Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1133

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1133 tat-30 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

    ST/9294/2020/INIT

    ĠU L 247, 31.7.2020, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1133/oj

    31.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 247/22


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1133

    tat-30 ta’ Lulju 2020

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fid-19 ta’ April 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 (1), li stabbiliet Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) b’mandat sa 24 xahar wara li l-Missjoni tkun laħqet Kapaċità Operattiva Sħiħa, jiġifieri sad-19 ta’ Settembru 2018, u ammont ta’ referenza finanzjarja li jkopri dak il-perijodu.

    (2)

    Fit-30 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1082 (2), li estendiet il-mandat tal-EUTM RCA sad-19 ta’ Settembru 2020.

    (3)

    Fit-28 ta’ Mejju 2020, abbażi ta’ Rieżami Strateġiku tal-Missjoni, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li l-mandat tal-EUTM RCA jiġi estiż b’sentejn oħra.

    (4)

    L-EUTM RCA jenħtieġ li tikkoordina mal-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA), ladarba l-EUAM RCA titnieda, u ma’ atturi internazzjonali oħra, b’mod partikolari l-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MINUSCA), bil-ħsieb li jiġi żgurat l-għoti ta’ appoġġ integrat koerenti lill-Gvern u lill-forzi tas-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.

    (5)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 tiġi emendata skont dan.

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u lanqas ma hi marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, u ma tieħux sehem fil-finanzjament tal-EUTM RCA,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    pariri strateġiċi lill-kabinett tal-President, il-Ministeru tad-Difiża, il-Persunal Militari u l-forzi armati, inkluż dwar kooperazzjoni ċivili-militari;”;

    (ii)

    il-punt (d) jitħassar;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-EUTM RCA għandha tikkoordina mal-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) u ma’ atturi internazzjonali oħra, b’mod partikolari l-MINUSCA, bil-ħsieb li jiġi żgurat l-għoti ta’ appoġġ integrat koerenti lill-Gvern u lill-forzi tas-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.”;

    (2)

    fl-Artikolu 7, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-arranġamenti ta’ koordinazzjoni bejn il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE, l-atturi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-EUAM RCA, u s-sħab strateġiċi lokali ewlenin rilevanti għall-operazzjoni għandhom jiġu definiti fil-Pjan tal-Missjoni.”;

    (3)

    fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM RCA għall-perijodu mill-20 ta’ Settembru 2020 sad-19 ta’ Settembru 2022 għandu jkun ta’ EUR 36 960 000. Il-perċentwal ta’ dan l-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta’ 0 % u l-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 34(3) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 10 % għall-impenji u 0 % għall-ħlasijiet.”;

    (4)

    fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-EUTM RCA għandha tintemm fid-19 ta’ Settembru 2022.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta’ April 2016 dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)(ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1082 tat-30 ta’ Lulju 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar missjoni ta’ taħriġ militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 194, 31.7.2018, p. 140).


    Top