Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0469

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/469 tat-18 ta’ Marzu 2021 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

    C/2021/1652

    ĠU L 96, 19.3.2021, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/469/oj

    19.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 96/9


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/469

    tat-18 ta’ Marzu 2021

    li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Billi,

    A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“oġġetti li jintużaw fuq il-mejda”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (3) (“ir-Regolament oriġinali”).

    (2)

    Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

    (3)

    Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 (4).

    (4)

    Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    (5)

    Il-Kummissjoni impona rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 13,1 % sa 23,4 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-produtturi esportaturi mir-RPĊ inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 kif sostitwit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

    (6)

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness I ta’ dak ir-Regolament billi tagħti lil produttur esportatur ġdid ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jipprovdi evidenza suffiċjenti lill-Kummissjoni li:

    (a)

    ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu li fuqu hija bbażata l-investigazzjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni”);

    (b)

    mhuwa relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali; kif ukoll

    (c)

    effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

    B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

    (7)

    Il-kumpanija Hunan Legend Porcelain Industry Co., Ltd. (“Hunan Legend” jew “l-applikant”), ressqu talba lill-Kummissjoni biex jingħataw trattament ta’ produttur esportatur ġdid (“NEPT”) u għalhekk huma soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li huwa 17,9 %. L-applikant qal li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

    (8)

    Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata n-NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 (“il-kriterji NEPT”), il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kriterji NEPT.

    (9)

    Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

    (10)

    Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju, billi kkonsultat diversi bażijiet ta’ data online inklużi Orbis (5) u Qichacha (6) u billi kkontroverifikat l-informazzjoni dwar il-kumpaniji mal-informazzjoni ppreżentata f’każijiet preċedenti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi kwalunkwe kumment jekk ikun hemm bżonn. Ma wasal l-ebda kumment mill-industrija tal-Unjoni.

    C.   ANALIŻI TAT-TALBA

    (11)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (‘il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali’), il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant dak iż-żmien tassew ma kienx jeżisti bħala kumpanija. L-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Hunan Legend u l-liċenzja tan-negozju tagħha jmorru lura għal Mejju 2014. Għaldaqstant, l-applikant ma setax jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (12)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma jkunx relatat ma’ ebda esportatur jew produttur li huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali, il-Kummissjoni stabbiliet li Hunan Legend mhija relatata ma’ ebda produttur esportatur Ċiniż li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping oriġinali. Skont Qichacha, l-uniku azzjonist ta’ Hunan Legend, is-Sur Liang Feiqiao, ma għandu l-ebda sjieda jew sehem ta’ xi kumpanija li tittratta l-produzzjoni, l-ipproċessar, il-bejgħ jew ix-xiri tal-prodott ikkonċernat għajr Liang Feiqiao stess. Madankollu, meta ġiet stabbilita Hunan Legend, il-parteċipazzjoni azzjonarja stabbilita kienet differenti. Sa Novembru 2016 produttur esportatur Ċiniż li jimmanifattura l-prodott ikkonċernat u soġġett għal dazju individwali ta’ 18,3 %, Hunan Hualian China Industry Co. Ltd. (“Hunan Hualian”), kellu 49 % tal-ishma ta’ Hunan Legend, filwaqt li s-Sur Liang Feiqiao kellu l-ishma li jifdal ta’ 51 %. F’Novembru 2016, Hunan Hualian ittrasferiet l-ishma kollha tagħha lis-Sur Liang Feiqiao permezz ta’ ftehim ta’ trasferiment ta’ ishma konkluż bejn iż-żewġ partijiet u li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li fuqhom seħħet il-qasma. Wara t-trasferiment, is-Sur Liang Feiqiao sar l-uniku azzjonist ta’ Hunan Legend, u l-applikant u Hunan Hualian temmew ir-relazzjoni tagħhom.

    (13)

    Hunan Legend bdiet tesporta fi tmiem l-2017 u l-esportazzjonijiet lejn l-UE mill-2019, jiġifieri wara li Hunan Hualian irtirat bħala l-azzjonista fl-2016. Barra minn hekk, id-dokumenti ewlenin tal-kumpanija li jistabbilixxu l-istruttura ta’ Hunan Legend, l-artikoli ta’ assoċjazzjoni attwali tagħha u r-reġistru tal-bejgħ tagħha ma wrewx li l-applikant kellu xi kumpaniji relatati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda relazzjoni skont id-definizzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (7). Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (14)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant esporta lejn l-Unjoni fl-2019, jiġifieri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. L-applikant ippreżenta fatturi, lista ta’ imballaġġ, polza ta’ kargu u rċevuta ta’ ordni mogħtija fl-2019 minn kumpannija fid-Danimarka. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (15)

    Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, l-applikant għandu jkun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

    D.   DIVULGAZZJONI

    (16)

    L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li skonthom tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Hunan Legend Porcelain Industry Co., Ltd. (“Hunan Legend”).

    (17)

    Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

    (18)

    Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li fih il-lista tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

    Kumpanija

    Kodiċi addizzjonali

    TARIC

    Hunan Legend Porcelain Industry Co., Ltd.

    C608

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139).

    (5)  Orbis huwa fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li jkopri aktar minn 220 miljun kumpanija madwar id-dinja. Prinċipalment jipprovdi informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.

    (6)  Qichacha hija bażi ta’ data privata, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni ta’ kreditu, u analitika ta’ kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi/professjonisti.

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). L-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (il-Kodiċi Doganali tal-UE), jistipula li żewġ persuni għandhom jitqiesu relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni li huma assoċjati fin-negozju ma’ xulxin, fis-sens li waħda tkun l-aġent waħdieni, id-distributur waħdieni jew il-konċessjonarju waħdieni, bi kwalunkwe mod deskritt, tal-persuna l-oħra, għandhom jitqiesu bħala relatati biss jekk ikunu jaqgħu fi ħdan il-kriterji msemmija fis-sentenza ta’ qabel.


    Top