EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2094

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropeagħall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19

ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2094/oj

22.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 433/23


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/2094

tal-14 ta’ Diċembru 2020

li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropeagħall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Sabiex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19, li fil-11 ta’ Marzu 2020 ġiet iddikjarata pandemija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Istati Membri adottaw ġabra ta’ miżuri bla preċedent.

(2)

Il-miżuri bla preċedent, meħuda b’rispons għas-sitwazzjoni eċċezzjonali ikkawżati mill- COVID-19, li tmur lil hinn mill-kontroll tal-Istati Membri, ikkawżaw xkiel sinifikanti għall-attività ekonomika li jirriflettu fi tnaqqis qawwi fil-prodott domestiku gross u f’impatt sinifikanti fuq l-impjiegi, il-kundizzjonijiet soċjali, il-faqar u l-inugwaljanzi. B’mod partikolari, dawn il-miżuri xekklu l-ktajjen ta’ provvista u l-produzzjoni u kkawżaw assenzi mill-post tax-xogħol. Barra minn hekk, l-għoti ta’ ħafna servizzi sar diffiċli ħafna jew impossibbli. Fl-istess ħin, id-domanda tal-konsumaturi naqset. Ħafna negozji qed jesperjenzaw nuqqas ta’ likwidità, u s-solvenza tagħhom tinsab f’riskju, filwaqt li s-swieq finanzjarji huma volatili ħafna. Setturi ewlenin bħall-ivvjaġġar u t-turiżmu huma partikularment milquta b’mod qawwi. B’mod aktar ġenerali, dawk il-miżuri diġà wasslu jew ser iwasslu biex is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ħafna negozji fl-Unjoni tmur ferm għall-agħar.

(3)

Il-kriżi kkawżata mill- COVID-19 infirxet malajr fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi. Għall-2020 hija prevista kontrazzjoni qawwija tat-tkabbir fl-Unjoni. Hemm ir-riskju li l-irkupru ser ivarja ħafna fl-Istati Membri differenti, u b’hekk ser tiżdied id-diverġenza bejn l-ekonomiji nazzjonali. L-abbiltajiet fiskali differenti tal-Istati Membri li jipprovdu appoġġ finanzjarju fejn ikun meħtieġ l-iktar għall-irkupru u d-diverġenza fil-miżuri tal-Istati Membri jipperikolaw is-suq uniku kif ukoll il-koeżjoni soċjali u territorjali.

(4)

Hija meħtieġa ġabra komprensiva ta’ miżuri għall-irkupru ekonomiku. Dik il-ġabra ta’ miżuri tirrikjedi ammonti sostanzjali ta’ investiment pubbliku u privat biex l-Unjoni taqbad sew fit-triq it-tajba lejn irkupru sostenibbli u reżiljenti, toħloq impjiegi ta’ kwalità għolja, tappoġġa l-inklużjoni soċjali u ssewwi l-ħsara immedjata kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li jiġu appoġġati l-prijoritajiet ekoloġiċi u diġitali tal-Unjoni.

(5)

Is-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-COVID-19, li tmur lil hinn mill-kontroll tal-Istati Membri, titlob approċċ koerenti u unifikat fil-livell tal-Unjoni. Sabiex l-ekonomija, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali ma jibqgħux sejrin għall-agħar u biex tingħata spinta lill-irkupru sostenibbli u reżiljenti tal-attività ekonomika, jenħtieġ li jiġi stabbilit programm eċċezzjonali u kkoordinat ta’ appoġġ ekonomiku u soċjali, fl-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li ntlaqtu b’mod partikularment qawwi.

(6)

Billi dan ir-Regolament huwa rispons eċċezzjonali għal ċirkostanzi temporanji iżda estremi, jenħtieġ li l-appoġġ skont dan ir-Regolament ikun magħmul disponibbli biss bl-iskop li jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi avversi tal-kriżi tal-COVID-19 jew il-bżonnijiet immedjati ta’ finanzjament biex jiġi evitat li l-kriżi tal-COVID-19 tfeġġ mill-ġdid.

(7)

Jenħtieġ li l-appoġġ skont l-istrument stabbilit permezz ta’ dan ir-Regolament (l-Istrument) jiffoka partikularment fuq miżuri biex jiġu restawrati s-swieq tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali kif ukoll is-sistemi tal-kura tas-saħħa, biex tingħata spinta ġdida lill-potenzjal għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni fost l-Istati Membri u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija ekoloġika u diġitali, biex jingħata appoġġ lin-negozji milqutin mill-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, partikularment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll appoġġ għall-investiment f’ attivitajiet li huma essenzjali għat-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fl-Unjoni inkluż investiment finanzjarju dirett f’intrapriżi, miżuri għar-riċerka u l-innovazzjoni b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livell tal-Unjoni biex tittejjeb it-tħejjija għal kriżijiet futuri, għat-tkomplija tal-isforzi biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima, u appoġġ għall-agrikoltura u l-iżvilupp f’żoni rurali fl-indirizzar tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19.

(8)

Sabiex ikun żgurat irkupru sostenibbli u reżiljenti fl-Unjoni kollha u biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-appoġġ ekonomiku, iridu jintużaw il-mekkaniżmi stabbiliti tal-infiq permezz tal-programmi tal-Unjoni skont il-qafas finanzjarju pluriennali. L-appoġġ fil-qafas ta’ dawn il-programmi jrid jiġi pprovdut fil-forma ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura, self, u proviżjonament għal garanziji baġitarji. Jenħtieġ li l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji tkun tirrifletti l-punt sa fejn dawk il-programmi huma kapaċi jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Istrument. Il-kontribuzzjonijiet għal dawk il-programmi taħt l-Istrument jenħtieġ li jkunu soġġetti għal konformità stretta mal-objettivi tal-Istrument, li jkunu marbuta mal-appoġġ għall-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19.

(9)

Fid-dawl tan-natura tal-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati, jenħtieġ li parti mill-ammonti disponibbli taħt l-Istrument tintuża għal self lill-Istati Membri, filwaqt li l-parti l-oħra tal-ammonti jenħtieġ li tikkostitwixxi dħul assenjat estern għall-fini tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (ir-“Regolament Finanzjarju”) u jenħtieġ li tintuża għal appoġġ li ma jitħallasx lura, appoġġ permezz ta’ strumenti finanzjarji jew il-proviżjonament għal garanziji baġitarji u n-nefqa relatata mill-Unjoni. Għal dak il-għan, bħala parti mill-miżuri meħtieġa skont dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju jkun jista’ jinkludi li tiġi assenjata skont dan ir-Regolament, bħala att bażiku, parti mid-dħul previst taħt l-għoti eċċezzjonali u temporanju tal-awtorizzazzjoni prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (2) (“id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji”).

(10)

Filwaqt li l-punt (c) tal-Artikolu 12(4) u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Finanzjarju japplikaw għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament magħmula disponibbli b’rabta mad-dħul assenjat estern skont dan ir-Regolament, fid-dawl tal-limiti ta’ żmien stabbiliti għat-tipi differenti ta’ appoġġ, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jirriżultaw minn dak id-dħul assenjat estern jenħtieġ li ma jiġux awtomatikament trasferiti lil hinn mid-dati finali rispettivi, ħlief għal approprjazzjonijiet ta’ impenn meħtieġa għall-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Istrument.

(11)

Jenħtieġ li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-appoġġ li ma jitħallasx lura jkunu magħmula disponibbli awtomatikament sal-ammont awtorizzat. Jenħtieġ li l-likwidità tiġi ġestita b’mod effettiv, biex il-fondi jinġabru biss meta jkun meħtieġ li l-impenji legali jiġu onorati permezz ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament korrispondenti.

(12)

Minħabba l-importanza li l-ammonti jintużaw fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-Istrument, ikun xieraq li jiġi rieżaminat il-progress li jkun inkiseb fl-implimentazzjoni tal-Istrument u l-użu tal-appoġġ allokat f’konformità ma’ dan ir-Regolament. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li -Kummissjoni tħejji rapport sal-31 ta’ Ottubru 2022.

(13)

L-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (il-Ftehim dwar il-Ħruġ) jipprevedi li l-emendi tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom li jiġu adottati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim dwar il-Ħruġ jew warajha ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit sa fejn dawk l-emendi jkollhom impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. L-appoġġ skont dan ir-Regolament u ż-żieda korrispondenti tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji tal-Unjoni jkollhom impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. L-Artikolu 143(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jillimita r-responsabbiltà tar-Renju Unit għas-sehem tiegħu tal-obbligazzjonijiet finanzjarji kontinġenti tal-Unjoni għal dawk l-obbligazzjonijiet finanzjarji kontinġenti tal-Unjoni li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji li l-Unjoni tkun ħadet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Kull obbligazzjoni finanzjarja kontinġenti tal-Unjoni li tirriżulta mill-appoġġ skont dan ir-Regolament tkun sussegwenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għar-Renju Unit u fih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Sabiex jiġi appoġġat l-irkupru wara l-kriżi tal--COVID-19, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (“l-Istrument”).

2.   L-appoġġ skont l-istrument għandu b’mod partikolari jiffinanzja l-miżuri li ġejjin biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi avversi tal-kriżi tal-COVID-19 jew il-ħtiġijiet immedjati ta’ finanzjament biex tiġi evitata li terġa’ tfeġġ dik il-kriżi:

(a)

miżuri biex jiġu restawrati l-impjiegi u l-ħolqien tal-impjiegi;

(b)

miżuri fil-forma ta’ riformi u investimenti li jagħtu spinta ġdida lill-potenzjal għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni fost l-Istati Membri u tiżdied ir-reżiljenza tagħhom;

(c)

miżuri għal negozji milqutin mill-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari miżuri li minnhom jibbenefikaw intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll appoġġ għal investiment f’attivitajiet li huma essenzjali għat-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fl-Unjoni inkluż investiment finanzjarju dirett f’intrapriżi;

(d)

miżuri għar-riċerka u l-innovazzjoni b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19;

(e)

miżuri biex jiżdied il-livell ta’ tħejjija tal-Unjoni għal kriżijiet u biex ikun possibbli rispons rapidu u effettiv tal-Unjoni f’każ ta’ emerġenzi kbar, inkluż miżuri bħall-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ provvisti u tagħmir mediku essenzjali u l-akkwist tal-infrastrutturi meħtieġa għar-rispons rapidu għall-kriżijiet;

(f)

miżuri biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima ma tiġix ipperikolata mill-kriżi tal-COVID-19;

(g)

miżuri li jindirizzaw l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

3.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu skont programmi speċifiċi tal-Unjoni u f’konformità mal-atti rilevanti tal-Unjoni li jistabbilixxu r-regoli għal dawk il-programmi filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ l-objettivi tal-Istrument. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 2

Finanzjament tal-Istrument u allokazzjoni tal-fondi

1.   L-Istrument għandu jiġi ffinanzjat sa ammont ta’ EUR 750 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

Għall-finijiet ta’ implimentazzjoni skont il-programmi speċifiċi tal-Unjoni, l-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi aġġustat abbażi ta’ deflatur fiss ta’ 2 % kull sena. Għal approprjazzjonijiet ta’ impenn dak id-deflatur għandu japplika għall-pagamenti akkont annwali.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat kif ġej:

(a)

appoġġ sa EUR 384 400 miljun fi prezzijiet tal-2018 fil-forma ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura u appoġġ li jitħallas lura permezz ta’ strumenti finanzjarji għandu jiġi allokat kif ġej:

(i)

sa EUR 47 500 miljun fi prezzijiet tal-2018 għal programmi strutturali u ta’ koeżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 kif imsaħħaħ sal-2022, inkluż appoġġ permezz ta’ strumenti finanzjarji;

(ii)

sa EUR 312 500 miljun fi prezzijiet tal-2018 għal programm li jiffinanzja l-irkupru u r-reżiljenza ekonomika u soċjali permezz ta’ appoġġ għal riformi u għall-investimenti;

(iii)

sa EUR 1 900 miljun fi prezzijiet tal-2018 għal programmi relatati mal-protezzjoni ċivili;

(iv)

sa EUR 5 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 għal programmi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż appoġġ permezz ta’ strumenti finanzjarji;

(v)

sa EUR 10 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 għal programmi li jappoġġaw lit-territorji fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima;

(vi)

sa EUR 7 500 miljun fi prezzijiet tal-2018 għall-iżvilupp f’żoni rurali;

(b)

sa EUR 360 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 f’self lill-Istati Membri għal programm li jiffinanzja l-irkupru u r-reżiljenza ekonomika u soċjali permezz ta’ appoġġ għal riformi u għall-investimenti.

(c)

sa EUR 5 600 miljun fi prezzijiet tal-2018 għall-proviżjonament għal garanziji baġitarji u n-nefqa relatata għal programmi li jkollhom l-għan li jappoġġaw operazzjonijiet ta’ investiment fil-qasam tal-politiki interni tal-Unjoni.

Artikolu 3

Regoli għall-implimentazzjoni tal-baġit

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju, EUR 384 400 miljun fi prezzijiet tal-2018, tal-ammont msemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern għall-programmi tal-Unjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament u EUR 5 600 miljun fi prezzijiet tal-2018 ta’ dak l-ammont għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern għall-programmi tal-Unjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   EUR 360 000 miljun fi prezzijiet tal-2018, tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 2(1), għandhom jintużaw għal self lill-Istati Membri taħt il-programmi tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2).

3.   L-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jkopru l-appoġġ għall-programmi tal-Unjoni msemmija fil-punt (a) u (c) tal-Artikolu 2(2) għandhom isiru disponibbli awtomatikament sal-ammonti rispettivi msemmija f’ dawk il-punti mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji li tipprevedi l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament..

4.   L-impenji legali li jwasslu għal nefqa għal appoġġ kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2), u fejn xieraq fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2), għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni jew mill-aġenziji eżekuttivi tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2023. L-impenji legali b’ammont ta’ mill-inqas 60 % tal-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2) għandhom jittieħdu sal-31 ta’ Diċembru 2022.

5.   Id-deċiżjonijiet dwar l-għoti tas-self imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) għandhom jiġu adottati sal-31 ta’ Diċembru 2023.

6.   Il-garanziji baġitarji tal-Unjoni sa ammont li, f’konformità mar-rata ta’ proviżjonament rilevanti stipulata fl-atti bażiċi rispettivi, jikkorrispondi għall-proviżjonament għall-garanziji baġitarji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2), skont il-profili tar-riskju tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment appoġġati, għandhom jingħataw biss għall-appoġġ tal-operazzjonijiet li jkunu ġew approvati mill-kontropartijiet sal-31 ta’ Diċembru 2023. Il-ftehimiet ta’ garanziji baġitarji rispettivi għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-operazzjonijiet finanzjarji li jikkorrispondu għal mill-inqas 60 % tal-ammont ta’ dawk il-garanziji baġitarji jiġu approvati mill-kontropartijiet sal-31 ta’ Diċembru 2022. Fejn il-proviżjonament għal garanziji baġitarji jintuża għal appoġġ li ma jitħallasx lura b’rabta mal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2), l-impenji legali relatati għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

7.   Il-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-assistenza teknika u amministrattiva msemmija fl-Artikolu 1(3).

8.   L-ispejjeż mill-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Istrument, bħall-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu u ta’ evalwazzjoni, inkluż is-sistemi korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

9.   Il-pagamenti relatati mal-impenji legali li jittieħdu, id-deċiżjonijiet adottati u d-dispożizzjonijiet rigward l operazzjonijiet finanzjarji approvati f’konformità mal-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru sal-31 ta’ Diċembru 2026, bl-eċċezzjoni tal-assistenza teknika u amministrattiva msemmija fl-Artikolu 1(3) u ta’ każijiet fejn, bħala eċċezzjoni, minkejja li jkun ittieħed l-impenn legali, tkun ġiet adottata d-deċiżjoni jew tkun ġiet approvata l-operazzjoni, b’termini konformi mal-iskadenza applikabbli skont dan il-paragrafu, ikunu meħtieġa pagamenti wara l-2026 biex l-Unjoni tkun tista’ tonora l-obbligi tagħha lejn partijiet terzi, inkluż bħala riżultat ta’ sentenza definittiva kontra l-Unjoni.

Artikolu 4

Rappurtar

Sal-31 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Istrument u l-użu tal-fondi allokati f’konformità mal-Artikolu 2(2).

Artikolu 5

Applikabbiltà

1.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għar-Renju Unit u fih.

2.   Ir-referenzi għall-“Istati Membri” f’dan ir-Regolament għandhom jinftiehmu li ma jinkludux lir-Renju Unit.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (2014/335/UE, Euratom) (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).

(3)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


Top