Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0881

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/881 tal-25 ta’ Ġunju 2020 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri antidumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

    C/2020/4137

    ĠU L 203, 26.6.2020, p. 65–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/881/oj

    26.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 203/65


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/881

    tal-25 ta’ Ġunju 2020

    li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri antidumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu,

    Billi,

    A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“oġġetti li jintużaw fuq il-mejda”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (3).

    (2)

    Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

    (3)

    Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4).

    (4)

    Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    (5)

    Il-Kunsill impona rati individwali ta’ dazju antidumping li jvarjaw minn 13,1 % sa 23,4 % dwar importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

    (6)

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness I ta’ dak ir-Regolament billi tagħti lil produttur esportatur ġdid ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun jew li ma ngħatawx trattament individwali, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta dak il-produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

    (a)

    ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu li fuqu hija bbażata l-investigazzjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni”);

    (b)

    mhux relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri antidumping imposti mir-Regolament oriġinali; kif ukoll

    (c)

    effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

    B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

    (7)

    Il-grupp ta’ kumpaniji relatati Huatai Ceramics Industry Limited, Hunan, iċ-Ċina u Kerun Ceramics Manufactory Ltd. (“Huatai u Kerun” jew “l-applikant”), ressqu talba lill-Kummissjoni biex jingħataw trattament ta’ produttur esportatur ġdid (“NEPT”) u għalhekk huma soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li huwa 17,9 %. L-applikant iddikjara li jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali.

    (8)

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali (“il-kriterji NEPT”), l-ewwel nett, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kriterji NEPT.

    (9)

    Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni u evidenza ta’ appoġġ li ngħata mill-applikant.

    (10)

    Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, billi kkonsultat diversi bażijiet ta’ data online inklużi l-Orbis (5) u l-Qachacha (6) u l-kontroverifika tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji mal-informazzjoni mressqa f’każijiet preċedenti. B’mod parallel, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi kwalunkwe kumment jekk ikun hemm bżonn. Ma wasal l-ebda kumment mill-industrija tal-Unjoni.

    C.   ANALIŻI TAT-TALBA

    (11)

    Fir-rigward tal-kundizzjoi stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament oriġinali li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fih huma bbażati l-miżuri, li huwa mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (‘il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali’), il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant tassew ma esportax lejn l-UE matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Huatai ġiet stabbilita f’Settembru 2010 bħala bejjiegħ domestiku ta’ ċeramika. L-artikli ta’ assoċjazzjoni tagħha juru li ma kellhiex liċenzja ta’ esportazzjoni sa’ Marzu 2012 u ma kenitx kapaċi tipproduċi l-prodott ikkonċernat sa Diċembru 2012, li jiġi wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Kerun ġiet stabbilita f’Ottubru 2004. Ma kisbitx liċenzja biex tipproduċi l-prodott ikkonċernat sa Lulju 2018 u ma kisbitx liċenzja għall-esportazzjoni sa Mejju 2019, li t-tnejn li huma seħħu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (12)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament oriġinali li l-applikant mhuwiex relatat ma’ kwalunkwe esportatur jew produttur li huwa soġġett għall-miżuri antidumping imposti mir-Regolament oriġinali, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-applikant kien relatat ma’ wieħed mill-klijenti ewlenin tiegħu, il-kumpanija kummerċjali Malasjana Fluxline Trading SDN BHD. Madankollu, din il-kumpanija ma tinsabx fir-RPĊ u ma kinitx soġġetta għall-miżuri antidumping imposti mir-Regolament oriġinali. Ma ġew identifikati l-ebda relazzjonijiet oħra kif definiti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/2447 (7). Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (13)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament oriġinali, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant kien esporta lejn l-Unjoni fl-2019, għalhekk wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Ir-rikorrent ippreżenta fatturi, lista ta’ imballaġġ, polza ta’ kargu u rċevuta ta’ ordni mogħtija fl-2019 minn kumpannija fl-Awstrija. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (14)

    Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li għandhom jingħataw in-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali u għalhekk it-talba għandha tiġi aċċettata. Konsegwentement, l-applikant għandu jkun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

    D.   DIVULGAZZJONI

    (15)

    L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li skonthom tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju antidumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Huatai Ceramics Industry Limited, Hunan, iċ-Ċina u Kerun Ceramics Manufactory Ltd. (“Huatai u Kerun”).

    (16)

    Il-partijiet ngħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

    (17)

    Dan ir-Regolament huwa konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-lista ta’ kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 tal-12 ta’ Lulju 2019, u b’mod speċifiku għall-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198:

    Kumpanija

    Kodiċi addizzjonali

    TARIC

    “Huatai Ceramics Limited, Hunan, iċ-Ċina u Kerun Ceramics Manufactory Ltd.

    C551”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139).

    (5)  Orbis hija fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li tkopri aktar minn 220 miljun kumpanija madwar id-dinja. Hija tipprovdi prinċipalment informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.

    (6)  Qichacha hija bażi ta’ data privata, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni ta’ kreditu, u analitika ta’ kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi/professjonisti.

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). L-Artikolu 127 jistipula li żewġ persuni għandhom jitqiesu relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni li huma assoċjati fin-negozju ma’ xulxin, fis-sens li waħda tkun l-aġent waħdieni, id-distributur waħdieni jew il-konċessjonarju waħdieni, bi kwalunkwe mod deskritt, tal-persuna l-oħra, għandhom jitqiesu bħala relatati biss jekk ikunu jaqgħu fi ħdan il-kriterji msemmija fis-sentenza ta’ qabel.


    Top