EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1149

Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna

PE/58/2021/INIT

ĠU L 251, 15.7.2021, p. 94–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/07/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1149/oj

15.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/94


REGOLAMENT (UE) 2021/1149 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2021

li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1), 84 u 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Filwaqt li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, il-protezzjoni tagħha tirrikjedi kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni. L-objettiv tal-Unjoni li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja skont l-Artikolu 67(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li jinkiseb, fost l-oħrajn, permezz ta’ miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll permezz ta’ miżuri għal koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet nazzjonali oħra tal-Istati Membri, inkluż koordinazzjoni u kooperazzjoni ma’ aġenziji rilevanti tal-Unjoni u korpi rilevanti oħra tal-Unjoni, u ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kif ukoll bl-għajnuna tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili.

(2)

Għall-perijodu mill-2015 sal-2020, il-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddefinixxew il-prijoritajiet komuni kif stabbiliti fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ April 2015, li ġew affermati mill-ġdid mill-Kunsill fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna mġedda ta’ Ġunju 2015 u mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ Lulju 2015, jiġifieri il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, l-kriminalità serja u organizzata u ċ-ċiberkriminalità. Dawk il-prijoritajiet komuni ġew affermati mill-ġdid għall-perijodu mill-2020 sal-2025 fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2020 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata ‘l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà’.

(3)

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, iffirmata fil-25 ta’ Marzu 2017, il-mexxejja ta’ 27 Stat Membru, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea affermaw l-impenn tagħhom li jaħdmu lejn Ewropa sikura u sigura u li jibnu Unjoni fejn iċ-ċittadini kollha jħossuhom sikuri u jistgħu jiċċaqilqu liberament, fejn il-fruntieri esterni jkunu siguri, b’politika effiċjenti, responsabbli u sostenibbli dwar il-migrazzjoni u li tirrispetta n-normi internazzjonali, kif ukoll Ewropa determinata li tiġġieled it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

(4)

Il-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016 appella biex jibqgħu jinkisbu riżultati b’rabta mal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni u tal-bażijiet ta’ data. Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2017 enfasizza l-ħtieġa li titjieb l-interoperabbiltà bejn il-bażijiet ta’ data, u, fit-12 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE (il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni).

(5)

Sabiex jippreservaw l-acquis ta’ Schengen u jikkontribwixxu biex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni, l-Istati Membri ilhom mis-6 ta’ April 2017 obbligati jwettqu verifiki sistematiċi ma’ bażijiet tad-data rilevanti fuq ċittadini tal-Unjoni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni għall-Istati Membri dwar l-użu aħjar mill-verifiki tal-pulizija u mill-kooperazzjoni transfruntiera. Is-solidarjetà fost l-Istati Membri, iċ-ċarezza dwar it-tqassim tal-kompiti, ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u għall-istat tad-dritt, l-attenzjoni mill-qrib għall-perspettiva globali u l-konsistenza meħtieġa mad-dimensjoni esterna tas-sigurtà jenħtieġ li jkunu l-prinċipji ewlenin li jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex tiġi żviluppata unjoni tas-sigurtà effettiva u ġenwina.

(6)

Sabiex jitwettaq dan l-objettiv, jenħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-persuni, l-ispazji pubbliċi u l-infrastruttura kritika minn theddid tranżnazzjonali li dejjem qed jiżdied u biex tiġi appoġġata l-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. It-terroriżmu, il-kriminalità serja u organizzata, il-kriminalità itineranti, it-traffikar tad-droga u tal-armi, il-korruzzjoni, il-ħasil ta’ flus, iċ-ċiberkriminalità, l-isfruttament sesswali, inkluż l-isfruttament sesswali tat-tfal, it-theddid ibridu, kif ukoll dak kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari, u t-traffikar tal-bnedmin, fost l-oħrajn, għadhom sfida għas-sigurtà interna tal-Unjoni. Is-sigurtà interna hija impenn konġunt fejn jenħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri jikkontribwixxu b’mod konġunt.

(7)

Sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ unjoni tas-sigurtà effettiva u ġenwina bl-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà interna fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li jiġi stabbilit u ġestit Fond għas-Sigurtà Interna (“il-Fond”) sabiex jipprovdi lill-Istati Membri appoġġ finanzjarju tal-Unjoni adegwat.

(8)

Jenħtieġ li l-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni jikkonċentra fuq azzjonijiet li għalihom l-intervent mill-Unjoni jista’ jagħti aktar valur miżjud meta mqabbel ma’ azzjoni mill-Istati Membri waħedhom. F’konformità mal-Artikolu 84 u l-Artikolu 87(2) TFUE, il-Fond jenħtieġ li jappoġġa miżuri li jippromwovu u jappoġġaw l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità, tat-taħriġ konġunt u tal-kooperazzjoni tal-pulizija, kif ukoll dik ġudizzjarja f’materji kriminali li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni, ta’ aktar kooperazzjoni operazzjonali u ta’ appoġġ għall-isforzi meħtieġa biex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata. Jenħtieġ li l-Fond jappoġġa wkoll it-taħriġ ta’ persunal u esperti rilevanti, f’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-Iskema Ewropea ta’ Taħriġ għall-Infurzar tal-Liġi (LETS). Jenħtieġ li l-Fond ma jappoġġax kostijiet operatorji u attivitajiet relatati mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri rigward iż-żamma tal-liġi u tal-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna u nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 72 TFUE.

(9)

Jenħtieġ li l-Fond jiġi implimentat f’konformità sħiħa mal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’) u mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Fond jiġi implimentat b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, il-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament jew pieni inumani jew degradanti, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għal rimedju effettiv, kif ukoll b’rispett sħiħ tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 3 TUE, jenħtieġ li l-Fond jappoġġa attivitajiet li jiżguraw li t-tfal ikunu protetti mill-vjolenza, l-abbuż, l-isfruttament u n-negliġenza. Jenħtieġ ukoll li l-Fond jappoġġa s-salvagwardji u l-assistenza għat-tfal li jkunu xhieda u vittmi, b’mod partikolari dawk li ma jkunux akkumpanjati jew li għal xi raġuni oħra jkollhom bżonn kustodja.

(11)

F’konformità mal-prijoritajiet kondiviżi identifikati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Fond jappoġġa azzjonijiet immirati li jindirizzaw it-theddid ewlieni għas-sigurtà u b’mod partikolari jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, il-kriminalità serja u organizzata u ċ-ċiberkriminalità, u li jassistu u jipproteġu wkoll lill-vittmi tal-kriminalità. Jenħtieġ li l-Fond jiżgura li l-Unjoni u l-Istati Membri jkunu wkoll mgħammra tajjeb biex jindirizzaw it-theddid li qiegħed jevolvi u dak emerġenti, bħat-traffikar, inkluż b’mezzi online, it-theddid ibridu u t-theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari, sabiex tiġi stabbilita unjoni tas-sigurtà ġenwina. Jenħtieġ li dan jitwettaq permezz ta’ assistenza finanzjarja biex jiġi appoġġat skambju aħjar ta’ informazzjoni, tiżdied il-kooperazzjoni operazzjonali u jittejbu l-kapaċitajiet nazzjonali u kollettivi.

(12)

Jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja pprovduta permezz tal-Fond b’mod partikolari tappoġġa skambji ta’ informazzjoni, il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, u l-prevenzjoni fl-oqsma tal-kriminalità serja u organizzata, it-traffikar illeċitu tal-armi, il-korruzzjoni, il-ħasil ta’ flus, it-traffikar tad-droga, il-kriminalità ambjentali, it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament tar-rifuġjati u tal-migranti irregolari, l-isfruttament gravi tal-ħaddiema, l-isfruttament u l-abbuż sesswali, inkluż l-isfruttament sesswali u l-abbuż tat-tfal u n-nisa, it-tqassim ta’ immaġini b’abbuż fuq it-tfal u ta’ pedopornografija, kif ukoll iċ-ċiberkriminalità. Il-Fond jenħtieġ li jappoġġa wkoll il-protezzjoni tal-persuni, tal-ispazji pubbliċi u tal-infrastruttura kritika kontra inċidenti marbuta mas-sigurtà u jenħtieġ li jappoġġja t-tħejjija għal riskji u kriżijiet relatati mas-sigurtà u l-ġestjoni effettiva tagħhom, inkluż permezz ta’ taħriġ konġunt, l-iżvilupp ta’ politiki komuni bħal strateġiji, ċikli ta’ politika, programmi u pjanijiet ta’ azzjoni, kif ukoll leġiżlazzjoni u kooperazzjoni prattika.

(13)

Jenħtieġ li l-Fond jipprovdi appoġġ finanzjarju biex jindirizza l-isfidi li qegħdin jitfaċċaw minħabba ż-żieda sinifikanti f’dawn l-aħħar snin fl-iskala ta’ ċerti tipi ta’ kriminalità li twettqu permezz tal-Internet, bħall-frodi tal-ħlasijiet, l-isfruttament sesswali tat-tfal u t-traffikar tal-armi.

(14)

Jenħtieġ li l-Fond jibni fuq ir-riżultati u l-investimenti tal-predeċessuri tiegħu: il-programm ta’ Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda Kontra l-Kriminalità (ISEC), il-programm ta’ Prevenzjoni, Stat ta’ Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà (CIPS) għall-perijodu 2007-2013 u l-istrument għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perijodu 2014-2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ li l-ambitu tal-Fond jippermetti wkoll li jitqiesu żviluppi ġodda.

(15)

Hemm bżonn li l-impatt tal-finanzjamenti tal-Unjoni jiġi massimizzat permezz ta’ mobilizzazzjoni, ġbir komuni u sfruttament tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi u privati. Jenħtieġ li l-Fond jippromwovi u jinkoraġġixxi l-involviment attivi u sinifikanti tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, kif ukoll is-settur industrijali Ewropew fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ sigurtà, fejn rilevanti bl-involviment ta’ atturi rilevanti oħra, korpi tal-Unjoni, aġenziji tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-objettiv tal-Fond. Madankollu, jenħtieġ jiġi żgurat li l-appoġġ mill-Fond ma jintużax biex jiddelega kompiti statutorji jew pubbliċi lil atturi privati.

(16)

In-natura transkonfinali tat-terroriżmu u tal-kriminalità serja u organizzata teħtieġ rispons koordinat u kooperazzjoni fi ħdan u bejn l-Istati Membri u ma’ korpi, uffiċji u aġenziji kompetenti tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri, inkluż is-servizzi speċjalizzati tal-infurzar tal-liġi, jista’ jkollhom informazzjoni li tkun prezzjuża għall-ġlieda b’mod effettiv kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata. Biex jitħaffu l-iskambji tal-informazzjoni, u biex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni li tkun kondiviża, huwa kruċjali li tinbena fiduċja reċiproka. Jenħtieġ li jiġu esplorati u eżaminati approċċi ġodda għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż fir-rigward tal-analiżi tat-theddid, b’kont meħud tal-oqfsa eżistenti fi ħdan u barra l-qafas tal-Unjoni, bħaċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN), iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) tal-Europol, il-Koordinatur Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u l-Grupp Kontra t-Terroriżmu. Jenħtieġ li l-Fond jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali kif imsemmi fl-Artikolu 87 TFUE sa fejn l-attivitajiet tagħhom ikunu koperti mill-ambitu tal-Fond. Jenħtieġ li l-attivitajiet kollha ffinanzjati jirrispettaw bis-sħiħ l-istatus legali tad-diversi awtoritajiet kompetenti u strutturi Ewropej u l-prinċipji meħtieġa tas-sjieda tal-informazzjoni.

(17)

Sabiex tibbenefika mill-għarfien u l-kompetenza esperta tal-aġenziji deċentralizzati b’kompetenzi fl-oqsma tal-kooperazzjoni u t-taħriġ tal-infurzar tal-liġi, il-monitoraġġ tad-droga u d-dipendenza fuq id-drogi, id-drittijiet fundamentali, il-kwistjonijiet b’rabta mal-ġustizzja u s-sistemi tal-IT fuq skala kbira, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi lill-aġenziji deċentralizzati rilevanti fil-ħidma tal-Kumitat għall-Fondi tal-Affarijiet Interni, li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), speċjalment fil-bidu tal-perijodu ta’ programmazzjoni u f’nofs it-terminu. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ wkoll tinvolvi lill-aġenziji deċentralizzati rilevanti fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiżgura li l-azzjonijiet appoġġati mill-Fond ikunu konformi mal-acquis rilevanti tal-Unjoni u l-prijoritajiet miftiehma tal-Unjoni.

(18)

Fil-qafas komprensiv tal-istrateġija tal-Unjoni dwar id-drogi, li tippromwovi approċċ ibbilanċjat ibbażat fuq tnaqqis simultanju fil-provvista u fid-domanda, l-assistenza finanzjarja pprovduta taħt il-Fond jenħtieġ li tappoġġa l-azzjonijiet li jkollhom l-objettiv li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tad-drogi permezz tat-tnaqqis fil-provvista u fid-domanda, b’mod partikolari l-miżuri li għandhom fil-mira tagħhom il-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-bejgħ, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ drogi illegali, kif ukoll il-pussess u x-xiri għall-fini tal-involviment f’attivitajiet ta’ traffikar tad-drogi. Jenħtieġ li l-Fond ikopri wkoll l-aspetti ta’ prevenzjoni tal-politika dwar id-drogi. Sabiex jinkisbu aktar sinerġiji u koerenza fil-qasam tad-drogi, jenħtieġ li dawk l-elementi tal-objettivi relatati mad-drogi, li għall-perijodu 2014-2020 kienu koperti mill-Programm tal-Ġustizzja jiġu inkorporati fil-Fond.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-Fond jagħti kontribut effettiv għal livell ogħla ta’ sigurtà interna fl-Unjoni kollha, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ unjoni tas-sigurtà ġenwina, jenħtieġ li l-Fond jintuża b’mod li jipprovdi l-akbar valur miżjud tal-Unjoni lill-azzjonijiet tal-Istati Membri.

(20)

Jenħtieġ li l-Fond jappoġġa investimenti f’tagħmir, f’mezzi tat-trasport u f’faċilitajiet biss meta tali investimenti jkollhom valur miżjud ċar tal-Unjoni, u biss sal-punt li dawk l-investimenti jkunu meħtieġa biex jitwettqu l-objettivi tal-Fond. Tali investimenti, pereżempju, jistgħu jinkludu investimenti f’tagħmir meħtieġ għall-forensika, is-sorveljanza bil-moħbi, l-isplussivi u l-kxif tad-drogi u kwalunkwe skop speċjalizzat ieħor fl-objettivi tal-Fond. Jenħtieġ li l-Fond ma jiffinanzjax investimenti ta’ rilevanza purament nazzjonali jew investimenti li jkunu meħtieġa għall-ħidma ta’ kuljum tal-awtoritajiet kompetenti, bħal uniformijiet, karozzi tal-linja, skuters, għases tal-pulizija, ċentri ta’ taħriġ mhux speċjalizzat u tagħmir tal-uffiċċju.

(21)

Fl-interess ta’ solidarjetà fl-Unjoni, u fi spirtu ta’ responsabbiltà kondiviża għas-sigurtà fl-Unjoni, meta jiġu identifikati nuqqasijiet jew riskji, b’mod partikolari wara l-evalwazzjoni ta’ Schengen, l-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jindirizza b’mod adegwat dawk in-nuqqasijiet billi juża r-riżorsi fil-programm tiegħu biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (5).

(22)

Sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi ta’ politika tal-Fond, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-prijoritajiet tal-programmi tagħhom jindirizzaw l-objettivi speċifiċi kollha tal-Fond, li l-prijoritajiet magħżula jkunu f’konformità mal-miżuri ta’ implimentazzjoni stipulati fl-Anness II u li l-allokazzjoni tar-riżorsi ta’ bejn l-objettivi tkun proporzjonata mal-isfidi u l-bżonnijiet u tiżgura li l-objettiv ta’ politika jista’ jintlaħaq.

(23)

F’konformità mal-prinċipju ta’ effiċjenza, jenħtieġ li jitfittxu sinerġiji u konsistenza ma’ fondi oħra tal-Unjoni, u jenħtieġ li jiġi evitat trikkib bejn l-azzjonijiet.

(24)

Sabiex jiġi massimizzat it-twettiq effettiv tal-objettivi ta’ politika, biex jiġu sfruttati l-ekonomiji ta’ skala u biex jiġu evitati trikkib bejn l-azzjonijiet, jenħtieġ li l-Fond ikun konsistenti ma’ programmi finanzjarji oħra tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà u jikkomplementahom. B’mod partikolari, jenħtieġ li s-sinerġiji jiġu żgurati mal-Fond għall-Ażil, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, li jikkonsisti mill-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1077 u l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), kif ukoll mal-Fondi l-oħra tal-Politika ta’ Koeżjoni koperti bir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

mal-parti tar-riċerka dwar is-sigurtà tal-Programm Orizzont Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) mal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), mal-Programm dwar il-Ġustizzja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), mal-Programm Ewropa Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u mal-Programm InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Jenħtieġ li jinstabu sinerġiji b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-infrastruttura u l-ispazji pubbliċi, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-vittmi u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.

(25)

Fi sforz biex jissaħħu l-komplementarjetajiet bejn il-Fond u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, jenħtieġ li jkun disponibbli tagħmir b’użu multiplu u sistemi tal-ICT li l-użu primarju tiegħu jkun f’konformità ma’ dan ir-Regolament biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi.

(26)

Jenħtieġ li miżuri appoġġati permezz tal-Fond u b’rabta ma’ pajjiżi terzi jiġu implimentati f’sinerġija u f’koerenza ma’ u jenħtieġ li jikkumplimentaw azzjonijiet oħra barra l-Unjoni li huma appoġġati permezz tal-istrumenti tal-Unjoni. B’mod partikolari, fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li jkun hemm koerenza sħiħa mal-prinċipji u l-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-politika barranija tagħha u l-politika dwar l-għajnuna għall-iżvilupp tagħha b’rabta mal-pajjiż jew ir-reġjun inkwistjoni. Fir-rigward tad-dimensjoni esterna tal-Fond, jenħtieġ li l-Fond itejjeb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi f’oqsma ta’ rilevanza għas-sigurtà interna tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-finanzjament minn faċilità tematika jintuża biex jappoġġa azzjonijiet f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom, fi ħdan l-objettivi tal-Fond, b’mod partikolari sabiex jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità u l-prevenzjoni tagħha, inkluż it-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin, u biex jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra n-netwerks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin kriminali transkonfinali.

(27)

Meta timplimenta l-faċilità tematika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament jindirizza l-isfidi u l-ħtiġijiet involuti biex jitwettqu l-objettivi tal-Fond.

(28)

Il-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni jenħtieġ li jikkonċentra fuq azzjonijiet li għalihom l-intervent tal-Unojin jista’ jagħti valur miżjud meta mqabbel ma’ azzjonijiet mill-Istati Membri waħedhom. Is-sigurtà għandha intrinsikament dimensjoni transfruntiera u għaldaqstant jenħtieġ rispons tal-Unjoni b’saħħtu u kkoordinat. L-appoġġ finanzjarju pprovdut taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi, b’mod partikolari, biex jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali u tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà.

(29)

Stat Membru jista’ jitqies li ma jikkonformax mal-acquis rilevanti tal-Unjoni fir-rigward tal-użu ta’ appoġġ operazzjonali taħt il-Fond jekk ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt it-Trattati fil-qasam ta’ sigurtà, jekk ikun hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn dak l-Istat Membru tal-valuri tal-Unjoni meta jimplimenta l-acquis dwar is-sigurtà, jew jekk rapport ta’ evalwazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 ikun identifika nuqqasijiet fil-qasam rilevanti.

(30)

Jenħtieġ li l-Fond jindirizza l-ħtieġa għal żieda fil-flessibbiltà u s-simplifikazzjoni filwaqt li jirrispetta r-rekwiżiti fir-rigward tal-prevedibbiltà, u filwaqt li jiżgura li jkun hemm distribuzzjoni ġusta u trasparenti tar-riżorsi sabiex jitwettqu l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-Fond tkun iggwidata mill-prinċipji ta’ effiċjenza, effikaċja, rilevanza, koerenza, valur miżjud tal-Unjoni u kwalità tal-infiq. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Fond ikun implimentat bl-aktar mod faċli għall-utent possibbli.

(31)

Sabiex jiġi ottimizzat il-valur miżjud mill-investimenti ffinanzjati kompletament jew parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li jitfittxew sinerġiji, b’mod partikolari, bejn il-Fond u programmi oħra tal-Unjoni, inkluż dawk taħt ġestjoni kondiviża. Sabiex jiġu massimizzati dawk is-sinerġiji, jenħtieġ li jiġu żgurati l-mekkaniżmi abilitanti ewlenin, inkluż finanzjament kumulattiv għal azzjoni mill-Fond u minn programm ieħor tal-Unjoni. Tali finanzjament kumulattiv jenħtieġ li ma jaqbiżx il-kostijiet eliġibbli totali ta’ dik l-azzjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli xierqa, b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li tiġi ddikjarata l-istess kost jew nefqa kemm taħt il-Fond kif ukoll taħt programm ieħor tal-Unjoni fuq bażi prorata.

(32)

Meta jippromwovu azzjonijiet appoġġati mill-Fond, jenħtieġ li r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jipprovdu informazzjoni bil-lingwa jew lingwi tal-udjenza fil-mira. Sabiex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, jenħtieġ li r-riċevituri ta’ dak l-finanzjament jirreferu għall-oriġini tiegħu meta jikkomunikaw dwar l-azzjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li r-riċevituri jiżguraw li kwalunkwe komunikazzjoni lill-media u lill-pubbliku tkun turi l-emblema tal-Unjoni u ssemmi espliċitament l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni.

(33)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tuża r-riżorsi finanzjarji taħt il-Fond biex tippromwovi l-aħjar prattiki u l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fond.

(34)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika b’mod f’waqtu informazzjoni dwar l-appoġġ ipprovdut mill-faċilità tematika taħt ġestjoni diretta jew indiretta jenħtieġ li taġġorna tali informazzjoni fejn xieraq. Jenħtieġ li jkun possibbli li d-data tiġi kklassifikata skont l-objettiv speċifiku, l-isem tal-benefiċjarju, l-ammont impenjat legalment u n-natura u l-iskop tal-miżura.

(35)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ammonti inizjali għall-programmi tal-Istati Membri, ikkalkolati fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness I.

(36)

Jenħtieġ li l-ammonti inizjali għall-programmi tal-Istati Membri jiffurmaw il-bażi għall-investimenti fit-tul tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà. Sabiex jitqiesu bidliet fit-theddid għas-sigurtà interna u esterna jew fis-sitwazzjoni bażika, jenħtieġ li jiġi allokat ammont addizzjonali għall-Istati Membri f’nofs it-terminu tal-perijodu ta’ programmazzjoni u jenħtieġ li jkun ibbażat fuq id-data statistika, f’konformità mal-Anness I, b’kont meħud tal-istat tal-implimentazzjoni tal-programm tagħhom.

(37)

Billi l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà qed jevolvu b’mod kostanti, jeħtieġ li l-allokazzjoni tal-finanzjament tiġi adattata għall-bidliet fit-theddid intern u estern għas-sigurtà u l-ħtieġa li l-finanzjament imur għall-prijoritajiet bl-ogħla valur miżjud tal-Unjoni. Bħala rispons għall-ħtiġijiet urġenti u għall-bidliet fil-politika u fil-prijoritajiet tal-Unjoni, u sabiex il-finanzjament imur għal azzjonijiet b’livell għoli ta’ valur miżjud tal-Unjoni, jenħtieġ li parti mill-finanzjament jiġi allokat perjodikament, permezz ta’ faċilità tematika, għal azzjonijiet speċifiċi, azzjonijiet tal-Unjoni u assistenza ta’ emerġenza.

(38)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa biex jużaw parti mill-allokazzjoni tal-programm tagħhom biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet elenkati fl-Anness IV billi jibbenefikaw minn kontribuzzjoni akbar mill-Unjoni, prinċipalment minħabba l-valur miżjud tal-Unjoni għoli tagħhom jew l-importanza kbira tagħhom għall-Unjoni.

(39)

Parti mir-riżorsi disponibbli taħt il-Fond tista’ tiġi allokata lill-programmi tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi li jeħtieġu kooperazzjoni fost l-Istati Membri, jew għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi f’sitwazzjonijiet fejn żviluppi ġodda fl-Unjoni jkunu jeħtieġu finanzjament addizzjonali li għandu jkun disponibbli għal Stat Membru wieħed jew aktar. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi dawk l-azzjonijiet speċifiċi fil-programmi ta’ ħidma tagħha.

(40)

Jenħtieġ li l-Fond jikkontribwixxi għall-appoġġ ta’ kostijiet operatorji li huma relatati mas-sigurtà interna sabiex b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu kapaċitajiet li huma kruċjali għall-Unjoni bħala entità waħda. Jenħtieġ li dan l-appoġġ ikun jikkonsisti minn rimborż sħiħ ta’ kostijiet speċifiċi relatati mal-objettivi tal-Fond u jenħtieġ li jifforma parti integrali mill-programmi tal-Istati Membri.

(41)

Sabiex jikkomplementa l-implimentazzjoni tal-objettiv ta’ politika tal-Fond fil-livell nazzjonali permezz tal-programmi tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Fond jipprovdi wkoll appoġġ għal azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali azzjonijiet iservu skopijiet strateġiċi ġenerali fl-ambitu tal-intervent tal-Fond relattivament għall-analiżi tal-politika u l-innovazzjoni, għal tagħlim reċiproku u s-sħubijiet tranżnazzjonali kif ukoll l-ittestjar ta’ inizjattivi u azzjonijiet ġodda fl-Unjoni kollha jew fost ċerti Stati Membri. Jenħtieġ li l-Fond jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri, inkluż fil-livell lokali, biex jiskambjaw l-aħjar prattika u jippromwovu taħriġ konġunt, inkluż is-sensibilizzazzjoni fost il-persunal tal-infurzar tal-liġi dwar ir-radikalizzazzjoni, u l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, li jistgħu jwasslu għall-vjolenza, bħall-antisemitiżmu, l-anti-żingariżmu u forom oħra ta’ razziżmu. Għal dak il-għan, jistgħu jiġu ffinanzjati programmi ta’ skambju speċjalizzati għall-persunal tal-infurzar tal-liġi subaltern.

(42)

Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni biex tirreaġixxi immedjatament għal inċidenti marbuta mas-sigurtà jew għal theddid emerġenti ġdid għall-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi pprovduta assistenza ta’ emerġenza f’konformità mal-qafas stabbilit f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali assistenza ma tiġix ipprovduta biex tappoġġa sempliċiment miżuri ta’ kontinġenza jew fit-tul jew biex tindirizza sitwazzjonijiet fejn l-urġenza li tittieħed azzjoni tirriżulta min-nuqqas tal-awtoritajiet kompetenti li jippjanaw u jirreaġixxu b’mod adegwat.

(43)

Sabiex tkun żgurata l-flessibbiltà meħtieġa tal-azzjoni u sabiex jingħata rispons għal ħtiġijiet emerġenti, jenħtieġ li jkun possibbli li l-aġenziji deċentralizzati jiġu pprovduti b’mezzi finanzjarji addizzjonali xierqa biex iwettqu ċerti kompiti ta’ emerġenza. F’każijiet fejn il-kompitu li għandu jitwettaq ikun ta’ natura daqstant urġenti li aġġustament tal-baġits tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ffinalizzata fil-ħin, jenħtieġ li l-aġenziji deċentralizzati jkunu eliġibbli biex ikunu benefiċjarji tal-assistenza ta’ emerġenza, inkluż fil-forma ta’ għotjiet, b’mod konsistenti mal-prijoritajiet u l-inizjattivi identifikati fil-livell tal-Unjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(44)

Fid-dawl tan-natura transnazzjonali tal-azzjonijiet tal-Unjoni u sabiex tiġi promossa azzjoni koordinata biex jitwettaq l-objettiv li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sigurtà fl-Unjoni, l-aġenziji deċentralizzati jenħtieġ li eċċezzjonalment ikunu eliġibbli biex ikunu benefiċjarji ta’ azzjonijiet tal-Unjoni, inkluż fil-forma ta’ għotjiet, meta jassistu fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet tal-Unjoni li jaqgħu fil-kompetenzi tal-aġenziji deċentralizzati kkonċernati u dawk l-azzjonijiet ma jkunux koperti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit ta’ dawk l-aġenziji deċentralizzati permezz tal-baġit annwali. Sabiex jiġi żgurat valur miżjud tal-Unjoni, jenħtieġ li tali appoġġ ikun konsistenti mal-prijoritajiet u mal-inizjattivi identifikati fil-livell tal-Unjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(45)

L-objettiv ta’ politika tal-Fond jenħtieġ li jiġi indirizzat ukoll permezz ta’ strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji bħala parti mit-twieqi ta’ politika tal-Programm InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523. Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju jintuża sabiex jiġu indirizzati b’mod proporzjonat, in-nuqqasijiet tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta’ investiment mhux ottimali, u jenħtieġ li ma jiddupplikawx u ma jeskludux il-finanzjament privat jew ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern. Jenħtieġ li l-azzjonijiet ikollhom valur miżjud tal-Unjoni ċar.

(46)

L-operazzjonijiet ta’ taħlit għandhom natura volontarja u huma operazzjonijiet appoġġati mill-baġit tal-Unjoni li jikkombinaw forom ta’ appoġġ li ma jitħallsux lura, forom ta’ appoġġ li jitħallsu lura, jew it-tnejn, mill-baġit tal-Unjoni, ma’ forom ta’ appoġġ li jitħallsu lura minn istituzzjonijiet ta’ finanzjament promozzjonali, ta’ żvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll appoġġ minn istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u minn investituri.

(47)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Fond, li jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarju, fis-sens tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (13), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(48)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) (ir-“Regolament Finanzjarju”) japplika għall-Fond. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni.

(49)

Għall-iskop tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt ġestjoni kondiviża, jenħtieġ li l-Fond jifforma parti minn qafas koerenti li jikkonsisti minn dan ir-Regolament, ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament (UE) 2021/1060.

(50)

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 jistabbilixxi l-qafas għall-azzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, u jistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-regoli dwar il-programmazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll għall-fondi tal-Unjoni implimentati taħt ġestjoni kondiviża. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-objettivi tal-Fond f’dan ir-Regolament, u li jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-azzjonijiet li jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-Fond.

(51)

Skema ta’ prefinanzjament għall-Fond hija stabbilita fir-Regolament (UE) 2021/1060, u rata ta’ prefinanzjament speċifika hija ffissata f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sabiex ikun żgurat li huwa possibbli li ssir reazzjoni fil-pront għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, huwa xieraq li tiġi ffissata rata speċifika ta’ prefinanzjament għall-assistenza ta’ emerġenza. Jenħtieġ li l-iskema ta’ prefinanzjament tiżgura li l-Istati Membri jkollhom il-mezzi biex jappoġġaw lill-benefiċjarji mill-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi tagħhom.

(52)

It-tipi ta’ finanzjament u metodi ta’ implimentazzjoni taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu fuq il-bażi tal-kapaċità tagħhom li jwettqu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu riżultati, filwaqt li b’mod partikolari jitqiesu l-kostijiet tal-kontrolli, il-piżijiet amministrattivi u r-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità. Meta ssir dik l-għażla, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-użu ta’ somom f’daqqa, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet kif imsemmija fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(53)

Sabiex isir l-aħjar użu mill-prinċipju ta’ awditu uniku, huwa xieraq li jiġu ffissati regoli speċifiċi dwar il-kontroll u l-awditjar ta’ proġetti li fihom l-organizzazzjonijiet internazzjonali, li s-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom ġew ivvalutati b’mod pożittiv mill-Kummissjoni, huma l-benefiċjarji. Għal tali proġetti, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jillimitaw il-verifiki ta’ ġestjoni tagħhom, dment li l-benefiċjarju jipprovdi d-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-progress tal-proġett u dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa sottostanti b’mod f’waqtu. Barra minn hekk, fejn proġett implimentat minn organizzazzjoni internazzjonali bħal din ikun parti minn kampjun tal-awditjar, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtorità tal-awditjar li twettaq il-ħidma tagħha f’konformità mal-prinċipji tal-Istandard Internazzjonali dwar is-Servizzi Relatati (ISRS, International Standard on Related Services) 4400, “Engagements to Perform Agreed-upon Procedures Regarding Financial Information” (Impenji li Jitwettqu Proċeduri Maqbula Rigward l-Informazzjoni Finanzjarja).

(54)

F’konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, tista’ tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel il-firma tal-ftehim ta’ għotja. Madankollu, il-kostijiet imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe interruzzjoni fl-appoġġ tal-Unjoni li jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli, għal perijodu limitat ta’ żmien fil-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, li l-kostijiet imġarrba fir-rigward ta’ azzjonijiet appoġġati taħt dan ir-Regolament taħt ġestjoni diretta u li jkunu diġà bdew, jiġu kkunsidrati eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk dawk il-kostijiet ikunu ġġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għotja jew it-talba għall-assistenza.

(55)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (16), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (17) u (UE) 2017/1939 (18), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw bis-sħiħ u jipprovdu l-assistenza kollha meħtieġa lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni relattivament għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(56)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 TFUE Ewropea japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u b’mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(57)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (20), persuni u entitajiet stabbiliti f’pajjiżi jew territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Fond u għal arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu huwa marbut il-pajjiż jew territorju extra-Ewropew rilevanti.

(58)

Skont l-Artikolu 349 TFUE u f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2017 intitolata “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE”, approvata mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ April 2018, l-Istati Membri rilevanti jenħtieġ li jiżguraw li l-programmi tagħhom jindirizzaw l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi. Jenħtieġ li l-Fond jappoġġa lil dawk l-Istati Membri b’riżorsi adegwati biex jgħinu lir-reġjuni ultraperiferiċi kif xieraq.

(59)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (21), jenħtieġ li l-Fond jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Fond fil-prattika. Sabiex jitkejlu l-kisbiet tal-Fond, jenħtieġ li jiġu stabbiliti indikaturi u miri relatati fir-rigward ta’ kull objettiv speċifiku tal-Fond. Jenħtieġ li dawn l-indikaturi jinkludu indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi.

(60)

Permezz ta’ indikaturi u rapportar finanzjarju, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jjimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Fond f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060 u ma’ dan ir-Regolament. Mill-2023 ’il quddiem, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar il-prestazzjoni li jkopru s-sena tal-kontabbiltà tal-aħħar. Jenħtieġ li dawk ir-rapporti jkun fihom informazzjoni dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw ukoll sommarji ta’ dawk ir-rapporti lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tittraduċi dawk is-sommarji għal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u tagħmilhom disponibbli pubblikament fuq is-sit web tagħha, flimkien ma’ links għas-siti web tal-Istati Membri msemmija fir-Regolament (UE) 2021/1060.

(61)

B’riflessjoni tal-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (22), u l-impenn għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament jikkontribwixxu biex tintlaħaq mira globali ta’ 30 % tan-nefqa kollha taħt il-qafas finanzjarju pluriennali tintefaq fuq l-integrazzjoni tal-objettivi klimatiċi u għal ħidma favur l-ambizzjoni li 7,5 % tal-baġit jintefqu fuq in-nefqa għall-bijodiversità fl-2024 u 10 % jintefqu fl-2026 u l-2027 filwaqt li jittieħed kont tas-sovrapożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u dawk relatati mal-bijodiversità. Jenħtieġ li l-Fond jappoġġa attivitajiet li jirrispettaw l-istandards klimatiċi u ambjentali u l-prijoritajiet tal-Unjoni u ma jagħmlu l-ebda ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

(62)

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) u kwalunkwe att applikabbli għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 jenħtieġ li jibqa’ japplika għall-programmi u għall-proġetti appoġġati taħt l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha u l-ġestjoni tal-kriżijiet, bħala parti tal-Fond għas-Sigurtà Interna matul il-perijodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Billi l-perijodu ta’ implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 jikkoinċidi mal-perijodu ta’ programmazzjoni kopert minn dan ir-Regolament, u sabiex tkun żgurata l-kontinwità fl-implimentazzjoni ta’ ċerti proġetti approvati minn dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għat-tqassim tal-proġetti f’fażijiet differenti. Kull fażi individwali tal-proġett jenħtieġ li tiġi implimentata skont ir-regoli tal-perijodu ta’ programmazzjoni li taħtu jirċievi finanzjament.

(63)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(64)

Sabiex jiġu ssupplimentati u emendati l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-lista ta’ azzjonijiet eliġibbli għal rati ta’ kofinanzjament ogħla stabbiliti fl-Anness IV, l-appoġġ operazzjonali skont l-Anness VII u l-iżvilupp ulterjuri tal-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(65)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25). Jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-obbligi komuni għall-Istati Membri, b’mod partikolari obbligi li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni, u jenħtieġ li tintuża l-proċedura konsultattiva għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni relatati mal-arranġamenti dettaljati għall-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni fil-qafas tal-programmazzjoni u r-rapportar, fid-dawl tan-natura purament teknika tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu applikabbli minnufih relattivament għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex tingħata assistenza ta’ emerġenza prevista f’dan ir-Regolament fejn, f’każijiet debitament ġustifikati marbuta man-natura u l-iskop ta’ tali assistenza, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(66)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(67)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(68)

Huwa xieraq li l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi allinjat ma’ dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (26).

(69)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u sabiex ikun possibbli li l-implimentazzjoni tibda mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna (“il-Fond”) għad-durata tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

l-objettiv tal-politika tal-Fond;

(b)

l-objettivi speċifiċi tal-Fond u l-miżuri biex jiġu implimentati dawk l-objettivi speċifiċi;

(c)

il-baġit għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027;

(d)

il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ finanzjament bħal dan.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni, inkluż f’faċilità ta’ taħlit fit-tifsira tal-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, li jgħaqqdu flimkien forom ta’ appoġġ mhux ripagabbli u/jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni b’forom ta’ appoġġ ripagabbli mingħand istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll mingħand istituzzjonijiet ta’ finanzjament kummerċjali u investituri;

(2)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, kif imsemmi fl-Artikolu 87(1) TFUE, inklużi l-pulizija, id-dwana u servizzi speċjalizzati oħra tal-infurzar tal-liġi;

(3)

“prevenzjoni”, b’rabta mal-kriminalità, tfisser il-miżuri kollha li huma maħsuba sabiex jnaqqsu jew inkella jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-kriminalità u fis-sensazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà fiċ-ċittadini, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/902/ĠAI (27);

(4)

“infrastruttura kritika” tfisser assi, network, sistema jew parti minn dawn, li hija essenzjali għall-manteniment tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, tas-saħħa, tas-sikurezza, tas-sigurtà, tal-benesseri ekonomiku jew soċjali tal-poplu, u li t-tfixkil, il-ksur, jew il-qerda tagħhom ikollu impatt sinifikanti fi Stat Membru jew fl-Unjoni minħabba li dawn il-funzjonijiet ma jinżammux;

(5)

“ċiberkriminalità” tfisser jew reati li t-twettiq tagħhom neċessarjament tinvolvi sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (sistemi tal-ICT), jew bħala għodda biex jitwettaq ir-reat jew bħala l-miri prinċipali tar-reat (reati dipendenti fuq iċ-ċibernetika), jew inkella reati tradizzjonali li jistgħu jiżdiedu fl-iskala jew fil-firxa tagħhom permezz tal-użu tal-kompjuters, netwerks tal-kompjuters jew sistemi oħra tal-ICT (reati li jsiru permezz taċ-ċibernetika);

(6)

“azzjoni operazzjonali taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE/EMPACT” tfisser azzjoni mwettqa fil-qafas taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja permezz tal-Pjattaforma Multidixxiplinarja Ewropea kontra Theddid Kriminali (EMPACT), li għandha l-għan li tiġġieled l-iktar theddid importanti ta’ kriminalità serja u organizzata għall-Unjoni billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u, fejn ikun rilevanti, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

(7)

“skambju ta’ informazzjoni” tfisser il-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi, u t-trasferiment siguri ta’, u l-aċċess għal, informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 87 tat-TFUE kif ukoll lill-Europol u lil aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni b’rabta mal-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, b’mod partikolari reati transfruntiera, serji u organizzati u terroriżmu;

(8)

“kriminalità organizzata” tfisser imġiba kastigabbli relatata mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (28);

(9)

“preparazzjoni” tfisser kwalunkwe azzjoni speċifika mmirata lejn il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tar-riskji marbuta ma’ attakki terroristiċi possibbli jew inċidenti oħra marbuta mas-sigurtà fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(10)

“mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen” tfisser il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1053/2013;

(11)

“terroriżmu” tfisser kwalunkwe mill-atti intenzjonali u reati msemmija fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

(12)

“sitwazzjoni ta’ emerġenza” tfisser kwalunkwe inċident relatat mas-sigurtà, theddida emerġenti ġdida jew li għandha vulnerabbiltà li tkun għadha kif inkixfet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li għandha jew jista’ jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq is-sigurtà tan-nies, ta’ spazji pubbliċi jew ta’ infrastruttura fi Stat Membru wieħed jew aktar;

(13)

“flus lixka” tfisser flus kontanti ġenwini li jintwerew matul investigazzjoni kriminali bħala evidenza ta’ likwidità u solvenza lis-suspettati jew lil kwalunkwe persuna oħra li jkollha informazzjoni dwar id-disponibbiltà jew il-kunsinna jew li taġixxi bħala intermedjarja, sabiex jitwettaq xiri fittizju bil-għan li jiġu arrestati suspettati, jiġu identifikati siti ta’ produzzjoni illegali jew b’xi mod ieħor jiġi żmantellat grupp ta’ kriminalità organizzata;

(14)

“radikalizzazzjoni” tfisser proċess gradwali u kumpless li jwassal għal estremiżmu u terroriżmu vjolenti u li fih individwu jew grupp ta’ individwi jħaddnu ideoloġija jew twemmin radikali li jaċċetta, juża jew jittollera l-vjolenza, inklużi atti ta’ terroriżmu, biex jintlaħaq għan politiku, reliġjuż jew ideoloġiku speċifiku;

(15)

“azzjonijiet speċifiċi” tfisser proġetti tranżnazzjonali jew nazzjonali li jġibu magħhom valur miżjud tal-Unjoni f’konformità mal-objettivi tal-Fond li għalih Stat Membru wieħed, diversi Stati Membri jew l-Istati Membri kollha jistgħu jirċievu allokazzjoni addizzjonali għall-programmi tagħhom;

(16)

“appoġġ operazzjonali” tfisser parti mill-allokazzjoni ta’ Stat Membru li tista’ tintuża bħala appoġġ għall-awtoritajiet pubbliċi responsabbli mit-twettiq ta’ kompiti u mill-għoti ta’ servizzi li jikkostitwixxu servizz pubbliku għall-Unjoni, dment li jikkontribwixxu biex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni;

(17)

“azzjonijiet tal-Unjoni” tfisser proġetti tranżnazzjonali jew proġetti ta’ interess partikolari għall-Unjoni implimentati f’konformità mal-objettivi tal-Fond.

Artikolu 3

Objettivi tal-Fond

1.   L-objettiv ta’ politika tal-Fond huwa li jikkontribwixxi biex jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni, b’mod partikolari billi jipprevjeni u jiġġieled it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, il-kriminalità serja u organizzata, u ċ-ċiberkriminalità, billi jassisti u jipproteġi lill-vittmi tal-kriminalità kif ukoll billi jħejji għal, jipproteġi kontra u jiġġestixxi b’mod effettiv inċidenti, riskji u kriżijiet relatati mas-sigurtà fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fl-ambitu tal-objettiv ta’ politika stipulat fil-paragrafu 1, il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jtejjeb u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn u fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u, fejn rilevanti, ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

(b)

li jtejjeb u jintensifika l-kooperazzjoni transkonfinali, inkluż l-operazzjonijiet konġunti, bejn l-awtoritajiet kompetenti b’rabta mat-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata b’dimensjoni transkonfinali; u

(c)

li jappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti, riskji u kriżijiet relatati mas-sigurtà, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, is-soċjetà ċivili u s-sħab privati fi Stati Membri differenti.

3.   Fl-ambitu tal-objettivi speċifiċi stipulati fil-paragrafu 2, il-Fond għandu jiġi implimentat permezz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni elenkati fl-Anness II.

Artikolu 4

Rispett għad-drittijiet fundamentali

L-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Fond għandhom jiġu implementati b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u mad-dinjità umana. B’mod partikolari, tali azzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-Karta, mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB). Fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt il-Fond, kull fejn ikun possibbli, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali li tingħata assistenza u protezzjoni lil persuni vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal u l-minorenni mhux akkumpanjati.

Artikolu 5

Kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ

1.   Fl-ambitu tal-objettivi tiegħu u f’konformità mal-miżuri ta’ implimentazzjoni elenkati fl-Anness II, il-Fond għandu, b’mod partikolari, jappoġġa l-azzjonijiet bħal dawk elenkati fl-Anness III.

2.   Biex jitwettqu l-objettivi tiegħu, il-Fond jista’ jappoġġa, f’konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni u soġġett għal salvagwardji adegwati, azzjonijiet kif imsemmi fl-Anness III f’pajjiżi terzi u b’rabta magħhom, fejn xieraq, f’konformità mal-Artikolu 19.

3.   Fir-rigward ta’ azzjonijiet f’pajjiżi terzi u b’rabta magħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom, f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, jiżguraw koordinazzjoni mal-politiki, l-istrateġiji u l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni. B’mod partikolari għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet f’pajjiżi terzi u b’rabta magħhom:

(a)

jitwettqu f’sinerġija u f’koerenza ma’ azzjonijiet oħra barra l-Unjoni appoġġati permezz ta’ strumenti oħra tal-Unjoni;

(b)

ikunu koerenti mal-politika esterna tal-Unjoni, jirrispettaw il-prinċipju tal-koerenza fil-politika għall-iżvilupp, u jkunu konsistenti mad-dokumenti ta’ programmazzjoni strateġika għar-reġjun jew il-pajjiż inkwistjoni;

(c)

jiffokaw fuq miżuri mhux orjentati lejn l-iżvilupp; u

(d)

jaqdu l-interessi tal-politiki interni tal-Unjoni u jkunu konsistenti ma’ attivitajiet li jsiru fl-Unjoni.

4.   It-tagħmir u s-sistemi tal-ICT iffinanzjati taħt il-Fond jistgħu jintużaw, fil-qasam komplementari kopert mir-Regolament (UE) 2021/1148. Tali tagħmir u sistemi tal-ICT għandhom jibqgħu disponibbli u jistgħu jintużaw għall-objettivi tal-Fond.

L-użu tat-tagħmir fil-qasam komplementari msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jaqbeż it-30 % tal-perijodu totali tal-użu ta’ dak it-tagħmir.

Is-sistemi tal-ICT użati fil-qasam komplementari msemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jipprovdu data u servizzi għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

Fir-rapporti annwali tagħhom dwar il-prestazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe użu addizzjonali bħal dan u l-post tal-użu tat-tagħmir u tas-sistemi tal-ICT.

5.   Dawn li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli:

(a)

azzjonijiet limitati għaż-żamma tal-ordni pubbliku fil-livell nazzjonali;

(b)

azzjonijiet b’għan militari jew ta’ difiża;

(c)

tagħmir li l-għan primarju tiegħu huwa l-kontroll doganali;

(d)

tagħmir koerċittiv, inkluż armi, munizzjoni, splussivi u lembubi tal-irvellijiet, ħlief għal finijiet ta’ taħriġ;

(e)

premjijiet lil informaturi u flus lixka barra l-qafas ta’ azzjoni operazzjonali taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE/EMPACT.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, meta tinqala’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, l-azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli.

KAPITOLU II

QAFAS FINANZJARJU U TA’ IMPLIMENTAZZJONI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 6

Prinċipji ġenerali

1.   L-appoġġ ipprovdut taħt il-Fond għandu jikkomplementa l-intervent nazzjonali, reġjonali u lokali, u għandu jiffoka fuq li jġib valur miżjud tal-Unjoni għat-twettiq tal-objettivi tal-Fond.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ ipprovdut taħt il-Fond u mill-Istati Membri jkun konsistenti mal-azzjonijiet, il-politiki u l-prijoritajiet rilevanti tal-Unjoni u jkun komplementari għall-appoġġ ipprovdut taħt strumenti oħrajn tal-Unjoni.

3.   Il-Fond għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża, diretta jew indiretta f’konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 7

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 1 931 000 000 fi prezzijiet kurrenti.

2.   Il-pakkett finanzjarju għandu jintuża kif ġej:

(a)

EUR 1 352 000 000 għandhom jiġu allokati għall-programmi tal-Istati Membri;

(b)

EUR 579 000 000 għandhom jiġu allokati għall-faċilità tematika msemmija fl-Artikolu 8.

3.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, għandhom jiġu allokati sa 0,84 % tal-pakkett finanzjarju għal għajnuna teknika, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2021/1060, għall-implimentazzjoni tal-Fond.

4.   F’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2021/1060, sa 5 % tal-allokazzjoni inizjali għal Stat Membru minn kwalunkwe wieħed mill-fondi taħt dak ir-Regolament taħt ġestjoni kondiviża jistgħu jiġu ttrasferiti għall-Fond taħt ġestjoni diretta jew indiretta fuq it-talba ta’ dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f’konformità mal-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-faċilità tematika

1.   L-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 7(2) għandu jiġi allokat b’mod flessibbli permezz ta’ faċilità tematika, bl-użu ta’ ġestjoni kondiviża, diretta jew indiretta kif stabbilit fil-programmi ta’ ħidma.

Il-finanzjament mill-faċilità tematika għandu jintuża għall-komponenti tiegħu, li huma kif ġej:

(a)

azzjonijiet speċifiċi;

(b)

azzjonijiet tal-Unjoni; u

(c)

assistenza ta’ emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 25.

L-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2021/1060, għandha tirċievi appoġġ ukoll mill-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-finanzjament mill-faċilità tematika għandu jindirizza prijoritajiet b’valur miżjud għoli tal-Unjoni jew jintuża b’reazzjoni għal ħtiġijiet urġenti, f’konformità mal-prijoritajiet miftehma tal-Unjoni kif riflessi fl-Anness II. Il-finanzjament mill-faċilità tematika għandu jintuża biex jiġu appoġġati azzjonijiet f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom, fi ħdan l-objettivi tal-Fond, b’mod partikolari sabiex jingħata kontribut għall-ġlieda kontra l-kriminalità u l-prevenzjoni tagħha, inkluż it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontra n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin kriminali transkonfinali.

L-allokazzjoni tar-riżorsi tal-faċilità tematika fost il-prijoritajiet differenti għandha, safejn ikun possibbli, tkun proporzjonata għall-isfidi u l-ħtiġijiet, sabiex ikun żgurat li jkunu jistgħu jitwettqu l-objettivi tal-Fond.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-networks rilevanti, b’mod partikolari bil-ħsieb tat-tħejjija u l-evalwazzjoni tal-programmi ta’ ħidma għall-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati taħt il-Fond.

4.   Meta jiġi pprovdut finanzjament mill-faċilità tematika taħt ġestjoni diretta jew indiretta lill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jintgħażlux proġetti affettwati minn opinjoni motivata mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE li jpoġġu f’dubju l-legalità u r-regolarità tan-nefqa jew il-prestazzjoni ta’ dawk il-proġetti.

5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 23 u l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, meta finanzjament mill-faċilità tematika jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-azzjonijiet previsti mhumiex, u l-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk humiex, affettwati minn opinjoni motivata mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE li jqajmu dubju dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa jew il-prestazzjoni tal-azzjonijiet.

6.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont globali li jkun irid isir disponibbli għall-faċilità tematika taħt l-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit tal-Unjoni.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deċiżjonijiet ta’ finanzjament kif imsemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju għall-faċilità tematika, filwaqt li tidentifika objettivi u azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati u tispeċifika l-ammonti għal kull wieħed mill-komponenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali deċiżjonijiet ta’ finanzjament għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, l-ammont globali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit. Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament jistgħu jkunu annwali jew pluriennali u jistgħu jkopru komponent wieħed jew aktar tal-faċilità tematika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3) ta dan ir-Regolament.

8.   Sussegwentement għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament kif imsemmi fil-paragrafu 7, il-Kummissjoni tista’ temenda l-programmi tal-Istati Membri skont kif ikun adatt.

TAQSIMA 2

Appoġġ u implimentazzjoni taħt ġestjoni kondiviża

Artikolu 9

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din it-taqsima tapplika għall-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 7(2) u r-riżorsi addizzjonali li għandhom jiġu implimentati taħt ġestjoni kondiviża f’konformità mad-deċiżjoni ta’ finanzjament għall-faċilità tematika msemmija fl-Artikolu 8.

2.   L-appoġġ taħt din it-taqsima għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju u mar-Regolament (UE) 2021/1060.

Artikolu 10

Riżorsi baġitarji

1.   L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 7(2) għandhom jiġu allokati lill-programmi tal-Istati Membri b’mod indikattiv kif ġej:

(a)

EUR 1 127 000 000 f’konformità mal-Anness I;

(b)

EUR 225 000 000 għall-aġġustament tal-allokazzjonijiet lill-programmi tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 14(1).

2.   Meta l-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mhuwiex kompletament allokat, l-ammont li jifdal jista’ jiżdied mal-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 7(2).

Artikolu 11

Prefinanzjament

1.   F’konformità mal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament għall-Fond għandu jitħallas b’pagamenti parzjali annwali qabel l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, soġġett għad-disponibbiltà ta’ fondi, kif ġej:

(a)

2021: 4 %;

(b)

2022: 3 %;

(c)

2023: 5 %;

(d)

2024: 5 %;

(e)

2025: 5 %;

(f)

2026: 5 %.

2.   Fejn programm ta’ Stat Membru jiġi adottat wara l-1 ta’ Lulju 2021, il-pagamenti parzjali ta’ qabel għandhom jitħallsu fis-sena tal-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 12

Rati ta’ kofinanzjament

1.   Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni ma għandhiex taqbeż il-75 % tat-total tan-nefqa eliġibbli għal proġett.

2.   Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni tista’ tiżdied għal 90 % tan-nefqa totali eliġibbli għal proġetti implimentati taħt azzjonijiet speċifiċi.

3.   Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni tista’ tiżdied għal 90 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-azzjonijiet elenkati fl-Anness IV.

4.   Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni tista’ tiżdied għal 100 % tat-total tan-nefqa eliġibbli għall-appoġġ operazzjonali.

5.   Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni tista’ tiżdied għal 100 % tat-total tan-nefqa eliġibbli għall-assistenza ta’ emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 25.

6.   Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni tista’ tiżdied għal 100 % tat-total tan-nefqa eliġibbli għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri, fil-limiti stabbiliti fil-punt (b)(vi) tal-Artikolu 36(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

7.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova programm ta’ Stat Membru għandha tiffissa r-rata ta’ kofinanzjament u l-ammont massimu ta’ appoġġ mill-Fond għat-tipi ta’ azzjoni koperti mill-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 6.

8.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova programm ta’ Stat Membru għandha tistabbilixxi għal kull tip ta’ azzjoni jekk ir-rata ta’ kofinanzjament tiġix applikata fir-rigward ta’:

(a)

il-kontribuzzjoni totali, inklużi l-kontribuzzjonijiet pubbliċi u privati; jew

(b)

il-kontribuzzjoni pubblika biss.

Artikolu 13

Programmi ta’ Stati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-prijoritajiet indirizzati fil-programmi tiegħu jkunu konsistenti mal-prijoritajiet tal-Unjoni u jirrispondu għall-isfidi fil-qasam tas-sigurtà u li jkunu kompletament konformi mal-acquis rilevanti tal-Unjoni u l-prijoritajiet miftiehma tal-Unjoni. Fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-programmi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ implimentazzjoni elenkati fl-Anness II jiġu indirizzati b’mod adegwat fil-programmi tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programmi tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jalloka:

(a)

minimu ta’ 10 % tar-riżorsi allokati taħt l-Artikolu 10(1) għall-objettiv speċifiku stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2); u

(b)

minimu ta’ 10 % tar-riżorsi allokati taħt l-Artikolu 10(1) għall-objettiv speċifiku stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2).

3.   Stat Membru jista’ jalloka inqas mill-perċentwali minimi msemmija fil-paragrafu 2 biss jekk jipprovdi spjegazzjoni dettaljata fil-programm tiegħu għalfejn l-allokazzjoni ta’ riżorsi taħt dak il-livell ma tipperikolax it-twettiq tal-objettiv rilevanti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għarfien u l-kompetenza esperta tal-aġenziji deċentralizzati rilevanti jitqiesu, fi stadju bikri u b’mod f’waqtu, fl-iżvilupp tal-programmi tal-Istati Membri.

5.   Sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni dwar it-tfassil tal-azzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari meta jimplimentaw azzjonijiet operazzjonali taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE/EMPACT jew azzjonijiet ikkoordinati mit-Taskforce ta’ Azzjoni Konġunta kontra ċ-Ċiberkriminalità (J-CAT), u dwar it-tfassil ta’ attivitajiet ta’ taħriġ.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tinvolvi, fejn xieraq, lill-aġenziji deċentralizzati, fil-kompiti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni speċifikati fit-Taqsima 5, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-azzjonijiet implimentati bl-appoġġ tal-Fond ikunu konformi mal-acquis rilevanti tal-Unjoni u l-prijoritajiet miftiehma tal-Unjoni.

7.   Massimu ta’ 35 % tal-allokazzjoni ta’ programm ta’ Stat Membru jista’ jintuża għax-xiri ta’ tagħmir, mezzi ta’ trasport jew il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet rilevanti għas-sigurtà. Il-limitu massimu jista’ jinqabeż biss f’każijiet ġustifikati kif xieraq.

8.   Fil-programmi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità li jindirizzaw:

(a)

il-prijoritajiet miftiehma tal-Unjoni u l-acquis fil-qasam tas-sigurtà, b’mod partikolari l-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni rilevanti u preċiża u l-implimentazzjoni tal-komponenti tal-qafas għall-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE;

(b)

ir-rakkomandazzjonijiet b’implikazzjonijiet finanzjarji magħmula fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(c)

in-nuqqasijiet speċifiċi għall-pajjiż b’implikazzjonijiet finanzjarji identifikati fil-qafas ta’ valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet bħal rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew fil-qasam tal-korruzzjoni.

9.   Fejn ikun meħtieġ, il-programm tal-Istat Membru inkwistjoni għandu jiġi emendat f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/1060 biex jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

10.   L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jimmiraw li jwettqu l-azzjonijiet elenkati fl-Anness IV fil-programmi tagħhom. Biex tindirizza ċirkostanzi ġodda jew mhux previsti u biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-finanzjament, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32 biex temenda l-Anness IV.

11.   Kull meta Stat Membru jiddeċiedi li jimplimenta proġett appoġġat mill-Fond ma’ pajjiż terz jew ġewwa fih, jew b’rabta miegħu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonsulta mal-Kummissjoni qabel ma jiġi approvat il-proġett.

12.   Il-programmazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandha tkun ibbażata fuq it-tipi ta’ intervent stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness VI għal dan ir-Regolament u għandha tinkludi tqassim indikattiv tar-riżorsi pprogrammati skont it-tip ta’ intervent fi ħdan kull objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Rieżami ta’ nofs it-terminu

1.   Fl-2024, il-Kummissjoni għandha talloka lill-programmi tal-Istati Membri kkonċernati l-ammont addizzjonali msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 10(1) f’konformità mal-kriterji msemmija fil-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-Anness I. Il-finanzjament għandu jkun effettiv mill-1 ta’ Jannar 2025.

2.   Fejn tal-anqas 10 % tal-allokazzjoni inizjali lil programm imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament ma kinitx koperta minn applikazzjonijiet għal pagamenti ippreżentati f’konformità mal-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Istat Membru kkonċernat ma għandux ikun eliġibbli biex jirċievi l-allokazzjoni addizzjonali għall-programm tiegħu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta tkun qed talloka l-fondi mill-faċilità tematika msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri biex jitwettqu l-objettivi intermedji tal-qafas ta’ prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u tan-nuqqasijiet identifikati fl-implimentazzjoni.

Artikolu 15

Azzjonijiet speċifiċi

1.   Stat Membru jista’ jirċievi finanzjament għal azzjonijiet speċifiċi minbarra l-allokazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 10(1), sakemm konsegwentement dak il-finanzjament jiġi indikat bħala tali fil-programm tiegħu u jintuża biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Fond, inkluż il-kopertura ta’ theddidiet emerġenti ġodda.

2.   Il-finanzjament għal azzjonijiet speċifiċi ma għandux jintuża għal azzjonijiet oħra fil-programm tal-Istat Membru ħlief, f’ċirkostanzi debitament ġustifikati u skont kif ikun approvat mill-Kummissjoni permezz ta’ emenda tal-programm tal-Istat Membru.

Artikolu 16

Appoġġ operazzjonali

1.   Stat Membru jista’ juża sa 20 % tal-ammont allokat lill-programm tiegħu taħt il-Fond biex jiffinanzja appoġġ operazzjonali għall-awtoritajiet pubbliċi responsabbli mit-twettiq ta’ kompiti u l-għoti tas-servizzi li jikkostitwixxu servizz pubbliku għall-Unjoni.

2.   Meta juża l-appoġġ operazzjonali, Stat Membru għandu jikkonforma mal-acquis tal-Unjoni dwar is-sigurtà.

3.   Stat Membru għandu jispjega, fil-programm tiegħu u fir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 30, kif l-użu ta’ appoġġ operazzjonali ser jikkontribwixxi biex jitwettqu l-objettivi tal-Fond. Qabel l-approvazzjoni tal-programm tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni bażi fl-Istati Membri li indikaw l-intenzjoni tagħhom li jużaw appoġġ operazzjonali, filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta minn dawk l-Istati Membri, kif ukoll kwalunkwe rakkomandazzjoni minn mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni ta’ kwalità bħalma huwa l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen jew mekkaniżmi oħrajn ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni tal-kwalità, kif applikabbli.

4.   L-appoġġ operazzjonali għandu jkun ikkonċentrat fuq azzjonijiet koperti min-nefqa kif stipulat fl-Anness VII.

5.   Biex tindirizza ċirkostanzi mhux previsti jew ġodda jew biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-finanzjament, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32 biex temenda l-Anness VII fir-rigward ta’ nfiq li jkun eliġibbli għall-appoġġ operazzjonali.

Artikolu 17

Verifiki ta’ ġestjoni u awditi ta’ proġetti mwettqa minn organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Dan l-Artikolu japplika għal organizzazzjonijiet internazzjonali jew l-aġenziji tagħhom kif imsemmi fil-punt (c)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju li s-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri tagħhom ġew ivvalutati pożittivament mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 154(4) u (7) ta’ dak ir-Regolament għall-fini tal-implimentazzjoni indiretta ta’ għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni (“organizzazzjonijiet internazzjonali”).

2.   Mingħajr preġudizzju għall-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u għall-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, fejn l-organizzazzjoni internazzjonali tkun benefiċjarju kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-awtorità ta’ ġestjoni mhijiex obbligata twettaq il-verifiki ta’ ġestjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, dment li l-organizzazzjoni internazzjonali tippreżenta lill-awtorità ta’ ġestjoni d-dokumenti msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(1) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(1) tar-Regolament Finanzjarju, id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-organizzazzjoni internazzjonali għandha tikkonferma li l-proġett jikkonforma mal-liġi applikabbli u mal-kondizzjonijiet għall-appoġġ tal-proġett.

4.   Barra minn hekk, fejn iridu jiġu rimborżati kostijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-organizzazzjoni internazzjonali għandha tikkonferma li:

(a)

l-fatturi u l-provi tal-ħlas tagħhom mill-benefiċjarju ġew verifikati;

(b)

ir-rekords kontabilistiċi jew il-kodiċijiet kontabilistiċi miżmuma mill-benefiċjarju għat-tranżazzjonijiet marbuta man-nefqa ddikjarata lill-awtorità ta’ ġestjoni ġew verifikati.

5.   Fejn iridu jiġu rimborżati kostijiet skont il-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-organizzazzjoni internazzjonali għandha tikkonferma li l-kondizzjonijiet għar-rimborż tan-nefqa jkunu ġew issodisfati.

6.   Id-dokumenti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(1) tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu pprovduti lill-awtorità ta’ ġestjoni flimkien ma’ kull talba għall-ħlas ippreżentata mill-benefiċjarju.

7.   Il-benefiċjarju għandu jippreżenta l-kontijiet lill-awtorità ta’ ġestjoni kull sena sal-15 ta’ Ottubru. Il-kontijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn opinjoni ta’ korp indipendenti tal-awditjar, li tkun tfasslet skont standards ta’ awditjar aċċettati internazzjonalment. Dik l-opinjoni għandha tistabbilixxi jekk is-sistemi ta’ kontroll eżistenti jaħdmux korrettament u jekk humiex kosteffikaċi u jekk it-tranżazzjonijiet sottostanti humiex legali u regolari. Dik l-opinjoni għandha wkoll tiddikjara jekk l-eżerċizzju tal-awditjar tqajjimx dubju dwar l-affermazzjonijiet li jkunu saru fid-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni ppreżentati mill-organizzazzjoni internazzjonali, inkluża informazzjoni dwar suspetti ta’ frodi. Dik l-opinjoni għandha tipprovdi garanzija li n-nefqa inkluża fit-talbiet għal ħlas ippreżentati mill-organizzazzjoni internazzjonali lill-awtorità ta’ ġestjoni hija legali u regolari.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet eżistenti li jsiru aktar kif imsemmi fl-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tfassal id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060. L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tagħmel dan billi toqgħod fuq id-dokumenti pprovduti mill-organizzazzjoni internazzjonali skont il-paragrafi 2 sa 5 u 7 ta’ dan l-Artikolu minflok toqgħod fuq il-verifiki ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 74(1) ta’ dak ir-Regolament.

9.   Id-dokument li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandu jinkludi r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

10.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika, u konsegwentement awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun meħtieġa tagħmel verifiki ta’ ġestjoni, fejn:

(a)

dik l-awtorità ta’ ġestjoni tidentifika riskju speċifiku ta’ irregolarità jew indikazzjoni ta’ frodi fir-rigward ta’ proġett mibdi jew implimentat mill-organizzazzjoni internazzjonali;

(b)

l-organizzazzjoni internazzjonali tonqos milli tippreżenta lil dik l-awtorità ta’ ġestjoni d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 u 7; jew

(c)

id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 u 7 li ġew ippreżentati mill-organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux kompluti.

11.   Fejn proġett, li fih organizzazzjoni internazzjonali tkun benefiċjarju kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ikun parti minn kampjun kif imsemmi fl-Artikolu 79 ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità tal-awditjar tista’ twettaq il-ħidma tagħha abbażi ta’ subkampjun ta’ tranżazzjonijiet li jkunu relatati ma’ dak il-proġett. Fejn jinstabu żbalji fis-subkampjun, l-awtorità tal-awditjar, jekk rilevanti, tista’ titlob lill-awditur tal-organizzazzjoni internazzjonali jivvaluta l-ambitu sħiħ u l-ammont totali tal-iżbalji f’dak il-proġett.

TAQSIMA 3

Appoġġ u implimentazzjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta

Artikolu 18

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ taħt din it-Taqsima direttament f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f’konformità mal-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu.

Artikolu 19

Entitajiet eliġibbli

1.   L-entitajiet li ġejjin huma eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni:

(a)

entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi:

(i)

Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

(ii)

pajjiż terz elenkat fil-programm ta’ ħidma, skont il-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 3;

(b)

entitajiet ġuridiċi istitiwiti taħt il-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali rilevanti għall-finijiet tal-Fond.

2.   Il-persuni fiżiċi mhumiex eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

3.   Entitajiet kif imsemmija fil-punt (a)(ii) tal-paragrafu 1 għandhom jipparteċipaw bħala parti minn konsorzju kompost mill-inqas minn żewġ entitajiet indipendenti, li mill-inqas waħda minnhom tkun stabbilita fi Stat Membru.

Entitajiet li jipparteċipaw bħala parti minn konsorzju kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet li jipparteċipaw fihom ikunu konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-Karta u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi tal-Fond.

Artikolu 20

Azzjonijiet tal-Unjoni

1.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Fond jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-objettivi tal-Fond.

2.   Azzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipprovdu finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari għotjiet, premjijiet u akkwist. Jistgħu jipprovdu wkoll finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji f’operazzjonijiet ta’ taħlit.

3.   Eċċezzjonalment, l-aġenziji deċentralizzati jistgħu wkoll ikunu eliġibbli għal finanzjament fil-qafas tal-azzjonijiet tal-Unjoni meta jassistu fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet tal-Unjoni li jaqgħu fil-kompetenza ta’ dawk l-aġenziji deċentralizzati, u dawk l-azzjonijiet ma jkunux koperti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit ta’ dawk l-aġenziji deċentralizzati permezz tal-baġit annwali.

4.   Għotjiet implimentati taħt ġestjoni diretta għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

5.   Il-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jivvalutaw il-proposti, imsemmija fl-Artikolu 150 tar-Regolament Finanzjarju, jistgħu jkunu esperti esterni.

6.   Il-kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta’ fondi dovuti minn riċevituri u għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. Għandu japplika l-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) 2021/695.

Artikolu 21

Operazzjonijiet ta’ taħlit

L-operazzjonijiet ta’ taħlit taħt il-Fond għandhom jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/523 u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 22

Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

F’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Fond jista’ jappoġġa l-assistenza teknika implimentata fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew f’isimha, b’rata ta’ finanzjament ta’ 100 %.

Artikolu 23

Awditi

L-awditi tal-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew entitajiet, inkluż minn persuni jew entitajiet oħrajn minbarra dawk imqabbda minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija globali skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 24

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Ir-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata li tkun koerenti, effettiva, b’sinifikat u proporzjonata lil diversi udjenzi, inklużi l-media u l-pubbliku. Il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni għandha tiġi żgurata u tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati fejn ma jkunx possibbli jew xieraq il-wiri pubbliku ta’ tali informazzjoni jew fejn ir-rilaxx ta’ tali informazzjoni jkun ristrett bil-liġi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ sigurtà, ordni pubbliku, investigazzjonijiet kriminali jew il-protezzjoni ta’ data personali. Biex jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, ir-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni għandhom jirreferu għall-oriġini ta’ dak il-finanzjament meta jikkomunikaw pubblikament dwar l-azzjoni kkonċernata, u għandhom juru l-emblema tal-Unjoni.

2.   Biex tilħaq l-ikbar udjenza possibbli, il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Fond, ma’ azzjonijiet meħuda skont il-Fond u mar-riżultati miksuba.

Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Fond għandhom ukoll jikkontribwixxu għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn dawk il-prijoritajiet huma relatati mal-objettivi tal-Fond.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-programmi ta’ ħidma tal-faċilità tematika msemmija fl-Artikolu 8. Għall-appoġġ ipprovdut taħt ġestjoni diretta jew indiretta, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(2) tar-Regolament Finanzjarju fuq sit web disponibbli għall-pubbliku u għandha taġġorna dik l-informazzjoni regolarment. Dik l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’format miftuħ u li jinqara mill-magni li jippermetti li jsir tqassim, tiftix, estrazzjoni u tqabbil tad-data.

TAQSIMA 4

Appoġġ u implimentazzjoni taħt ġestjoni kondiviża, diretta jew indiretta

Artikolu 25

Assistenza ta’ emerġenza

1.   Il-Fond għandu jipprovdi assistenza finanzjarja biex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti u speċifiċi f’każijiet ta ’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza debitament ġustifikati.

Bħala rispons għal tali sitwazzjonijiet ta’ emerġenza debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi assistenza ta’ emerġenza fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.

2.   L-assistenza ta’ emerġenza tista’ tieħu l-forma ta’ għotjiet mogħtija direttament lill-aġenziji deċentralizzati.

3.   L-assistenza ta’ emerġenza tista’ tiġi allokata lill-programmi tal-Istati Membri b’żieda mal-allokazzjoni taħt l-Artikolu 10(1), dment li sussegwentement din tiġi indikata bħala tali fil-programm tal-Istat Membru. Dak il-finanzjament ma għandux jintuża għal azzjonijiet oħra fil-programm tal-Istat Membru ħlief f’ċirkostanzi debitament ġustifikati u kif approvat mill-Kummissjoni permezz tal-emendar tal-programm tal-Istat Membru. Il-prefinanzjament għal assistenza ta’ emerġenza jista’ jammonta għal 95 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, soġġett għad-disponibbiltà ta’ fondi.

4.   Għotjiet implimentati taħt ġestjoni diretta għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

5.   Fejn ikun neċessarju għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni, l-assistenza ta’ emerġenza tista’ tkopri n-nefqa li ġġarrbet qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja jew tat-talba għal assistenza għal dik l-azzjoni, dment li dik in-nefqa ma saritx qabel l-1 ta’ Jannar 2021.

6.   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati u biex tiżgura li jkun hemm disponibbiltà f’waqtha ta’ riżorsi għal assistenza ta’ emerġenza, il-Kummissjoni tista’ tadotta separatament deċiżjoni ta’ finanzjament, kif imsemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju, għal assistenza ta’ emerġenza permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 33(4). Tali att għandu jibqa’ fis-seħħ għal perijodu li ma jkunx jeċċedi 18-il xahar.

Artikolu 26

Finanzjament kumulattiv u alternattiv

1.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni taħt il-Fond tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn kwalunkwe programm ieħor tal-Unjoni, inkluż Fondi taħt ġestjoni kondiviża, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi prorata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.

2.   F’konformità mal-Artikolu 73(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew il-Fond Soċjali Ewropew Plus jistgħu jappoġġaw azzjonijiet li lilhom tiġi attribwita tikketta ta’ Siġill ta’ Eċċellenza kif definit fil-punt (45) tal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament. Sabiex jiġu attribwiti tikketta ta’ Siġill ta’ Eċċellenza, l-azzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti taħt il-Fond;

(b)

ikunu konformi mal-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dik is-sejħa għal proposti; u

(c)

ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati taħt dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.

TAQSIMA 5

Monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni

Subtaqsima 1

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 27

Monitoraġġ u rapportar

1.   F’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar tagħha skont il-punt (h)(iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni elenkati fl-Anness V għal dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 32 biex temenda l-Anness V biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa fl-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni elenkati f’dak l-Anness.

3.   L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Fond lejn it-twettiq tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(2) huma stabbiliti fl-Anness VIII. Għall-indikaturi tal-output, il-linji bażi għandhom jiġu stabbiliti għal żero. L-istadji importanti stabbiliti għall-2024 u l-miri stabbiliti għall-2029 għandhom ikunu kumulattivi.

4.   Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti proporzjonati ta’ rapportar fuq ir-riċevituri ta’ fondi tal-Unjoni u, fejn xieraq, fuq l-Istati Membri.

5.   Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Fond lejn it-twettiq tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 32 biex temenda l-Anness VIII biex tirrieżamina jew tikkomplementa l-indikaturi fejn ikun meqjus meħtieġ u biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, inkluż dwar informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri. Kwalunkwe emenda għall-Anness VIII għandha tapplika biss għal proġetti magħżula wara d-dħul fis-seħħ ta’ dik l-emenda.

Artikolu 28

Rapportar dwar il-faċilità tematika

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-użu u t-tqassim tal-faċilità tematika, msemmija fl-Artikolu 8, inkluż dwar l-appoġġ ipprovdut lil azzjonijiet f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom fi ħdan l-azzjonijiet tal-Unjoni. Meta, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata lilu, il-Parlament Ewropew jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati fi ħdan il-faċilità tematika, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex tqis dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 29

Evalwazzjoni

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ dan ir-Regolament. Minbarra dak li huwa previst fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu għandha tivvaluta dan li ġej:

(a)

l-effikaċja tal-Fond, inkluż il-progress magħmul lejn it-twettiq tal-objettivi tiegħu, filwaqt li titqies l-informazzjoni kollha rilevanti diġà disponibbli, b’mod partikolari r-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 30 u l-indikaturi tal-output u tar-riżultati stipulati fl-Anness VIII;

(b)

l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi allokati għall-Fond u l-effiċjenza tal-miżuri ta’ ġestjoni u kontroll introdotti biex jimplimentawh;

(c)

il-kontinwazzjoni tar-rilevanza u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni elenkati fl-Anness II;

(d)

il-koordinazzjoni, il-koerenza u l-komplementarjetà bejn l-azzjonijiet appoġġati taħt il-Fond u l-appoġġ ipprovdut minn fondi oħra tal-Unjoni;

(e)

il-valur miżjud tal-Unjoni fl-azzjonijiet implimentati taħt il-Fond.

Dik l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu għandha tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni retrospettiva tal-effetti tal-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perijodu 2014-2020.

2.   Minbarra dak li huwa previst fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-evalwazzjoni retrospettiva għandha tinkludi l-elementi elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat l-impatt tal-Fond.

3.   L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u l-evalwazzjoni retrospettiva għandhom jitlestew b’mod f’waqtu sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż, fejn adatt, għar-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-evalwazzjonijiet ma jkunux jinkludu informazzjoni li t-tixrid tagħha jista’ jipperikola l-operazzjonijiet tas-sigurtà.

5.   Fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u fl-evalwazzjoni retrospettiva, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet implimentati ma’ pajjiżi terzi, ġewwa fihom jew b’rabta magħhom f’konformità mal-Artikolu 13(11) u l-Artikolu 19.

Subtaqsima 2

Regoli għal ġestjoni kondiviża

Artikolu 30

Rapporti annwali dwar il-prestazzjoni

1.   Sal-15 ta’ Frar 2023 u sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena sussegwenti sal-2031, inkluża dik is-sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport dwar il-prestazzjoni annwali lill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 41(7) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

Il-perijodu ta’ rapportar għandu jkopri l-aħħar sena tal-kontabbiltà, kif definit fil-punt 29 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1060, qabel is-sena tal-preżentazzjoni tar-rapport. Ir-rapport ippreżentat sal-15 ta’ Frar 2023 għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021.

2.   Ir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni għandhom, b’mod partikolari, jagħtu informazzjoni dwar:

(a)

il-progress fl-implimentazzjoni tal-programm tal-Istat Membru u fit-twettiq tal-istadji importanti u l-għanijiet stabbiliti fih, b’kont meħud tal-aktar data reċenti kif meħtieġ taħt l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/1060;

(b)

kwalunkwe kwistjoni li taffettwa l-prestazzjoni tal-programm tal-Istat Membru u l-azzjoni meħuda biex tindirizzaha, inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ ksur taħt l-Artikolu 258 TFUE b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Fond;

(c)

il-komplementarjetà bejn l-azzjonijiet appoġġati taħt il-Fond u l-appoġġ ipprovdut minn fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk l-azzjonijiet meħudin f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom;

(d)

il-kontribut tal-programm tal-Istat Membru għall-implimentazzjoni tal-acquis rilevanti tal-Unjoni u tal-pjanijiet ta’ azzjoni;

(e)

l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà;

(f)

l-adempjiment tal-kondizzjonijiet ta’ abilitazzjoni applikabbli u l-applikazzjoni tagħhom matul il-perijodu ta’ programmazzjoni, b’mod partikolari l-konformità mad-drittijiet fundamentali;

(g)

l-implimentazzjoni ta’ proġetti f’pajjiż terz jew b’rabta miegħu.

Ir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni għandhom jinkludu sommarju li jkopri l-punti kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-sommarji pprovduti mill-Istati Membri jiġu tradotti għal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u jsiru disponibbli għall-pubbliku.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi osservazzjonijiet dwar rapporti annwali dwar il-prestazzjoni fi żmien xahrejn mid-data tar-riċezzjoni tagħhom. Fejn il-Kummissjoni ma tipprovdix osservazzjonijiet sa dik l-iskadenza, ir-rapport għandu jitqies li ġie aċċettat.

4.   Fuq is-sit web tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-links għas-siti web imsemmija fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

5.   Sabiex tiżgura kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-mudell għar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

Artikolu 31

Monitoraġġ u rapportar taħt ġestjoni kondiviża

1.   Il-monitoraġġ u r-rapportar, skont it-Titlu IV tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandhom jużaw, kif xieraq, il-kodiċijiet għat-tipi ta’ interventi stipulati fl-Anness VI għal dan ir-Regolament. Biex tindirizza ċirkostanzi ġodda jew mhux previsti u biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-finanzjament, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 32 biex temenda l-Anness VI.

2.   L-indikaturi stipulati fl-Anness VIII għal dan ir-Regolament għandhom jintużaw f’konformità mal-Artikoli 16(1) u mal-Artikoli 22 u 42 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 32

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 13(10), l-Artikolu 16(5), l-Artikolu 27(2) u (5) u l-Artikolu 31(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2027.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 13(10), l-Artikolu 16(5), l-Artikolu 27(2) u (5) u l-Artikolu 31(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 13(10), l-Artikolu 16(5), l-Artikolu 27(2) u (5) jew l-Artikolu 31(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 33

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Fondi għall-Affarijiet Interni stabbilit bl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1148. Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-Kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 34

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija taħt l-Istrument tal-Pulizija tal-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perijodu 2014-2020 (‘Pulizija tal-ISF’), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 513/2014. Ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 għandu jkompli japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Fond jista’ jkopri wkoll il-kostijiet tal-għajnuna teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Fond u l-miżuri adottati skont il-Pulizija tal-ISF.

3.   F’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, b’kont meħud tad-dħul fis-seħħ imdewwem ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità, għal perijodu limitat, il-kostijiet imġarrba fir-rigward ta’ azzjonijiet appoġġati taħt dan ir-Regolament taħt ġestjoni diretta u li jkunu diġà bdew jistgħu jitqiesu eliġibbli għall-finanzjament mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk dawk il-kostijiet iġġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja jew it-talba għall-assistenza.

4.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu wara l-1 ta’ Jannar 2021 jappoġġaw proġett magħżul u mibdi taħt ir-Regolament (UE) Nru 513/2014, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dment li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

il-proġett ikollu żewġ fażijiet identifikabbli mil-lat finanzjarju, b’sekwenzi tal-awditjar separati;

(b)

il-kost totali tal-proġett taqbeż il-EUR 500 000;

(c)

ħlasijiet magħmula mill-awtorità responsabbli lil benefiċjarji għall-ewwel fażi tal-proġett għandhom jiġu inklużi fit-talbiet lill-Kummissjoni għal ħlas taħt ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u n-nefqa għat-tieni fażi tal-proġett għandha tiġi inkluża fl-applikazzjonijiet għal pagament taħt ir-Regolament (UE) 2021/1060;

(d)

it-tieni fażi tal-proġett tikkonforma mal-liġi applikabbli u hija eliġibbli għal appoġġ mill-Fond taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2021/1060;

(e)

l-Istat Membru jimpenja ruħu li jlesti l-proġett, jirrendih operazzjonali u jirrapportah fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni ppreżentat sal-15 ta’ Frar 2024.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandhom japplikaw għat-tieni fażi tal-proġett, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Dan il-paragrafu għandu japplika biss għal proġetti li ntgħażlu taħt ġestjoni kondiviża skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Lulju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 189.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-14 ta’ Ġunju 2021 (ĠU C 268, 6.7.2021, p. 1). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ara paġna 48 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali (ĠU L 234, 2.7.2021, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 (ĠU L 156, 5.5.2021, p. 21).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

(13)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(14)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(21)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(22)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(23)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

(25)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(26)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).

(27)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/902/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tistabbilixxi Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI (ĠU L 321, 8.12.2009, p. 44).

(28)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(29)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).


ANNESS I

KRITERJI GĦALL-ALLOKAZZJONI TA’ FINANZJAMENT GĦALL-PROGRAMMI TAL-ISTATI MEMBRI

Ir-riżorsi baġitarji msemmija fl-Artikolu 10 għandu jiġi allokat għall-programmi tal-Istati Membri kif ġej:

(1)

ammont fiss ta’ darba ta’ EUR 8 000 000 għandu jiġi allokat għal kull Stat Membru fil-bidu tal-perijodu ta’ programmazzjoni;

(2)

ir-riżorsi baġitarji li jibqa’ msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jitqassmu skont il-kriterji li ġejjin:

(a)

45 % ta’ dawk ir-riżorsi baġitarji li jibqa’ għandhom jiġu allokati fi proporzjon invers għall-prodott domestiku gross ta’ kull Stat Membru (l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist għal kull abitant);

(b)

40 % ta’ dawk ir-riżorsi baġitarji li jibqa’ għandhom jiġu allokati fi proporzjon għad-daqs tal-popolazzjoni ta’ Kull Stat Membru;

(c)

15 % ta’ dawk ir-riżorsi baġitarji li jibqa’ għandhom jiġu allokati fi proporzjon għad-daqs tat-territorju ta’ Kull Stat Membru.

L-allokazzjoni inizjali tar-riżorsi baġitarji li jibqa’ msemmija fil-punt (2) tal-ewwel paragrafu għandha tkun ibbażata fuq id-data statistika annwali prodotta mill-Kummissjoni (Eurostat) li tkopri s-sena 2019. Għall-finijiet tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, iċ-ċifri ta’ referenza għandhom ikunu bbażati fuq id-data statistika annwali prodotta mill-Kummissjoni (Eurostat) li tkopri s-sena 2023. Fejn Stat Membru ma jkunx ipprovda lill-Kummissjoni (Eurostat) bid-data għal sena partikolari, il-Kummissjoni tista’ minflok tuża l-aktar data statistika reċenti li tkun disponibbli qabel is-sena kkonċernata għal dak l-Istat Membru.


ANNESS II

MIŻURI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

1.   

Il-Fond għandu jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament billi jiffoka fuq il-miżuri ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

(a)

l-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tal-acquis tal-Unjoni dwar is-sigurtà billi jiġi appoġġat l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti, pereżempju permezz ta’ Prüm, il-PNR tal-UE u s-SIS II, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet minn mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità u ta’ evalwazzjoni bħalma huma l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ ta’ Schengen u mekkaniżmi oħra ta’ kontroll tal-kwalità u ta’ evalwazzjoni;

(b)

l-istabbiliment, l-adattament u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u dawk deċentralizzati rilevanti għas-sigurtà, inkluż l-iżgurar tal-interoperabbiltà tagħhom, u l-iżvilupp tal-għodda xierqa sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati;

(c)

żieda fl-użu attiv ta’ sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u dawk deċentralizzati rilevanti għas-sigurtà, billi jiġi żgurat li dawk is-sistemi jkunu pprovduti b’data ta’ kwalità għolja; u

(d)

appoġġ għall-miżuri nazzjonali rilevanti inkluż l-interkonnessjoni tal-bażijiet tad-data nazzjonali rilevanti għas-sigurtà u r-rabta ta’ dawk il-bażijiet tad-data mal-bażijiet tad-data tal-Unjoni, meta previst fil-bażijiet legali rilevanti, jekk rilevanti għall-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2).

2.   

Il-Fond għandu jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) billi jiffoka fuq il-miżuri ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

(a)

żieda fl-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar, inkluż, fejn ikun xieraq, operazzjonijiet li jinvolvu atturi rilevanti oħra, b’mod partikolari permezz tal-iffaċilitar u t-titjib tal-użu ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti, rondi konġunti, insegwimenti, sorveljanza diskreta u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni operazzjonali oħra fil-kuntest taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE, b’enfasi speċjali fuq operazzjonijiet transfruntiera;

(b)

titjib fil-koordinazzjoni u żieda fil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u bejn l-Istati Membri, u ma’ atturi rilevanti oħra, pereżempju permezz ta’ networks ta’ unitajiet nazzjonali speċjalizzati, networks u strutturi ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni, u ċentri tal-Unjoni; u

(c)

titjib tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell tal-Unjoni bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll fil-livell nazzjonali fost l-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru.

3.   

Il-Fond għandu jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2) billi jiffoka fuq il-miżuri ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

(a)

żieda fit-taħriġ, l-eżerċizzji u t-tagħlim reċiproku, programmi ta’ skambju speċjalizzati u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fi u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inkluż fil-livell lokali, u ma’ pajjiżi terzi u atturi rilevanti oħra;

(b)

sfruttament tas-sinerġiji billi jiġu miġbura flimkien ir-riżorsi u l-għarfien u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u atturi rilevanti oħra, inkluż is-soċjetà ċivili, permezz ta’, pereżempju, il-ħolqien ta’ ċentri konġunti ta’ eċċellenza, l-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet tar-riskju konġunti, jew ċentri ta’ appoġġ operazzjonali komuni għal operazzjonijiet immexxija b’mod konġunt;

(c)

il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ miżuri, salvagwardji, mekkaniżmi u l-aħjar prattiki għall-identifikazzjoni bikrija, il-protezzjoni u l-appoġġ għal xhieda, informaturi u vittmi tal-kriminalità u l-iżvilupp ta’ sħubiji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u atturi rilevanti oħra għal dan l-għan;

(d)

l-akkwist ta’ tagħmir rilevanti u l-istabbiliment jew l-aġġornament ta’ faċilitajiet ta’ taħriġ speċjalizzat u infrastruttura rilevanti għas-sigurtà essenzjali oħra sabiex jiżdiedu t-tħejjija, ir-reżiljenza, l-għarfien tal-pubbliku u rispons adegwat fir-rigward tat-theddid għas-sigurtà; u

(e)

il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika minn inċidenti relatati mas-sigurtà billi jiġu identifikati, ivvalutati u mneħħija l-vulnerabbiltajiet.


ANNESS III

AMBITU TAL-APPOĠĠ

Fl-ambitu tal-objettivi tiegħu, il-Fond jista’ jappoġġja, fost l-oħrajn, it-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment, l-adattament u l-manutenzjoni ta’ sistemi tal-ICT li jikkontribwixxu biex jitwettqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, taħriġ dwar l-użu ta’ dawn is-sistemi u l-ittestjar u t-titjib tal-komponenti tal-interoperabbiltà u l-kwalità tad-data ta’ dawn is-sistemi;

(b)

il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni fl-Istati Membri fil-qasam tas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti għas-sigurtà, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigurtà tad-data;

(c)

azzjonijiet operazzjonali taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE/EMPACT;

(d)

azzjonijiet li jappoġġaw rispons effettiv u koordinat għall-kriżijiet u li jgħaqqdu flimkien il-kapaċitajiet eżistenti speċifiċi għas-settur, ċentri ta’ kompetenza esperta u ċentri għall-għarfien tas-sitwazzjoni, inkluż dawk għas-saħħa, il-protezzjoni ċivili, it-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità;

(e)

azzjonijiet li jiżviluppaw metodi innovattivi jew li jużaw teknoloġiji ġodda li għandhom il-potenzjal ta’ trasferibbiltà lejn Stati Membri oħra b’mod partikolari proġetti li għandhom l-għan li jittestjaw u jivvalidaw l-eżitu ta’ proġetti ta’ riċerka dwar is-sigurtà ffinanzjati mill-Unjoni;

(f)

azzjonijiet li jtejbu r-reżiljenza fir-rigward ta’ theddid emerġenti inkluż it-traffikar permezz ta’ mezzi online, theddid ibridu, l-użu malizzjuż ta’ sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari;

(g)

l-għoti ta’ appoġġ għal networks tematiċi jew transtematiċi ta’ unitajiet nazzjonali speċjalizzati u punti ta’ kuntatt nazzjonali sabiex titjieb il-fiduċja reċiproka, l-iskambju u d-disseminazzjoni ta’ għarfien espert, informazzjoni, esperjenza u l-aħjar prattiki, il-ġabra flimkien tar-riżorsi u l-kompetenza esperta f’ċentri konġunti ta’ eċċellenza;

(h)

l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-persunal u l-esperti fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji amministrattivi rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet operazzjonali u l-analiżi tar-riskju, f’kooperazzjoni mas-CEPOL u, meta applikabbli, man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ dwar politiki ta’ prevenzjoni b’enfasi speċjali fuq id-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni;

(i)

kooperazzjoni mas-settur privat, pereżempju fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, sabiex tinbena l-fiduċja u jitjiebu l-koordinazzjoni, l-ippjanar ta’ kontinġenza u l-iskambju u t-tixrid ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki fost l-atturi pubbliċi u privati inkluż fil-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi u tal-infrastruttura kritika;

(j)

azzjonijiet li jsaħħu l-pożizzjoni tal-komunitajiet biex jiżviluppaw approċċi lokali u politiki ta’ prevenzjoni, u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku inġenerali dwar il-politiki ta’ sigurtà tal-Unjoni;

(k)

il-finanzjament ta’ tagħmir, mezzi ta’ trasport, sistemi ta’ komunikazzjoni u faċilitajiet rilevanti għas-sigurtà;

(l)

il-finanzjament tal-kost tal-persunal involut f’azzjonijiet li huma appoġġati mill-Fond jew azzjonijiet li jeħtieġu l-involviment ta’ persunal għal raġunijiet tekniċi jew relatati mas-sigurtà.


ANNESS IV

AZZJONIJIET IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 12(3) U L-ARTIKOLU 13(10)

(1)   

Proġetti li għandhom l-għan li jipprevjenu u jiġġieldu r-radikalizzazzjoni

(2)   

Proġetti li għandhom l-għan li jtejbu l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u s-sistemi tal-ICT nazzjonali, sa fejn ikun previst mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi tal-Istati Membri

(3)   

Proġetti li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra t-theddid l-aktar sinifikanti mill-kriminalità serja u organizzata, fil-qafas tal-azzjonijiet operazzjonali taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE/EMPACT

(4)   

Proġetti li għandhom l-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità, b’mod partikolari l-isfruttament sesswali tat-tfal online, u reati fejn l-Internet ikun il-pjattaforma ewlenija għall-ġbir tal-evidenza

(5)   

Proġetti li għandhom l-għan li jittejbu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika


ANNESS V

INDIKATURI EWLENIN TAL-PRESTAZZJONI KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 27(1)

Objettiv speċifiku stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2)

1.

L-għadd ta’ sistemi tal-ICT li saru interoperabbli fl-Istati Membri/ma’sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u deċentralizzati rilevanti għas-sigurtà/ma’ bażijiet tad-data internazzjonali

2.

L-għadd ta’ unitajiet amministrattivi li jkunu stabbilew mekkaniżmi/proċeduri/għodod/gwida ġodda għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ Stati Membri oħra/korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni/pajjiżi terzi/organizzazzjonijiet internazzjonali

3.

L-għadd ta’ parteċipanti li jqisu l-attività ta’ taħriġ utli għax-xogħol tagħhom

4.

L-għadd ta’ parteċipanti li tliet xhur wara l-attività ta’ taħriġ jirrapportaw li qed jużaw il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul dik l-attività ta’ taħriġ

Objettiv speċifiku stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2)

5.

Il-valur stmat tal-assi ffriżati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transfruntiera

6.

Kwantità ta’ droga illeċita sekwestrata fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transfruntiera, skont it-tip ta’ prodott (1)

7.

Il-kwantità ta’ armi sekwestrati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transfruntiera skont it-tip ta’ arma (2)

8.

L-għadd ta’ unitajiet amministrattivi li jkunu żviluppaw/adattaw mekkaniżmi/proċeduri/għodod/gwida eżistenti għall-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra/korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni/organizzazzjonijiet internazzjonali

9.

L-għadd ta’ persunal involut f’operazzjonijiet transfruntiera

10.

L-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet b’rabta mal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen indirizzati

Objettiv speċifiku stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2)

11.

L-għadd ta’ inizjattivi żviluppati/estiżi biex tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni

12.

L-għadd ta’ inizjattivi żviluppati/estiżi biex jiġu protetti/appoġġati x-xhieda u l-informaturi

13.

L-għadd ta’ infrastruttura kritika/spazji pubbliċi b’faċilitajiet ġodda/adattati li jipproteġu mir-riskji relatati mas-sigurtà

14.

L-għadd ta’ parteċipanti li jqisu l-attività ta’ taħriġ utli għax-xogħol tagħhom

15.

L-għadd ta’ parteċipanti li tliet xhur wara l-attività ta’ taħriġ jirrapportaw li qed jużaw il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul dik l-attività ta’ taħriġ

(1)  Kategoriji tat-tipi ta’ droga (fuq il-bażi tal-kategoriji użati fir-rapporti dwar drogi illeċiti: Rapport tal-UE dwar is-Swieq tad-Drogi, ir-Rapport Ewropew dwar id-Drogi kif ukoll il-Bullettin Statistiku tal-EMCDDA):

kannabis;

opjojdi, inkluż l-eroina;

kokaina;

drogi sintetiċi, inkluż stimulanti tat-tip amfetamina (inkluż l-amfetamina u l-metamfetamina) u MDMA;

sustanzi psikoattivi ġodda;

drogi illeċiti oħra.

(2)  Kategoriji ta’ tipi ta’ armi (fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi. Il-kategoriji proposti huma simplifikati, meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fl-Anness I għad-Direttiva 91/477/KEE u f’konformità ma’ dawk fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, użati mill-awtoritajiet nazzjonali):

armi tal-gwerra: armi tan-nar awtomatiċi u armi tan-nar kbar (armi kontra t-tankijiet tal-gwerra, lanċaturi tar-rokits, kanuni tat-tip mortar, eċċ.);

armi tan-nar qosra oħrajn: rivoltelli u pistoli (fosthom armi tas-salut u akustiċi);

armi tan-nar twal oħrajn: azzarini u snieter (fosthom armi tas-salut u akustiċi).


ANNESS VI

TIPI TA’ INTERVENT

TABELLA 1: KODIĊIJIET GĦAD-DIMENSJONI TAL-QASAM TAL-INTERVENT

001.

TER-Ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

002.

TER-Prevenzjoni u ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni

003.

TER-Protezzjoni u reżiljenza tal-ispazji pubbliċi u miri faċli oħra

004.

TER-Protezzjoni u reżiljenza tal-infrastruttura kritika

005.

TER-Materjali Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjuattivi u Nukleari

006.

TER-Splussivi

007.

TER-Maniġġar ta’ kriżijiet

008.

TER-Oħra

009.

OC-Korruzzjoni

010.

OC-Kriminalità finanzjarja u ekonomika

011.

OC-Ħasil ta’ flus tar-rikavati mill-kriminalità

012.

OC-Droga

013.

OC-Traffikar ta’ armi tan-nar

014.

OC-Traffikar ta’ beni kulturali

015.

OC-Traffikar ta’ bnedmin

016.

OC-Faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali

017.

OC-Kriminalità ambjentali

018.

OC-Kriminalità organizzata kontra l-proprjetà

019.

OC-Oħra

020.

CC-Ċiberkriminalità - Oħra

021.

CC-Ċiberkriminalità - Prevenzjoni

022.

CC-Ċiberkriminalità - Iffaċilitar tal-investigazzjonijiet

023.

CC-Ċiberkriminalità - Assistenza għall-vittmi

024.

CC-Sfruttament Sesswali tat-Tfal - Prevenzjoni

025.

CC-Sfruttament Sesswali tat-Tfal - Iffaċilitar tal-investigazzjonijiet

026.

CC-Sfruttament Sesswali tat-Tfal - Assistenza għall-vittmi

027.

CC-Sfruttament Sesswali tat-Tfal, inkluż id-distribuzzjoni ta’ immaġni ta’ abbuż tat-tfal u pornografija tat-tfal

028.

CC-Oħra

029.

GEN-Skambju ta’ informazzjoni

030.

GEN-Kooperazzjoni tal-pulizija jew bejn l-aġenziji (id-dwana, l-uffiċjali tal-fruntieri, is-servizzi tal-intelligence)

031.

GEN-Forensika

032.

GEN-Appoġġ għall-vittmi

033.

GEN-Appoġġ operazzjonali

034.

TA-Assistenza teknika - informazzjoni u komunikazzjoni

035.

TA-Assistenza teknika - preparazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u kontroll

036.

TA-Assistenza teknika - evalwazzjoni u studju, ġbir tad-data

037.

TA-Assistenza teknika - tisħiħ tal-kapaċitajiet


TABELLA 2: KODIĊIJIET GĦAT-TIP TA’ DIMENSJONI TA’ AZZJONI

001.

Sistemi tal-ICT, l-interoperabbiltà, il-kwalità tad-data (eskluż it-tagħmir)

002.

Networks, ċentri ta’ eċċellenza, strutturi ta’ kooperazzjoni, azzjonijiet konġunti u operazzjonijiet

003.

Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti (JITs) jew operazzjonijiet konġunti oħrajn

004.

Issekondar jew stazzjonar ta’ esperti

005.

Taħriġ

006.

Skambju tal-aħjar prattiki, sessjonijiet ta’ ħidma, konferenzi, attivitajiet, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, attivitajiet ta’ komunikazzjoni

007.

Studji, proġetti pilota, valutazzjonijiet tar-riskju

008.

Tagħmir

009.

Mezzi ta’ trasport

010.

Bini, faċilitajiet

011.

Użu jew segwitu ieħor ta’ proġetti ta’ riċerka


TABELLA 3: KODIĊIJIET GĦAD-DIMENSJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

001.

Azzjonijiet koperti mill-Artikolu 12(1)

002.

Azzjonijiet speċifiċi

003.

Azzjonijiet elenkati fl-Anness IV

004.

Appoġġ operazzjonali

005.

Assistenza ta’ emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 25


TABELLA 4: KODIĊIJIET GĦAD-DIMENSJONI TA’ TEMI PARTIKOLARI

001.

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

002.

Azzjonijiet f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom

003.

Implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija

004.

L-ebda waħda minn dawn ta’ hawn fuq


ANNESS VII

INFIQ ELIĠIBBLI GĦAL APPOĠĠ OPERAZZJONALI

1.   

Fl-ambitu tal-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2), l-appoġġ operazzjonali fil-programmi tal-Istati Membri għandu jkopri:

(a)

il-manutenzjoni ta’ u servizzi ta’ assistenza għas-sistemi tal-ICT tal-UE u, fejn rilevanti, tas-sistemi tal-ICT nazzjonali rilevanti għas-sigurtà li jikkontribwixxu sabiex jitwettqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-kostijiet tal-persunal li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

2.   

Fl-ambitu tal-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2), l-appoġġ operazzjonali fil-programmi tal-Istati Membri għandu jkopri:

(a)

il-manutenzjoni tat-tagħmir tekniku jew il-mezzi tat-trasport użati għal azzjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ kriminalità serja u organizzata b’dimensjoni transfruntiera;

(b)

il-kostijiet tal-persunal li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

3.   

Fl-ambitu tal-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2), l-appoġġ operazzjonali fil-programmi tal-Istati Membri għandu jkopri:

(a)

il-manutenzjoni tat-tagħmir tekniku jew il-mezzi tat-trasport użati għal azzjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ kriminalità serja u organizzata b’dimensjoni transfruntiera;

(b)

il-kostijiet tal-persunal li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

4.   

L-infiq li jikkonċerna azzjonijiet li mhumiex eliġibbli taħt l-Artikolu 5(5) ma għandhomx ikunu koperti.


ANNESS VIII

INDIKATURI TAL-OUTPUTS U TAR-RIŻULTATI KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 27(3)

Objettiv speċifiku stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2)

Indikaturi tal-output

1.

L-għadd ta’ parteċipanti f’attivitajiet ta’ taħriġ

2.

L-għadd ta’ laqgħat tal-esperti/sessjonijiet ta’ ħidma/żjarat ta’ studju

3.

L-għadd ta’ sistemi tal-ICT stabbiliti/adattati/mantenuti

4.

L-għadd ta’ oġġetti ta’ tagħmir mixtrija

Indikaturi tar-riżultati

5.

L-għadd ta’ sistemi tal-ICT li saru interoperabbli fl-Istati Membri/ma’ sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u deċentralizzati rilevanti għas-sigurtà/ma’ bażijiet tad-data internazzjonali

6.

L-għadd ta’ unitajiet amministrattivi li jkunu stabbilew mekkaniżmi/proċeduri/għodod/gwida ġodda jew adattaw dawk eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ Stati Membri oħra/korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni/pajjiżi terzi/organizzazzjonijiet internazzjonali

7.

L-għadd ta’ parteċipanti li jqisu t-taħriġ utli għax-xogħol tagħhom

8.

L-għadd ta’ parteċipanti li tliet xhur wara l-attività ta’ taħriġ jirrapportaw li qed jużaw il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul dik l-attività ta’ taħriġ

Objettiv speċifiku stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2)

Indikaturi tal-output

1.

L-għadd ta’ operazzjonijiet transfruntiera, li jispeċifika separatament:

1.1.

l-għadd ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunta

1.2.

l-għadd ta’ azzjonijiet operazzjonali taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE/EMPACT

2.

L-għadd ta’ laqgħat tal-esperti/sessjonijiet ta’ ħidma/żjarat ta’ studju/eżerċizzji komuni

3.

L-għadd ta’ oġġetti ta’ tagħmir mixtrija

4.

L-għadd ta’ mezzi tat-trasport mixtrija għal operazzjonijiet transfruntiera

Indikaturi tar-riżultati

5.

Il-valur stmat tal-assi ffriżati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transfruntiera

6.

Kwantità tad-droga illeċita sekwestrata fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transfruntiera skont it-tip ta’ prodott (1)

7.

Il-kwantità ta’ armi sekwestrati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transfruntiera skont it-tip ta’ arma (2)

8.

L-għadd ta’ unitajiet amministrattivi li jkunu żviluppaw/adattaw mekkaniżmi/proċeduri/għodod/gwida eżistenti għall-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra/korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni/pajjiżi terzi/organizzazzjonijiet internazzjonali

9.

L-għadd ta’ persunal involut f’operazzjonijiet transfruntiera

10.

L-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet b’rabta mal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen indirizzati

Objettiv speċifiku stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2)

Indikaturi tal-output

1.

L-għadd ta’ parteċipanti f’attivitajiet ta’ taħriġ

2.

L-għadd ta’ programmi ta’ skambju/sessjonijiet ta’ ħidma/żjarat ta’ studju

3.

L-għadd ta’ oġġetti ta’ tagħmir mixtrija

4.

L-għadd ta’ mezzi tat-trasport mixtrija

5.

L-għadd ta’ prodotti ta’ infrastruttura/faċilitajiet rilevanti għas-sigurtà/għodod/mekkaniżmi mibnija/mixtrija/imtejba

6.

L-għadd ta’ proġetti għall-prevenzjoni tal-kriminalità

7.

L-għadd ta’ proġetti biex jiġu megħjuna l-vittmi tal-kriminalità

8.

L-għadd ta’ vittmi tal-kriminalità megħjuna

Indikaturi tar-riżultati

9.

L-għadd ta’ inizjattivi żviluppati/estiżi biex tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni

10.

L-għadd ta’ inizjattivi żviluppati/estiżi biex jiġu protetti/appoġġati x-xhieda u l-informaturi

11.

L-għadd ta’ infrastruttura kritika/spazji pubbliċi b’faċilitajiet ġodda/adattati li jipproteġu mir-riskji relatati mas-sigurtà

12.

L-għadd ta’ parteċipanti li jqisu l-attività ta’ taħriġ utli għax-xogħol tagħhom

13.

L-għadd ta’ parteċipanti li tliet xhur wara t-taħriġ jirrapportaw li qed jużaw il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul it-taħriġ

(1)  Kategoriji tat-tipi ta’ drogi (fuq il-bażi tal-kategoriji użati fir-rapporti dwar drogi illeċiti: Rapport tal-UE dwar is-Swieq tad-Drogi, ir-Rapport Ewropew dwar id-Drogi kif ukoll il-Bullettin Statistiku tal-EMCDDA):

kannabis;

opjojdi, inkluż l-eroina;

kokaina;

drogi sintetiċi, inklużi stimulanti tat-tip amfetamina (inkluż l-amfetamina u l-metamfetamina) u MDMA;

Sustanzi psikoattivi ġodda;

drogi illeċiti oħra.

(2)  Kategoriji ta’ tipi ta’ armi (fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi. Il-kategoriji proposti huma simplifikati, meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fl-Anness I għad-Direttiva 91/477/KEE u f’konformità ma’ dawk fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, użati mill-awtoritajiet nazzjonali):

armi tal-gwerra: armi tan-nar awtomatiċi u armi tan-nar kbar (armi kontra t-tankijiet tal-gwerra, lanċaturi tar-rokits, kanuni tat-tip mortar, eċċ.);

armi tan-nar qosra oħrajn: rivoltelli u pistoli (fosthom armi tas-salut u akustiċi);

armi tan-nar twal oħrajn: azzarini u snieter (fosthom armi tas-salut u akustiċi).


Top