EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1133

Regolament (UE) 2021/1133 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-7 ta’ Lulji 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 603/2013, (UE) 2016/794, (UE) 2018/1862, (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kondizzjonijiet għall-aċċess għal sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża

PE/45/2021/INIT

ĠU L 248, 13.7.2021, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1133/oj

13.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/1


REGOLAMENT (UE) 2021/1133 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-7 ta’ Lulji 2021

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 603/2013, (UE) 2016/794, (UE) 2018/1862, (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kondizzjonijiet għall-aċċess għal sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (e) tal-Artikolu 78(2), il-punt (d) tal-Artikolu 82(1), il-punt (a) tal-Artikolu 87(2) u l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE (3) biex isservi bħala s-soluzzjoni teknoloġika għall-iskambju ta’ data dwar il-viżi bejn l-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxa l-għan, il-funzjonalitajiet u r-responsabbiltajiet għall-VIS, kif ukoll il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-iskambju ta’ data dwar viżi għal soġġorn qasir bejn l-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat l-eżami ta’ applikazzjonijiet għal viżi għal soġġorn qasir u deċiżjonijiet relatati. Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) stabbilixxa r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi fil-VIS. L-aċċess għall-VIS mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI (6). Jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni tiġi integrata fir-Regolament (KE) Nru 767/2008, biex tkun konformi mal-qafas attwali tat-Trattat.

(2)

L-interoperabbiltà bejn ċerti -sistemi ta’ informazzjoni tal-UE ġiet stabbilita bir-Regolamenti (UE) 2019/817 (7) u (UE) 2019/818 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex dawk is-sistemi u d-data tagħhom jissupplimentaw lil xulxin bil-għan li tittejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-verifiki mal-fruntieri tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni, inkluż iż-żamma tas-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà fit-territorji tal-Istati Membri.

(3)

L-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE tippermetti li dawk is-sistemi jissupplimentaw lil xulxin sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni korretta tal-persuni, jingħata kontribut għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità, jitjiebu u jiġu armonizzati r-rekwiżiti relatati mal-kwalità tad-data tas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti tal-UE, tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni teknika u operazzjonali mill-Istati Membri tas-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti u futuri tal-UE, jissaħħu u jiġu ssimplifikati s-salvagwardji tas-sigurtà tad-data u tal-protezzjoni tad-data li jirregolaw is-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti tal-UE, jiġi ssimplifikat l-aċċess tal-infurzar tal-liġi għall-VIS, is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u l-Eurodac, u jiġu appoġġati l-finijiet tal-VIS, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), l-EES, l-ETIAS, il-Eurodac, u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ECRIS-TCN).

(4)

Il-komponenti tal-interoperabbiltà jkopru il-VIS, is-SIS, l-EES, l-ETIAS, il-Eurodac u l-ECRIS-TCN, kif ukoll id-data tal-Europol biex id-data tal-Europol tkun tista’ tiġi kkonsultata simultanjament ma’ dawk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE. Għaldaqstant huwa xieraq li dawk il-komponenti ta’ interoperabbiltà jintużaw bil-fini li jitwettqu konsultazzjonijiet awtomatizzati u meta tiġi aċċessata l-VIS għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Jenħtieġ li l-portal Ewropew tat-tfittxija (ESP) stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/818 jintuża biex ikun hemm aċċess veloċi, bla xkiel, effiċjenti, sistematiku u kkontrollat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, għad-data tal-Europol u għall-bażijiet ta’ data tal-Interpol li jkun meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom, skont id-drittijiet tal-aċċess tagħhom, u biex jiġu appoġġati l-objettivi tal-VIS.

(5)

L-ESP ser jippermetti li d-data maħżuna fil-VIS u d-data maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE l-oħra kkonċernati li jiġu kkonsultati b’mod parallel.

(6)

It-tqabbil ta’ data maħżuna fil-VIS ma’ data maħżuna f’sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data oħra jenħtieġ li jkun awtomatizzat. Jekk tqabbil bħal dan jiżvela l-eżistenza ta’ korrispondenza, magħruf bħala “hit” bejn kwalunkwe waħda mid-data personali jew kombinament tagħhom f’applikazzjoni u reġistrazzjoni, fajl jew allert f’dawk is-sistemi ta’ informazzjoni jew bażijiet ta’ data l-oħra, jew ma’ data personali fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiġi vverifikata manwalment minn operatur mill-awtorità kompetenti. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-hits imwettqa mill-awtorità kompetenti titqies għad-deċiżjoni dwar jekk tinħariġx viża għal soġġorn qasir, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza.

(7)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-mod li bih jiġu implimentati l-interoperabbiltà u l-kondizzjonijiet għall-konsultazzjoni tad-data maħżuna fis-SIS, il-Eurodac, u l-ECRIS-TCN kif ukoll tad-data tal-Europol mill-proċess awtomatizzat tal-VIS għall-fini li jiġu identifikati l-hits. Bħala riżultat, huwa neċessarju li jiġu emendati r-Regolamenti (UE) Nru 603/2013 (9), (UE) 2016/794 (10), (UE) 2018/1862 (11), (UE) 2019/816 (12) u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex il-VIS tiġi kkonnettjata mas-sistemi ta’ informazzjoni l-oħra tal-UE u mad-data tal-Europol.

(8)

Jenħtieġ li l-kondizzjonijiet li taħthom, minn naħa waħda, l-awtoritajiet tal-viża jistgħu jikkonsultaw id-data maħżuna fil-Eurodac u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet maħtura tal-VIS jistgħu jikkonsultaw id-data tal-Europol, ċerta data tas-SIS u d-data maħżuna fl-ECRIS-TCN għall-finijiet tal-VIS ikunu mħarsa minn regoli ċari u preċiżi dwar l-aċċess minn dawk l-awtoritajiet għal dik id-data, it-tip ta’ konsultazzjonijiet u kategoriji ta’ data, li kollha kemm huma jenħtieġ li jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju għat-twettiq tad-dmirijiet ta’ dawk l-awtoritajiet. Bl-istess mod, id-data maħżuna fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-VIS jenħtieġ li tkun viżibbli biss għal dawk l-Istati Membri li jkunu qed joperaw is-sistemi ta’ informazzjoni sottostanti f’konformità mal-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jalloka kompiti ġodda lill- Europol bħall-għoti ta’ opinjonijiet wara talbiet għal konsultazzjoni mill-awtoritajiet maħtura tal-VIS u mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS. Biex jiġu implimentati dawk il-kompiti, huwa għalhekk neċessarju li r-Regolament (UE) 2016/794 jiġi emendat skont dan.

(10)

Sabiex jiġi appoġġat l-objettiv tal-VIS li jiġi vvalutat jekk applikant għal viża għal perjodu qasir, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jistax ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, jenħtieġ li l-VIS tkun tista’ tivverifika jekk teżistix xi korrispondenzi bejn id-data fil-fajls ta’ applikazzjoni tal-VIS u d-data tal-ECRIS-TCN fir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (CIR) stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/818 fir-rigward ta’ liema Stati Membri għandhom fil-pussess tagħhom informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi dwar kundanni għal reat terroristiku jew kwalunkwe reat kriminali ieħor elenkat fl-Anness għar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jekk dan ir-reat ikunu punibbli b’sentenza ta’ kustodja jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin skont il-liġi nazzjonali.

(11)

Hit li tiġi indikata mill-ECRIS-TCN jenħtieġ li ma tkunx awtomatikament tfisser li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ġie kkundannat fl-Istati Membri li jiġu indikati. Jenħtieġ li l-eżistenza ta’ kundanni preċedenti tkun ikkonfermata biss abbażi ta’ informazzjoni riċevuta mir-rekords kriminali tal-Istati Membri kkonċernati.

(12)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(13)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament, sa fejn jirrigwarda s-SIS kif regolata mir-Regolament (UE) 2018/1862, jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(14)

Sa fejn jirrigwarda s-SIS kif regolata mir-Regolament (UE) 2018/1862, l-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (16). Barra minn hekk, sa fejn jirrigwarda l-Europol, il-Eurodac u l-ECRIS-TCN, f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(15)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi, sa fejn jirrigwarda s-SIS kif regolata mir-Regolament (UE) 2018/1862, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (17), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (18).

(16)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi, sa fejn jirrigwarda s-SIS kif regolat mir-Regolament (UE) 2018/1862, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (19) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (20).

(17)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi, sa fejn jirrigwarda s-SIS kif regolata mir-Regolament (UE) 2018/1862, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (21), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (22).

(18)

Sabiex dan ir-Regolament ikun adatt fil-qafas legali eżistenti, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 603/2013, (UE) 2016/794, (UE) 2018/1862, (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 603/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU VIa

AĊĊESS MILL-AWTORITAJIET TAL-VIŻA

Artikolu 22a

Aċċess għall-Eurodac mill-awtoritajiet kompetenti tal-viża

L-awtoritajiet kompetenti tal-viża għandu jkollhom aċċess għall-Eurodac biex jikkonsultaw data f’format għall-qari biss għall-finijiet biex jiġu vverifikati b’mod manwali l-hits skattati mill-konsultazzjonijiet awtomatizzati li jsiru mill-VIS skont l-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u biex jiġu eżaminati u tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal viża f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Artikolu 22b

Interoperabbiltà mal-VIS

Mid-data ta-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), il-Eurodac għandha tkun ikkonnettjata mal-portal Ewropew tat-tfittxija stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) biex ikun jista’ jsir l-ipproċessar awtomatizzat skont l-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir, viżi għal perjodu twil u permessi ta’ residenza (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60)."

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (il-Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-7 ta’ Lulji 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).”;"

(2)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 28a

Żamma ta’ rekords jew reġistrazzjonijiet għall-fini ta’ interoperabbiltà mal-VIS

Meta tiġi kkonsultata l-Eurodac kif imsemmi fl-Artikolu 22a ta’ dan ir-Regolament, għandu jinżamm rekord jew reġistrazzjoni ta’ kull operazzjoni ta’ pproċessar ta’ data mwettqa fi ħdan il-Eurodac u l-VIS f’konformità mal-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/794

Ir-Regolament (UE) 2016/794 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(q)

tipprovdi opinjoni wara talba għal konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 9e(4), l-Artikolu 9g(4) u l-Artikolu 22b(14) u (16) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*5)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir, viżi għal perjodu twil u permessi ta’ residenza (Regolament VIS)" (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).”;"

(2)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ L-aċċess mill-Eurojust, l-OLAF u, għall-finijiet tal-ETIAS biss, mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u, għall-finijiet tal-VIS biss, mill-awtoritajiet maħtura tal-VIS għal informazzjoni maħżuna mill-Europol”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1b.   Il-Europol għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tippermetti li l-awtoritajiet maħtura tal-VIS, għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, ikollhom aċċess indirett abbażi ta’ sistema ta’ hit/no hit għad-data pprovduta għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni indikata mill-Istat Membru, korp tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li tipprovdi l-informazzjoni inkwistjoni, f’konformità mal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament.

F’każ ta’ hit, il-Europol għandha tibda l-proċedura li biha l-informazzjoni li ġġenerat il-hit tkun tista’ tiġi kondiviża, f’konformità mad-deċiżjoni tal-fornitur tal-informazzjoni lill-Europol. Tali informazzjoni tista’ tiġi kondiviża biss sa fejn id-data li tiġġenera l-hit tkun neċessarja għat-twettiq mill-awtoritajiet maħtura tal-VIS tal-kompiti relatati mal-VIS.

Il-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw kif meħtieġ.”.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1862

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 18a

Żamma ta’ reġistrazzjonijiet għall-fini ta’ interoperabbiltà mal-VIS

Ir-reġistrazzjonijiet ta’ kull operazzjoni ta’ pproċessar tad-data mwettqa fi ħdan is-SIS u l-VIS skont l-Artikolu 50a ta’ dan ir-Regolament għandhom jinżammu f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6).

(*6)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir, viżi għal perjodu twil u permessi ta’ residenza (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).”;"

(2)

fl-Artikolu 44(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

verifika manwali ta’ hits skattati minn konsultazzjonijiet awtomatizzati mill-VIS u valutazzjoni ta’ jekk l-applikant għal viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jistax ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, f’konformità mal-Artikoli 9d u 9 g jew l-Artikolu 22b, tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.”;

(3)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 50a

Interoperabbiltà mal-VIS

Mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7) is-Sistema Ċentrali tas-SIS għandha tkun ikkonnettjata mal-ESP biex ikun jista’ jsir l-ipproċessar awtomatizzat skont l-Artikoli 9a u 22b tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-7 ta’ Lulji 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11).”."

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/816

Ir-Regolament (UE) 2019/816 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1 jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

il-kondizzjonijiet li taħthom id-data inkluża fl-ECRIS-TCN tista’ tintuża mill-awtoritajiet maħtura tal-VIS kif imsemmi fl-Artikolu 9d u l-Artikolu 22b(13) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8) għall-fini li jiġi vvalutat jekk applikant għal viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jistax ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna kif imsemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 2(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament.

(*8)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir, viżi għal perjodu twil u permessi ta’ residenza (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).”;"

(2)

fl-Artikolu 2 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Dan ir-Regolament jappoġġa wkoll l-objettiv tal-VIS li tivvaluta jekk l-applikant għal viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jistax ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 767/2008.”;

(3)

fl-Artikolu 3, il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet ċentrali, il-Eurojust, il-Europol u l-UPPE, u l-awtoritajiet maħtura tal-VIS kif imsemmija fl-Artikolu 9d u l-Artikolu 22b(13) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, li huma kompetenti li jaċċessaw jew jikkonsultaw l-ECRIS-TCN f’konformità ma’ dan ir-Regolament;”;

(4)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

marka li tindika, għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kien ikkundannat għal reat terroristiku jew kwalunkwe reat kriminali ieħor elenkat fl-Anness għar-Regolament (UE) 2018/1240 jekk dan ikun punibbli b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin skont il-liġi nazzjonali, inkluż il-kodiċi tal-Istat Membru tal-kundanna.”;

(b)

il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a.   Is-CIR għandu jkollu d-data msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u d-data li ġejja tal-punt (a) tal-paragrafu 1: il-kunjom (l-isem tal-familja), l-ewwel ismijiet (l-ismijiet mogħtija), id-data tat-twelid, il-post tat-twelid (il-belt u l-pajjiż), nazzjonalità jew nazzjonalitajiet, ġeneru, ismijiet preċedenti, jekk applikabbli, fejn disponibbli psewdonimi jew l-ismijiet li bihom tkun magħrufa dik il-persuna, fejn disponibbli, it-tip u n-numru tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-persuna, kif ukoll l-isem tal-awtorità emittenti.

Is-CIR jista’ jkun fih id-data msemmija fil-paragrafu 3 kif ukoll, fil-każijiet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, il-kodiċi tal-Istat Membru tal-kundanna. Il-kumplament tad-data tal-ECRIS-TCN għandha tinħażen fis-sistema ċentrali.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Fejn jiġu identifikati hits wara l-ipproċessar awtomatizzat imsemmi fl-Artikolu 27a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, il-marki u l-kodiċi tal-Istat Membru tal-kundanna kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu aċċessibbli u jkunu jistgħu jiġu kkonsultati biss mis-Sistema Ċentrali tal-VIS għall-fini tal-verifiki skont l-Artikolu 7a ta’ dan ir-Regolament flimkien mal-punt (e) tal-Artikolu 9a(4) jew il-punt (e) tal-Artikolu 22b(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-marki u l-kodiċi tal-Istat Membru tal-kundanna msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu viżibbli għal kwalunkwe awtorità oħra għajr l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-kundanna li tkun ħolqot ir-rekord immarkat.”;

(5)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   F’każ ta’ hit, is-sistema ċentrali jew is-CIR għandu jipprovdi awtomatikament lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni dwar l-Istati Membri li għandhom fil-pussess tagħhom informazzjoni dwar ir-rekord kriminali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, flimkien man-numri ta’ referenza assoċjati msemmija fl-Artikolu 5(1) u kwalunkwe informazzjoni korrispondenti dwar l-identità. Din l-informazzjoni dwar l-identità għandha tintuża biss għall-fini li tiġi vverifikata l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Ir-riżultat ta’ tiftix fis-sistema ċentrali għandu jintuża biss għall-fini li:

(a)

issir talba skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI;

(b)

issir talba kif imsemmi fl-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-Regolament; jew

(c)

jiġi vvalutat jekk l-applikant għal viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jistax ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 767/2008.”;

(6)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

Użu tas-sistema ECRIS-TCN għall-verifiki tal-VIS

1.   Mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9), l-ECRIS-TCN għandha tiġi kkonnettjata mal-ESP sabiex ikun possibbli l-ipproċessar awtomatizzat skont l-Artikoli 9a u 22b tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, biex issir konsultazzjoni tal-ECRIS-TCN u biex id-data rilevanti fil-VIS titqabbel mad-data rilevanti tal-ECRIS-TCN fis-CIR immarkata skont il-punt (c) tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti skont ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, l-awtoritajiet maħtura tal-VIS kif imsemmija fl-Artikolu 9d u l-Artikolu 22b(13) ta’ dak ir-Regolament għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw biss dik id-data tal-ECRIS-TCN fis-CIR li għalihom żdiedet marka skont il-punt (c) tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.

(*9)  Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-7 ta’ Lulji 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11).”;"

(7)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Malli jiskadi l-perijodu ta’ żamma msemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-kundanna għandha tħassar ir-rekord tad-data, inkluż kwalunkwe data tal-marki tas-swaba’, immaġnijiet tal-wiċċ jew marki kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1), mis-sistema ċentrali u mis-CIR. F’każijiet fejn id-data relatata ma’ kundanna għal reat terroristiku jew kwalunkwe reat kriminali ieħor kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) titħassar mir-reġistru kriminali nazzjonali, iżda tinżamm informazzjoni dwar kundanni oħra tal-istess persuna, il-marka msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) biss għandha titneħħa mir-rekord tad-data. Fejn ikun possibbli t-tħassir għandu jsir awtomatikament, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahar wara li jiskadi l-perijodu ta’ żamma.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, il-marki msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) għandhom jitħassru awtomatikament 25 sena wara l-ħolqien tal-marka fir-rigward tal-kundanni relatati ma’ reati terroristiċi, u 15-il sena wara l-ħolqien tal-marka fir-rigward ta’ kundanni relatati ma’ reati kriminali oħra.”;

(8)

fl-Artikolu 24, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-data mdaħħla fis-sistema ċentrali u fis-CIR għandha tkun ipproċessata biss għall-finijiet li jiġu identifikati l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni ta’ rekords kriminali dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jew biex jiġi appoġġat l-objettiv tal-VIS li tivvaluta jekk l-applikant għal viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jistax ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 767/2008. Id-data mdaħħla fis-CIR għandha wkoll tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/818 biex tiffaċilita u tassisti fl-identifikazzjoni korretta ta’ persuni rreġistrati fl-ECRIS-TCN f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”;

(9)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 31a

Żamma ta’ reġistrazzjonijiet għall-fini tal-operabbiltà mal-VIS

Għall-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7a ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi rreġistrata kull operazzjoni ta’ pproċessar ta’ data tal-ECRIS-TCN imwettqa fi ħdan is-CIR u l-VIS f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.”.

Artikolu 5

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/818

Ir-Regolament (UE) 2019/818 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4, il-punt 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(20)

‘awtoritajiet maħtura’ tfisser l-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri kif definiti fil-punt (3a) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, fil-punt (26) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u fil-punt (21) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240;”;

(2)

fl-Artikolu 18, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għall-fini tal-Artikoli 9a u 22b tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, is-CIR għandu jaħżen ukoll, separata b’mod loġiku mid-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-data msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2019/816. Id-data msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2019/816 għandha tkun aċċessibbli biss bil-mod imsemmi fl-Artikolu 5(7) ta’ dak ir-Regolament.”;

(3)

fl-Artikolu 68, jiddaħħal il-paragrafu l-ġdid li ġej:

“1a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ESP għandu jibda jopera, għall-finijiet tal-ipproċessar awtomatizzat skont l-Artikoli 9a u 22b tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 biss, mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10).”.

(*10)  Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-7 ta’ Lulji 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11).”."

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1134.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu , l-7 ta’ Lulju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 154.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019 (ĠU C 23, 21.1.2021, p. 286) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-27 ta’ Mejju 2021 (ĠU C 227, 14.6.2021, p. 20). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-7 ta’ Lulju 2021(għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ dejta tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-7 ta’ Lulji 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ara l-paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(17)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(19)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

(21)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(22)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


Top