Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1987

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1987 tal-14 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-depożitu u r-rilaxx ta’ garanziji fl-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji bbażati fuq l-ordni kronoloġika tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

ĠU L 422, 14.12.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1987/oj

14.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 422/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1987

tal-14 ta’ Lulju 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-depożitu u r-rilaxx ta’ garanziji fl-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji bbażati fuq l-ordni kronoloġika tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 186 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji u t-trattament speċjali tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Dan jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni relatati, sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni bla xkiel tal-kwoti tariffarji.

(2)

Fl-interess tas-simplifikazzjoni amministrattiva, il-kwoti tariffarji mhux użati biżżejjed għall-prodotti agrikoli huma ġestiti skont il-prinċipju ta’ “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel” f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3), li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji mfassla biex jintużaw skont l-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali.

(3)

Jenħtieġ li jiġi pprovdut li l-parteċipazzjoni f’dawk il-kwoti tariffarji tista’ tkun soġġetta għad-depożitu ta’ garanzija biex jiġi żgurat li jkun hemm konformità ma’ ċerti rekwiżiti relatati mal-ipproċessar, l-użu finali, l-istandards tal-kwalità tal-prodotti kif ukoll il-qtil u t-tismin tal-annimali. Dawk ir-rekwiżiti huma stipulati fid-dettall għal kull waħda mill-kwoti tariffarji kkonċernati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 187 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(4)

Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċedura u l-leġiżlazzjoni, huwa xieraq li r-regoli eżistenti għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji amministrati bl-applikazzjoni tal-metodu bbażat fuq il-prinċipju ta’ “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel” li jinsab f’diversi atti tal-Unjoni, jiġu sostitwiti b’att wieħed. Għaldaqstant, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/96 (4), (KE) Nru 1831/96 (5), (KE) Nru 2133/2001 (6), (KE) Nru 2094/2004 (7), (KE) Nru 937/2006 (8), (KE) Nru 437/2009 (9), (KE) Nru 438/2009 (10), (KE) Nru 933/2009 (11), (KE) Nru 1064/2009 (12), (UE) Nru 1085/ 2010 (13) u (UE) Nru 59/2011 (14) u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 (15), (UE) Nru 481/2012 (16), (UE) Nru 988/2014 (17), (UE) Nru 989/2014 (18), (UE) Nru 1233/2014 (19), (UE) 2015/2405 (20), (UE) 2017/1466 (21) u (UE) 2018/567 (22) jenħtieġ li jitħassru.

(5)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għar-regoli previsti f’dan ir-Regolament u biex jiġi ssodisfat l-obbligu li r-regoli l-ġodda jiġu nnotifikati lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ qabel l-applikazzjoni tagħhom, huwa xieraq li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita għall-perjodi tal-kwoti tariffarji li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li jissupplimentaw ir-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tad-depożitu u r-rilaxx ta’ garanziji fl-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji bbażati fuq l-ordni kronoloġika tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.

Artikolu 2

Depożitu ta’ garanzija

L-eliġibbiltà għad-dazju tal-importazzjoni mnaqqas skont kwota tariffarja bbażata fuq l-ordni kronoloġika tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tista’ tkun soġġetta għad-depożitu ta’ garanzija mal-awtoritajiet kompetenti.

L-operaturi għandhom jiddepożitaw il-garanzija fil-mument meta jissottomettu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal użu finali f’konformità mal-Artikolu 211 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), jew meta jiddepożitaw id-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija, skont il-każ.

Ir-rata tal-kambju għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 3

Rilaxx u telf tal-garanziji

1.   Il-garanzija għandha tiġi rilaxxata minnufih ladarba l-awtorità kompetenti tkun irċeviet il-prova sodisfaċenti li r-rekwiżiti marbuta ma’ dik il-garanzija huma ssodisfati.

2.   Meta r-rekwiżiti rilevanti ma jiġux issodisfati kompletament, il-garanzija għandha tiġi rilaxxata b’mod proporzjonat mal-kwantità li għaliha r-rekwiżiti jkunu ġew issodisfati. L-ammont tal-garanzija li ma jiġix rilaxxat għandu jintilef f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (24).

Artikolu 4

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 440/96, (KE) Nru 1831/96, (KE) Nru 2133/2001, (KE) Nru 2094/2004, (KE) Nru 937/2006, (KE) Nru 437/2009, (KE) Nru 438/2009, (KE) Nru 933/2009, (KE) Nru 1064/2009, (UE) Nru 1085/2010 u (UE) Nru 59/2011 u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1354/2011, (UE) Nru 481/2012, (UE) Nru 988/2014, (UE) Nru 989/2014, (UE) Nru 1233/2014, (UE) 2015/2405, (UE) 2017/1466 u (UE) 2018/567 jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, għandhom jibqgħu japplikaw għall-perjodi tal-kwoti tariffarji li jkunu għadhom ma ntemmewx f’dik id-data.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-perjodi tal-kwoti tariffarji mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/96 tal-11 ta’ Marzu 1996 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi għal xi taħlitiet ta’ żraģen tal-malt u eżamijiet tax-xgħir (ĠU L 61, 12.3.1996, p. 2).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1831/96 tat-23 ta’ Settembru 1996 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi tal-Kommunità stabbiliti taħt il-GATT għal ċerti frott u ħxejjex u frott ipproċessat u prodotti vegetali mill-1996 (ĠU L 243, 24.9.1996, p. 5).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2133/2001 tat-30 ta’ Ottubru 2001 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tat-tariffa tal-Komunità u limiti tat-tariffa fis-settur taċ-ċereali u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1897/94, (KE) Nru 306/96, (KE) Nru 1827/96, (KE) Nru 1970/96, (KE) Nru 1405/97, (KE) Nru 1406/97, (KE) Nru 2492/98, (KE) Nru 2809/98 u (KE) Nru 778/1999 (ĠU L 287, 31.10.2001, p. 12).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2094/2004 tat-8 ta’ Diċembru 2004 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja ta’ 10 000 tunnellata ta’ qamħ tal-ħafur maħdum xort’oħra tal-kodiċi NM 1104 22 98 (ĠU L 362, 9.12.2004, p. 12).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 937/2006 tat-23 ta’ Ġunju 2006 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja Komunitarja ta’ gluten tal-qamħ li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 172, 24.6.2006, p. 9).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 437/2009 tas-26 ta’ Mejju 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwota tariffarja Komunitarja għall-importazzjoni ta’ annimali bovini maskili ta’ età żgħira maħsuba għat-tismin (ĠU L 128, 27.5.2009, p. 54).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2009 tas-26 ta’ Mejju 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji Komunitarji għal barrin, baqar u erieħ, għajr dawk maħsuba għat-tbiċċir, ta’ ċerti razez alpini u tal-muntanji (ĠU L 128, 27.5.2009, p. 57).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/2009 tas-6 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 rigward il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ ċerti kwoti li jirrigwardaw l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġinaw fit-Turkija (ĠU L 263, 7.10.2009, p. 9).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1064/2009 tal-4 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi kwota tariffarja Komunitarja u mod għall-ġestjoni tagħha għall-importazzjoni tax-xgħir tal-maltu minn pajjiżi terzi (ĠU L 291, 7.11.2009, p. 14).

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1085/2010 tal-25 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi kwoti tariffarji annwali u mod għall-ġestjoni tagħhom għall-importazzjoni tal-patata ħelwa, tal-manjoka, tal-lamtu tal-manjoka u ta’ prodotti oħra rilevanti għal kodiċijiet NM 0714 90 11 u NM 0714 90 19 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1000/2010 (ĠU L 310, 26.11.2010, p. 3).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 59/2011 tal-25 ta’ Jannar 2011 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-inbejjed li joriġinaw fir-Repubblika tas-Serbja (ĠU L 22, 26.1.2011, p. 1).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 tal-20 ta’ Diċembru 2011 li jiftaħ il-kwoti tariffarji tal-Unjoni għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 36).

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 481/2012 tas-7 ta’ Ġunju 2012 li jistipula regoli għall-ġestjoni ta’ kwota tariffarja għal ċanga ta’ kwalità għolja (ĠU L 148, 8.6.2012, p. 9).

(17)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 988/2014 tat-18 ta’ Settembru 2014 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal prodotti agrikoli li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 12).

(18)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 989/2014 tad-19 ta’ Settembru 2014 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Ġeorġja (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 16).

(19)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1233/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2597/2001 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji Komunitarji għal ċerti nbejjed li joriġinaw fir-Repubblika tal-Kroazja u f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ĠU L 332, 19.11.2014, p. 11).

(20)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2405 tat-18 ta’ Diċembru 2015 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-UE għall-prodotti agrikoli li joriġinaw fl-Ukrajna (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 89).

(21)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1466 tal-11 ta’ Awwissu 2017 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tat-tariffi Komunitarji għall-inbejjed li joriġinaw mill-Kosovo (ĠU L 209, 12.8.2017, p. 8).

(22)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/567 tat-12 ta’ April 2018 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni taz-zalzett u tal-laħam tal-majjal li joriġinaw mill-Iżlanda (ĠU L 95, 13.4.2018, p. 11).

(23)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(24)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).


Top