EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0627

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/627 tat-13 ta' April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

ST/8101/2022/INIT

ĠU L 116, 13.4.2022, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/627/oj

13.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/627

tat-13 ta' April 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

(2)

Fil-21 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-'indipendenza u s-sovranità' taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tar-reġjuni tal-Ukrajna ta' Donetsk u Luhansk u ordna lill-forzi armati Russi jidħlu f'dawk iż-żoni.

(3)

Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna.

(4)

Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser bil-kbir l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll id-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(5)

Fid-dawl tal-kriżi umanitarja li qed tirriżulta mill-invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa, il-Kunsill iqis li, skont id-dritt umanitarju internazzjonali, jenħtieġ li tkompli fl-Ukrajna l-azzjoni umanitarja bbażata fuq il-prinċipji minn atturi umanitarji imparzjali li jindirizzaw il-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna.

(6)

Il-Kunsill għalhekk iqis li ċerti organizzazzjonijiet u aġenziji li jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu eżentati mill-projbizzjoni li jagħmlu disponibbli fondi jew riżorsi ekonomiċi lil persuni, entitajiet u korpi ddeżinjati, għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Ukrajna.

(7)

Barra minn hekk, il-Kunsill jikkunsidra li jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu ta' deroga għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Ukrajna fir-rigward tal-iffriżar tal-assi u tar-restrizzjonijiet dwar id-disponibbiltà ta' fondi u riżorsi ekonomiċi għall-persuni, l-entitajiet u l-korpi ddeżinjati.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/145/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“11.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għal organizzazzjonijiet u aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastru mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni ffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni, dment li l-għoti tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2 ikun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Ukrajna.

12.   F'każijiet mhux koperti mill-paragrafu 11, u b'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet speċifiċi jew ġenerali, taħt tali kundizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi li huma jqisu xierqa, biex jirrilaxxaw ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew biex jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, dment li l-forniment ta' tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Ukrajna.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta' talba għall-awtorizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).


Top