Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1509

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1509 tas-16 ta’ Ottubru 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo

ĠU L 345, 19.10.2020, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1509/oj

19.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1509

tas-16 ta’ Ottubru 2020

li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(2)

Fid-19 ta’ Awwissu 2020, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1533 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti emenda l-entrati relattivi għal żewġ persuni u tliet entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK huwa b’dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30.


ANNESS

I.   

Fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, il-Parti a) (Lista ta’ persuni msemmijin fl-Artikolu 3(1)), l-entrati għall-persuni elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

29.

Ntabo Ntaberi SHEKA

Deżinjazzjoni: Kap Kmandant, Nduma Defence of Congo, grupp Mayi Mayi Sheka.

Data tat-Twelid: 4 ta’ April 1976.

Post tat-Twelid: Walikale, Territorju ta’ Walikalele, Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Nazzjonalità: Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Indirizz: Goma, Kivu ta’ Fuq, Repubblika Demokratika tal-Kongo (fil-ħabs)

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta’ Novembru 2011.

Informazzjoni oħra: Huwa ċeda ruħu lill-MONUSCO fis-26 ta’ Lulju 2017 u minn dakinhar ġie detenut mill-awtoritajiet Kongoliżi. Il-proċess tiegħu għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u parteċipazzjoni f’moviment ta’ rvell, quddiem il-Qorti Militari f’Goma, beda f’Novembru 2018. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Ntabo Ntaberi Sheka, Kap Kmandant tal-fergħa politika tal-Mayi Mayi Sheka, huwa l-mexxej politiku tal-grupp armat Kongoliż li jimpedixxi d-diżarm, id-demobilizzazzjoni, jew l-integrazzjoni mill-ġdid tal-kumbattenti. Il-Mayi Mayi Sheka huwa grupp ta’ milizzja bbażat fil-Kongo li jopera minn bażijiet fit-territorju ta’ Walikale fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Il-grupp Mayi Mayi Sheka wettaq attakki fuq minjieri fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż it-teħid tal-kontroll tal-minjieri ta’ Bisiye u l-estorsjoni min-nies tal-lokal. Ntabo Ntaberi Sheka wettaq ukoll ksur serju tad-dritt internazzjonali maħsub biex jolqot t-tfal. Ntabo Ntaberi Sheka ppjana u ordna sensiela ta’ attakki fit-territorju ta’ Walikale mit-30 ta’ Lulju sat-2 ta’ Awwissu 2010, biex jikkastiga l-popolazzjonijiet lokali akkużati li kkollaboraw mal-forzi tal-Gvern Kongoliż. Matul l-attakki, tfal ġew stuprati u maħtufin, soġġetti għal xogħol furzat u soġġetti għal trattament krudili, inuman jew degradanti. Il-grupp ta’ milizzja Mayi Mayi Sheka wkoll jirrekluta bil-forza lis-subien u jżomm tfal fl-iskjeramenti tiegħu mill-attivitajiet ta’ reklutaġġ.

30.

Bosco TAGANDA

(psewdonimu: a) Bosco Ntaganda, b) Bosco Ntagenda, c) General Taganda, d) Lydia (Meta kien parti mill-APR), e) Terminator, f) Tango Romeo (Sinjal ta’ sejħa), g) Romeo (Sinjal ta’ sejħa), h) Major)

Indirizz: The Hague, in-Netherlands (minn Ġunju 2016).

Data tat-Twelid: Bejn l-1973 u l-1974.

Post tat-Twelid: Bigogwe, ir-Rwanda.

Nazzjonalità: Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Indirizz: The Hague, in-Netherlands.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta’ Novembru 2005.

Informazzjoni oħra: Imwieled fir-Rwanda, meta kien għadu tifel huwa mar joqgħod f’Nyamitaba, fit-territorju ta’ Masisi, f’Kivu ta’ Fuq. Inħatar bħala Brigadier Ġenerali tal-FARDC permezz ta’ Digriet Presidenzjali fil-11 ta’ Diċembru 2004, wara l-ftehimiet ta’ paċi ta’ Ituri. Kien Kap Kmandant tas-CNDP u sar il-kmandant militari tas-CNDP minn wara l-arrest ta’ Laurent Nkunda f’Jannar 2009. Minn Jannar 2009, Deputat Kmandant de facto tal-operazzjonijiet konsekuttivi kontra l-FDLR “Umoja Wetu”, “Kimia II”, u “Amani Leo” f’Kivu ta’ Fuq u t’Isfel. Daħal fir-Rwanda f’Marzu 2013, u ta ruħu volontarjament f’idejn l-uffiċjali tal-QKI f’Kigali fit-22 ta’ Marzu. Ġie ttrasferit fil-QKI f’The Hague, in-Netherlands. Fid-9 ta’ Ġunju 2014, il-QKI kkonfermat 13-il akkuża ta’ delitti tal-gwerra u ħames akkużi ta’ delitti kontra l-umanità kontrih; il-proċess beda f’Settembru 2015. Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-QKI sabitu ħati ta’ 18-il akkuża ta’ delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, li twettqu f’Ituri bejn l-2002 u l-2003. Fis-7 ta’ Novembru 2019, huwa ngħata sentenza ta’ total ta’ 30 sena ħabs. Huwa appella kemm il-kundanna kif ukoll is-sentenza tiegħu. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Bosco Taganda kien il-kmandant militari tal-UPC/L, fejn eżerċita influwenza fuq il-linji politiċi u kellu l-kmand u l-kontroll fuq l-attivitajiet tal-UPC/L, wieħed mill-gruppi armati u l-milizzji msemmijin fil-paragrafu 20 tar-Riżoluzzjoni 1493 (2003), involut fit-traffikar tal-armi, bi ksur tal-embargo fuq l-armi. Huwa nħatar Ġeneral fil-FARDC f’Diċembru 2004 imma rrifjuta li jaċċetta l-promozzjoni, u għalhekk baqa’ barra l-FARDC. Skont l-Uffiċċju tal-SRSG għat-Tfal u l-Konflitt Armat, huwa kien responsabbli għar-reklutaġġ u l-użu tat-tfal f’Ituri fl-2002 u l-2003, u kellu responsabbiltà diretta u/jew ta’ kmand f’155 każ ta’ reklutaġġ u użu tat-tfal f’Kivu ta’ Fuq mill-2002 sal-2009. Bħala Kap Kmandant tas-CNDP, kellu responsabbiltà diretta u ta’ kmand għall-massakru f’Kiwanja f’Novembru 2008.

Imwieled fir-Rwanda, meta kien għadu tifel huwa mar joqgħod f’Nyamitaba fit-territorju ta’ Masisi tal-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq. F’Ġunju 2011, kien jirrisjedi f’Goma u kien is-sid ta’ azjendi agrikoli kbar fiż-żona ta’ Ngungu, tat-territorju ta’ Masisi fil-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq. Ġie maħtur Brigadier Ġenerali tal-FARDC permezz ta’ Digriet Presidenzjali fil-11 ta’ Diċembru 2004, wara l-ftehimiet ta’ paċi ta’ Ituri. Kien Kap Kmandant tas-CNDP u mbagħad sar il-kmandant militari tas-CNDP wara li ġie arrestat Laurent Nkunda f’Jannar 2009. Minn Jannar 2009, kien Deputat Kmandant de facto tal-operazzjonijiet konsekuttivi kontra l-FDLR “Umoja Wetu”, “Kimia II”, u “Amani Leo” f’Kivu ta’ Fuq u t’Isfel. Daħal fir-Rwanda f’Marzu 2013, u ta ruħu volontarjament f’idejn l-uffiċjali tal-QKI f’Kigali fit-22 ta’ Marzu u sussegwentement ġie ttrasferit lill-QKI f’The Hague, in-Netherlands. Fid-9 ta’ Ġunju 2014, il-QKI kkonfermat 13-il akkuża ta’ delitti tal-gwerra u ħames akkużi ta’ delitti kontra l-umanità kontrih. Il-proċess beda f’Settembru 2015.

II.   

Fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, il-Parti b) (Lista ta’ entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 3(1)), l-entrati għall-entitajiet elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

1.

ADF (FORZI DEMOKRATIĊI ALLEATI)

(Psewdonimu: a) Forces Démocratiques Alliées-Armée Nationale de Libération de l’Ouganda; b) ADF/NALU; c) NALU)

Indirizz: Provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 30 ta’ Ġunju 2014.

Informazzjoni Oħra: Il-fundatur u mexxej tal-ADF, Jamil Mukulu, ġie arrestat f’Dar es Salaam, it-Tanzanija, f’April 2015. Sussegwentement ġie estradit lejn Kampala, l-Uganda f’Lulju 2015. Minn Ġunju 2016, ġie rrappurtat li Mukulu kien qed jinżamm f’ċella ta’ detenzjoni tal-pulizija waqt li kien qed jistenna l-proċess tiegħu. Seka Baluku ħa l-kariga ta’ mexxej ġenerali tal-ADF wara Jamil Mukulu. Kif enfasizzat f’diversi rapporti mill-Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar ir-RDK (S/2015/19, S/2015/797, S/2016/1102, S/2017/672, S/2018/531, S/2019/469, S/2019/974, S/2020/482), l-ADF, inkluż taħt it-tmexxija ta’ Seka Baluku, komplew iwettqu atti ripetuti ta’ mmirar, qtil u mankament, stupru u vjolenza sesswali oħra, ħtif ta’ persuni ċivili, inkluż tfal, kif ukoll attakki fuq irħula u faċilitajiet tas-saħħa, b’mod partikolari f’Mamove, fit-territorju ta’ Beni, fit-12 u l-24 ta’ Frar 2019, u f’Mantumbi, fit-territorju ta’ Beni, fil-5 ta’ Diċembru 2019 u t-30 ta’ Jannar 2020, kif ukoll ir-reklutaġġ u l-użu kontinwi tat-tfal matul l-attakki u għal xogħol furzat fit-territorju ta’ Beni fir-RDK sa mill-inqas l-2015. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Entities

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Il-Forzi Demokratiċi Alleati (“ADF”) inħolqu fl-1995 u jinsabu fiż-żona muntanjuża tal-fruntiera bejn ir-RDK u l-Uganda. Skont ir-rapport finali tal-2013 tal-Grupp ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (“GoE”), li jikkwota uffiċjali tal-Uganda u sorsi tan-NU, fl-2013 l-ADF kellhom saħħa stmata ta’ bejn 1 200 u 1 500 ġellied armat li jinsabu fil-Grigal tat-Territorju ta’ Beni tal-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq, qrib il-fruntiera mal-Uganda. Skont stimi tal-istess sorsi, is-sħubija totali tal-ADF — inkluż in-nisa u t-tfal — hija ta’ bejn 1 600 u 2 500. Minħabba l-operazzjonijiet militari offensivi mill-Forzi Armati Kongoliżi (FARDC) u l-Missjoni tal-Organizzazzjoni għall-Istabbilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUSCO) li saru fl-2013 u fl-2014, l-ADF ferrxu l-ġellieda tagħhom f’bosta bażijiet iżgħar, u ċaqalqu lin-nisa u t-tfal għal żoni fil-Punent ta’ Beni, u mal-fruntiera bejn Ituri u Kivu ta’ Fuq. Il-kmandant militari tal-ADF huwa Hood Lukwago u l-kap suprem tiegħu huwa l-individwu li ġie milqut mis-sanzjonijiet Jamil Mukulu.

L-ADF wettqu ksur serju tad-dritt internazzjonali u l-UNSCR 2078 (2012), inkluż kif imniżżel fid-dettall hawn taħt.

L-ADF irreklutaw u użaw suldati tfal bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli (il-paragrafu 4(d) tal-UNSCR).

Ir-rapport finali tal-2013 tal-GoE ddikjara li l-GoE għamel intervista lil tliet eks ġellieda tal-ADF li kienu ħarbu matul l-2013 u li ddeskrivew kif dawk li jirreklutaw mill-ADF fl-Uganda jattiraw lin-nies lejn ir-RDK b’wegħdiet foloz ta’ impjieg (għall-adulti) u edukazzjoni b’xejn (għat-tfal) u mbagħad iġiegħluhom jingħaqdu mal-ADF. Ukoll skont ir-rapport tal-GoE, eks ġellieda tal-ADF qalu lill-GoE li l-gruppi ta’ taħriġ tal-ADF tipikament jinkludu rġiel adulti u subien u żewġ subien li ħarbu mill-ADF fl-2013 qalu lill-GoE li huma kienu rċevew taħriġ militari mill-ADF. Ir-rapport tal-GoE jinkludi wkoll rakkont tat-taħriġ tal-ADF minn “eks suldat tifel tal-ADF”.

Skont ir-rapport finali tal-2012 tal-GoE, ir-rekluti tal-ADF jinkludu tfal, kif intwera mill-każ tal-persuna li tirrekluta tal-ADF li nqabad mill-awtoritajiet tal-Uganda f’Kasese ma’ sitt subien fi triqtu lejn ir-RDK f’Lulju 2012.

Eżempju speċifiku tar-reklutaġġ tal-ADF u l-użu tat-tfal jidher f’ittra tas-6 ta’ Jannar 2009 mill-Eks-Direttur tal-Afrika tal-Human Rights Watch, Georgette Gagnon, lill-Eks-Ministru għall-Ġustizzja tal-Uganda, Kiddhu Makubuyu, li tgħid li tifel bl-isem ta’ Bushobozi Irumba ġie maħtuf fl-età ta’ disa’ snin mill-ADF fl-2000. Huwa kellu jipprovdi trasport u servizzi oħra lil ġellieda tal-ADF.

Barra minn hekk, “The Africa Report” ikkwota allegazzjonijiet li l-ADF allegatament qed jirreklutaw tfal mill-età żgħira ta’ għaxar snin bħala suldati tfal u kelliem tal-Uganda People’s Defence Force (UPDF) ġie kkwotat li ddikjara li l-UPDF salva 30 tifel minn kamp ta’ taħriġ fuq il-Gżira ta’ Buvuma fil-Lag Victoria.

L-ADF wettqu wkoll għadd kbir ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali kontra nisa u tfal, inkluż qtil, mankamenti u vjolenza sesswali (il-paragrafu 4(e) tal-UNSCR).

Skont ir-rapport finali tal-2013 tal-GoE, fl-2013 l-ADF attakkaw għadd kbir ta’ rħula, li wassal biex aktar minn 66 000 persuna ħarbu lejn l-Uganda. Dawn l-attakki naqqsu l-popolazzjoni ta’ żona kbira, li minn dak iż-żmien l-ADF qed jikkontrollaw billi jaħtfu jew joqtlu persuni li jirritornaw fl-irħula tagħhom. Bejn Lulju u Settembru 2013, l-ADF qatgħu ras mill-inqas ħames persuni fiż-żona ta’ Kamango, sparaw lil bosta oħrajn, u ssekwestraw għexieren oħra. Dawn l-azzjonijiet itterrorizzaw lill-popolazzjoni lokali u żammu lin-nies lura milli jirritornaw lejn darhom.

Il-Global Horizontal Note, mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u rappurtar ta’ ksur serju kontra t-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat irrapporta lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati (CAAC) li matul il-perijodu ta’ rappurtar minn Ottubru sa Diċembru 2013, l-ADF kienu responsabbli għal 14 mit-18-il persuna minorenni maqtula ddokumentati, inkluż f’inċident fil-11 ta’ Diċembru 2013, fit-territorju Beni, Kivu ta’ Fuq, meta l-ADF attakkaw il-villaġġ ta’ Musuku, fejn qatlu 23 persuna, inkluż 11-il tifel u tifla (tlett ibniet u tmien subien), ta’ età bejn xahrejn u 17-il sena. Il-vittmi kollha kienu ġew mutilati b’mod sever bil-machetes, inkluż żewġt itfal li ssalvaw mill-attakk.

Ir-Rapport ta’ Marzu 2014 tas-Segretarju Ġenerali dwar Vjolenza Sesswali Relatata ma’ Konflitt jidentifika lill-“Allied Democratic Forces — National Army for the Liberation of Uganda” fuq il-lista tiegħu ta’ “Partijiet issuspettati b’mod kredibbli li wettqu jew li kienu responsabbli għal stupru jew forom oħra ta’ vjolenza sesswali f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat.”

L-ADF ipparteċipaw ukoll f’attakki kontra forzi taż-żamma tal-paċi tal-MONUSCO (il-paragrafu 4(i) tal-UNSCR).

Fl-aħħar nett, il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) irrappurtat li l-ADF wettqu mill-inqas żewġ attakki fuq il-forzi taż-żamma tal-paċi tal-MONUSCO. L-ewwel wieħed, fl-14 ta’ Lulju 2013, kien attakk fuq pattulja tal-MONUSCO fit-triq bejn Mbau u Kamango. Dettalji dwar dan l-attakk jinsabu fir-rapport finali tal-2013 tal-GoE. It-tieni attakk seħħ fit-3 ta’ Marzu 2014. Vettura tal-MONUSCO ġiet attakkata bil-granati għaxar kilometri mill-ajruport Mavivi f’Beni, li wassal biex ħames membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi ndarbu.

Il-fundatur u mexxej tal-ADF, Jamil Mukulu, ġie arrestat f’Dar es Salaam, it-Tanzanija, f’April 2015. Sussegwentement ġie estradit lejn Kampala, l-Uganda f’Lulju 2015. Minn Ġunju 2016, qed jinżamm f’ċella ta’ detenzjoni tal-pulizija waqt li jistenna l-proċess tiegħu.

7.

MACHANGA LTD

Indirizz: Plot 55A, Upper Kololo Terrace, Kampala, Uganda.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 29 ta’ Marzu 2007.

Informazzjoni oħra: Kumpannija li tesporta d-deheb (Diretturi: is-Sur Rajendra Kumar Vaya u s-Sur Hirendra M. Vaya). Fl-2010, assi li jappartjenu għal Machanga, miżmuma fil-kont tal-Emirates Gold, ġew iffriżati mill-Bank of Nova Scotia Mocatta (UK). Il-proprjetarji ta’ Machanga baqgħu involuti fix-xiri ta’ deheb mil-Lvant tar-RDK. L-aħħar rendikont annwali li Machanga Ltd ippreżentat kien fl-2004 u din ġiet elenkata bħala “status inattiv” skont l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Uganda. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Entities

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Machanga xtrat id-deheb permezz ta’ relazzjoni kummerċjali regolari ma’ kummerċjanti fir-RDK b’rabtiet mill-qrib mal-milizzji. Dan jikkostitwixxi “l-għoti ta’ għajnuna” lil gruppi armati illegali bi ksur tal-embargo fuq l-armi tar-Riżoluzzjonijiet 1493 (2003) u 1596 (2005). Kumpannija li tesporta d-deheb (Diretturi: is-Sur Rajendra Kumar Vaya u s-Sur Hirendra M. Vaya). Fl-2010, assi li jappartjenu għal Machanga, miżmuma fil-kont tal-Emirates Gold, ġew iffriżati mill-Bank of Nova Scotia Mocatta (UK). Il-proprjetarju preċedenti ta’ Machanga, Rajendra Kumar, u ħuh Vipul Kumar, baqgħu involuti fix-xiri ta’ deheb mil-Lvant tar-RDK.

9.

UGANDA COMMERCIAL IMPEX (UCI) LTD

Indirizz: a) Plot 22, Kanjokya Street, Kamwokya, Kampala, Uganda (Tel.: +256 41 533 578/9), b) PO BOX 22 709, Kampala, Uganda.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 29 ta’ Marzu 2007.

Informazzjoni oħra: Kumpannija li tesporta d-deheb. (Diretturi s-Sur Jamnadas V. LODHIA — magħruf bħala “Chuni” — u t-tfal tiegħu s-Sur Kunal J. LODHIA u Jitendra J. LODHIA). F’Jannar 2011, l-awtoritajiet tal-Uganda nnotifikaw lill-Kumitat li wara eżenzjoni fuq il-holdings finanzjarji tagħha, l-Emirates Gold ħallset lura d-dejn tal-UCI lil Crane Bank f’Kampala, li wassal biex il-kontijiet tagħha ngħalqu. Id-diretturi ta’ UCI baqgħu involuti fix-xiri ta’ deheb mil-Lvant tar-RDK. L-aħħar rendikont annwali li Uganda Commercial Impex (UCI) Ltd ippreżentat kien fl-2013 u din ġiet elenkata bħala “Inattiva — status inattiv” mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Uganda. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Entities

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

UCI xtrat id-deheb permezz ta’ relazzjoni kummerċjali regolari ma’ kummerċjanti fir-RDK b’rabtiet mill-qrib mal-milizzji. Dan jikkostitwixxi “l-għoti ta’ għajnuna” lil gruppi armati illegali bi ksur tal-embargo fuq l-armi tar-Riżoluzzjonijiet 1493 (2003) u 1596 (2005). Kumpannija li tesporta d-deheb. (Eks diretturi s-Sur J.V. LODHIA — magħruf bħala “Chuni” — u ibnu s-Sur Kunal LODHIA). F’Jannar 2011, l-awtoritajiet tal-Uganda nnotifikaw lill-Kumitat li wara eżenzjoni fuq il-holdings finanzjarji tagħha, l-Emirates Gold ħallset lura d-dejn tal-UCI lil Crane Bank f’Kampala, li wassal biex il-kontijiet tagħha ngħalqu. Il-proprjetarju preċedenti ta’ UCI, J.V. Lodhia u ibnu Kumal Lodhia, baqgħu involuti fix-xiri ta’ deheb mil-Lvant tar-RDK.


Top