikaw mis-sussidju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li partijiet mill-prodott simili importat kienu għadhom qed jibbenefikaw mis-sussidju.

    (99)

    Il-Kummissjoni nnotat ukoll li, jista’ jiġi preżunt trasferiment tas-sussidji bejn kumpaniji relatati li ma jkunux qed joperaw b’mod distakkat (25), aktar u aktar meta l-kumpanija downstream tkun qed tgħaqqad u tesporta prodott lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni għaldaqstant, ikkonkludiet li l-prodott simili importat u/jew partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju.

    3.   MIŻURI

    (100)

    Fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet qed issir ċirkomvenzjoni tal-miżuri kumpensatorji definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġina mir-RPĊ u mill-Eġittu permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat konsenjati mit-Turkija minn Turkiz Composite.

    (101)

    Minħabba li l-livell ta’ kooperazzjoni kien għoli u li l-bejgħ tal-esportazzjoni rrapportat ta’ Turkiz Composite kien ogħla mill-bejgħ tal-esportazzjoni rrapportat tat-tliet produtturi esportaturi Torok l-oħra li kkooperaw flimkien, u l-ebda kumpanija oħra fit-Turkija ma ppreżentat ruħha biex titlob eżenzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sejbiet dwar il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni fir-rigward ta’ Turkiz Composite jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet kollha mit-Turkija.

    (102)

    Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antisussidji fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġina miċ-Ċina u mill-Eġittu jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

    (103)

    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament bażiku, il-miżura li trid tiġi estiża jenħtieġ li tkun dik stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”, li hija dazju kumpensatorju definittiv ta’ 30,7 % applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali.

    (104)

    Turkiz Composite importat il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ tagħha parzjalment mill-Eġittu u parzjalment mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ rapportar. Il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ mill-kumpaniji relatati tagħha fl-Eġittu u fir-RPĊ ġew immuntati minn Turkiz Composite f’GFF li ġie esportat lejn l-Unjoni, b’ċirkomvenzjoni taż-żewġ dazji imposti fuq l-importazzjonijiet tal-GFF mill-Eġittu (10,9 %) u l-importazzjonijiet tal-GFF mir-RPĊ (30,7 %). Għalhekk, sabiex tiġi ppreservata l-effettività tal-miżuri fis-seħħ, l-estensjoni tal-ogħla waħda miż-żewġ dazji, jiġifieri d-dazju għall-“kumpaniji l-oħra” kollha fir-RPĊ (30,7 %), kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776, hija ġġustifikata.

    (105)

    Wara d-divulgazzjoni, Turkiz Composite allegat li l-Kummissjoni ma setgħetx testendi d-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina, peress li l-valur tal-importazzjonijiet tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ jammonta għal proporzjon iżgħar tal-valur totali tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ użati minn Turkiz Composite għall-produzzjoni tal-GFF, u, għalhekk, ma ssodisfawx it-test ta’ 60 % tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping li huwa applikat b’analoġija fil-valutazzjoni tal-każ antisussidji fil-kuntest tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku. Inkella, estensjoni bħal din tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imsemmi fil-punt 127 tal-Kawża T-278/20, Zhejang Hantong vs il-Kummissjoni.

    (106)

    Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li ma setgħetx testendi d-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina abbażi tal-argumenti tagħha fir-rigward tal-akkumulazzjoni tal-importazzjonijiet kif deskritt fil-premessa (71). Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-objettiv tar-Regolament bażiku huwa li jipproteġi lill-industrija tal-UE kontra importazzjonijiet inġusti, u tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku b’mod partikolari biex jipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ. L-estensjoni tad-dazji sal-livell tad-dazji kontra l-importazzjonijiet mill-Eġittu (10,9 %) tinjora li l-miżuri kontra ċ-Ċina ġew evitati wkoll, u timmina l-effettività tal-miżuri fis-seħħ.

    (107)

    Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-affermazzjoni li tali estensjoni tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-GFF miċ-Ċina tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità. Fid-dawl tas-sejbiet li l-miżuri kumpensatorji oriġinali, li ġew imposti kontra l-importazzjonijiet kemm miċ-Ċina kif ukoll mill-Eġittu, instabu li kienu qed jiġu evitati, il-Kummissjoni naqset milli tivverifika għaliex estensjoni tal-ogħla wieħed miż-żewġ dazji, li kien qed jiġi evitat, tkun sproporzjonata. Għalhekk, kif imsemmi fil-premessa (104) hawn fuq, sabiex tiġi ppreservata l-effettività tal-miżuri fis-seħħ, l-estensjoni tal-ogħla wieħed miż-żewġ dazji jiġifieri d-dazju għall-“kumpaniji l-oħra” kollha fir-RPĊ (30,7 %), kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776, hija ġġustifikata.

    (108)

    Wara d-divulgazzjoni, LM Wind Power sostniet li l-estensjoni tad-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-GFF mit-Turkija jkollha impatt serju fuq in-negozji tal-importaturi tal-GFF, li min-naħa tiegħu jista’ jkollu impatt fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tilħaq l-għanijiet ambjentali tagħha bħala riżultat taż-żieda fil-prezzijiet tal-GFF li l-produtturi tat-turbini eoliċi tal-Unjoni jkollhom iħallsu.

    (109)

    Il-Kummissjoni ħadet nota tad-dikjarazzjonijiet ta’ LM Wind Power, iżda tenniet li l-għan primarju tal-investigazzjonijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku huwa li tiġi żgurata l-effettività tad-dazju kumpensatorju oriġinali u li tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tiegħu. F’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku ġew issodisfati, u għalhekk iddeċidiet li testendi l-miżuri kumpensatorji għat-Turkija. Madankollu, tlieta mill-erba’ produtturi esportaturi li kkooperaw instabu li kienu produtturi Torok ġenwini u għalhekk eżentati mill-miżuri estiżi. Għalhekk, l-utenti tal-GFF jistgħu jixtru mingħand il-produtturi eżentati, kif ukoll mingħand produtturi tal-Unjoni u/jew produtturi oħra ta’ pajjiżi terzi.

    (110)

    Fl-aħħar nett, wara d-divulgazzjoni, l-applikant iddikjara li huwa laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li testendi l-miżuri għall-importazzjonijiet tal-GFF mit-Turkija, u li ma kellux kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-Kummissjoni.

    (111)

    Skont l-Artikoli 23(3) u 24(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kwalunkwe miżura estiża jenħtieġ li tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni taħt reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandhom jinġabru dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

    4.   TALBA GĦALL-EŻENZJONI

    (112)

    Kif deskritt hawn fuq, instab li Turkiz Composite kienet involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Għalhekk, ma tistax tingħata eżenzjoni lil din il-kumpanija skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku.

    (113)

    Skont it-talba, żewġ produtturi esportaturi oħra li kkooperaw kienu produtturi ġenwini ewlenin tal-GFF fit-Turkija, jiġifieri l-kumpaniji tal-grupp “Metyx Composites” (ara l-premessa (26)) u Saertex Turkey Tekstil Ltd. Şirketi, u li ma kinux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni (26). Tabilħaqq, l-investigazzjoni kkonfermat li dawn iż-żewġ produtturi esportaturi ma importawx, jew bilkemm importaw, faxex tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina u/jew mill-Eġittu.

    (114)

    It-tielet produttur li kkoopera (Sonmez Asf Iplik Dokuma Ve Boya San Tic A. Ş) kien produttur żgħir tal-GFF. Dan kien jimpjega inqas minn għaxar persuni, kellu inqas minn ħames magni tal-GFF, u għamel biss żewġ bejgħ għall-esportazzjoni li jikkonċernaw kwantitajiet relattivament insinifikanti lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ rapportar. Dan ġie stabbilit fl-1975, beda jipproduċi l-GFF fl-2011, u ma importa l-ebda faxxa tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina jew mill-Eġittu matul il-perjodu ta’ rapportar.

    (115)

    Għalhekk, minħabba li t-tliet produtturi esportaturi Torok imsemmija hawn fuq huma produtturi ġenwini li la kienu involuti fit-trażbord u lanqas fi prattiki oħra ta’ ċirkomvenzjoni, bħall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, dawn se jiġu eżentati mill-estensjoni tal-miżuri.

    5.   DIVULGAZZJONI

    (116)

    Fil-5 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ddivulgat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stidnithom jikkummentaw.

    (117)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1037.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Id-dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 tat-12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew maħduma li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ materjali ta’ faxex u/jew raden tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu minsuġa, u/jew meħjuta b’elementi oħrajn jew mingħajrhom, ħlief prodotti li huma impregnati jew impregnati minn qabel (prepreg), u minbarra materjali b’nisġa miftuħa b’ċelloli b’daqs ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, ikklassifikati attwalment taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 61 00, ex 7019 62 00, ex 7019 63 00, ex 7019 64 00, ex 7019 65 00, ex 7019 66 00, ex 7019 69 10, ex 7019 69 90 u ex 7019 90 00 (kodiċijiet TARIC 7019610081, 7019610084, 7019620081, 7019620084, 7019630081, 7019630084, 7019640081, 7019640084, 7019650081, 7019650084, 7019660081, 7019660084, 7019691081, 7019691084, 7019699081, 7019699084, 7019900081 u 7019900084) ikkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le (kodiċijiet TARIC 7019610083, 7019620083, 7019630083, 7019640083, 7019650083, 7019660083, 7019691083, 7019699083 u 7019900083), bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

    Pajjiż

    Kumpanija

    Il-kodiċi addizzjonali TARIC

    It-Turkija

    Saertex Turkey Tekstil Ltd. Şti.

    C115

    It-Turkija

    Sonmez Asf Iplik Dokuma Ve Boya San Tic A. Ş.

    C116

    It-Turkija

    Telateks Tekstil Ürünleri Sanayi ve Ticaret Anonim Şirketi

    Telateks Dış Ticaret ve Kompozit Sanayi Anonim Şirketi

    C117

    2.   Id-dazju estiż huwa d-dazju kumpensatorju ta’ 30,7 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fir-RPĊ.

    3.   Id-dazju estiż bil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2229 u l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet doganali huma ordnati biex ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2229 li, b’dan, huwa mħassar.

    Artikolu 3

    It-talba għal eżenzjoni sottomessa minn Turkiz Composite Materials Technology Üretim Sanayi ve Ticaret Anonim Şirketi hija miċħuda.

    Artikolu 4

    1.   It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata biex tirrappreżenta lill-entità li titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

    Uffiċċju ta’ Direttorat G:

    CHAR 04/39

    1049 Bruxelles/Brussell

    BELGIQUE/BELGIË

    2.   F’konformità mal-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2016/1037, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jevadux il-miżuri kumpensatorji imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 tat-12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU L 189, 15.6.2020, p. 1).

    (3)  ĠU C 167, 16.5.2019, p. 11.

    (4)  Din il-kumpanija qabel kellha l-isem ta’ Hengshi Turkey, li huwa l-isem imsemmi fit-talba.

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2230 tal-14 ta’ Diċembru 2021 li jibda investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u kemm jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 448, 15.12.2021, p. 58).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2229 tal-14 ta’ Diċembru 2021 li jibda investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri kompensatorji imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u kemm jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 448, 15.12.2021, p. 52).

    (7)  Ara t-talba, verżjoni miftuħa, punti 40 sa 42, paġna 10.

    (8)  Ara t-talba, verżjoni miftuħa, punt 29, paġna 8 u punt 41, paġna 9.

    (9)  Il-Grupp Nazzjonali taċ-Ċina dwar il-Materjali tal-Bini huwa l-Grupp bi sjieda Ċiniża li għalih jappartjeni l-produttur esportatur Tork, Turkiz Composite, u li għalih tappartjeni l-kumpanija China Hengshi Foundation Company Limited.

    (10)  Ara t-talba, verżjoni miftuħa, punt 27, paġna 8.

    (11)  ĠU C 68, 21.2.2019, p. 29.

    (12)  L-investigazzjoni wriet li l-esportazzjonijiet ta’ Turkiz Composite lejn pajjiżi terzi oħra (possibbilment inklużi s-swieq Afrikani u tal-Lvant Nofsani) kienu biss frazzjoni żgħira tal-bejgħ totali tagħha matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

    (13)  Kif imsemmi fil-premessa (19), l-istandards legali li jinsabu fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku anti-dumping jistgħu jintużaw b’analoġija fil-valutazzjoni tal-każ antisussidji fil-kuntest tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku.

    (14)  Is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2022, Guangxi Xin Fu Yuan Co. Ltd vs il-Kummissjoni Ewropea, T-144/20, ECLI:EU:T:2022:346, il-punt 59 u l-ġuriżprudenza msemmija.

    (15)  Is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni/Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P, ECLI:EU:C:2019:717, il-punt 90 u l-ġuriżprudenza msemmija.

    (16)  Is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P, ECLI:EU:C:2019:717, il-punt 82 u l-ġuriżprudenza msemmija.

    (17)  Is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2022, Guangxi Xin Fu Yuan Co. Ltd vs il-Kummissjoni Ewropea, T-144/20, ECLI:EU:T:2022:346, il-punt 59 u l-ġuriżprudenza msemmija.

    (18)  Is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni/Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P, ECLI :EU:C:2019:717, punt., il-punti 97 u 104.

    (19)  L-imballaġġ sekondarju jaqdi skop prattiku. Dan jorganizza jew jistabbilizza l-prodotti biex ikunu lesti għall-ħżin. Dan jagħmel ukoll il-ħżin aktar faċli u aktar sikur, u għalhekk meta jasal iż-żmien biex manifattur jibgħat aktar unitajiet, wieħed jista’ jkun ċert li dawn se jaslu għand il-konsumaturi intatti, bħal kaxxa li żżomm il-flixkun tal-aspirini, jew il-kaxxa bil-laned tas-soda, jew il-kisi bil-plastik fuq offerta ta’ tnejn għal wieħed. Dawn kollha huma eżempji ta’ imballaġġ sekondarju, li jżomm flimkien unitajiet individwali ta’ prodotti.

    (20)  Jushi Group kienet waħda mill-kumpaniji relatati Ċiniżi ta’ Turkiz Composite li kkooperat matul l-investigazzjoni kif imsemmi fil-premessa (27).

    (21)  Tongxian kienet kumpanija Ċiniża oħra relatata ta’ Turkiz Composite li kkooperat matul l-investigazzjoni kif imsemmi fil-premessa (27).

    (22)  Abbażi tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, Tongxian ma bigħetx il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ lil klijenti mhux relatati fit-Turkija matul il-perjodu ta’ rapportar.

    (23)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/870 tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju kumpensatorju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu, u li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu (ĠU L 201, 25.6.2020, p. 10).

    (24)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/328 tal-24 ta’ Frar 2021 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 65, 25.2.2021, p. 1).

    (25)  Rapport tal-Korp tal-Appell, l-Istati Uniti – Id-determinazzjoni tad-Dazju Kumpensatorju Finali fir-rigward ta’ Ċertu Njam Artab mill-Kanada, WT/DS257/AB/R, 19 ta’ Jannar 2004, para. 143).

    (26)  Ara t-talba, verżjoni miftuħa, punt 23, paġna 7.


    Top