EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0629

Regolament (UE, Euratom) 2019/629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

PE/1/2019/REV/1

ĠU L 111, 25.4.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/629/oj

25.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/1


REGOLAMENT (UE, Euratom) 2019/629 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 256(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet, flimkien mal-Qorti Ġenerali, rieżami ġenerali tal-kompetenza eżerċitata minnhom u qieset jekk, minħabba r-riforma tal-istruttura tal-qrati tal-Unjoni li seħħet skont dak ir-Regolament, jenħtieġx li jsiru ċerti bidliet lid-distribuzzjoni ta' kompetenza bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jew lill-mod li bih jiġu trattati l-appelli mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(2)

Kif iddikjarat fir-rapport li ppreżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-14 ta' Diċembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemm ebda ħtieġa, f'dan l-istadju, li jiġu proposti bidliet fir-rigward tal-mod li bih jiġu ttrattati r-rinviji għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jikkostitwixxu l-element fundamentali tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u jiġu ttrattati bla dewmien u konsegwentement bħalissa mhuwiex meħtieġ trasferiment lill-Qorti Ġenerali ta' kompetenza li tisma' u tiddetermina rinviji għal deċiżjoni preliminari, f'oqsma speċifiċi stipulati mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Ir-rieżami mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali madankollu kixef il-fatt li, meta tiddeċiedi dwar rikors għal annullament li jitressaq minn Stat Membru kontra att tal-Kummissjoni relatat ma' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) jew (3) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista' tiltaqa' ma' diffikultajiet serji fejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat ma jaqblux dwar l-adegwatezza tal-miżuri adottati minn dak l-Istat Membru biex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dawk ir-raġunijiet, jidher li hu meħtieġ li tiġi riżervata b'mod esklużiv għall-Qorti tal-Ġustizzja litigazzjoni dwar somma f'daqqa jew pagament ta' penali impost fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(2) jew (3) tat-TFUE.

(4)

Barra minn hekk, mir-rieżami mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali huwa ċar li ħafna appelli huma relatati ma' kawżi li jkunu diġà ġew ikkunsidrati darbtejn, inizjalment minn bord ta' appell indipendenti, imbagħad mill-Qorti Ġenerali, u li ħafna minn dawk l-appelli jiġu miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex ikunu manifestament infondati jew għar-raġuni li jkunu manifestament inammissibbli. Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tikkonċentra fuq il-kawżi li jirrikjedu l-attenzjoni sħiħa tagħha, huwa meħtieġ, fl-interessi tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li tiġi introdotta, għal appelli relatati ma' tali kawżi, proċedura li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li appell jipproċedi, kompletament jew parzjalment, biss fejn iqajjem kwistjoni li tkun sinifikanti fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni.

(5)

Fid-dawl taż-żieda kostanti fl-għadd ta' kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u f'konformità mal-ittra tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta' Lulju 2018, huwa meħtieġ, f'dan l-istadju, li tingħata prijorità lill-istabbiliment tal-proċedura msemmija hawn fuq li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk għandux jitħalla li jipproċedi appell. Il-komponent tat-talba magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Marzu 2018 relatat mat-trasferiment parzjali ta' proċeduri ta' ksur lill-Qorti Ġenerali għandu jiġi eżaminat fi stadju aktar tard, wara li jkun tfassal ir-rapport dwar il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422, f'Diċembru 2020. Huwa mfakkar li dan ir-rapport jenħtieġ li jiffoka b'mod partikolari fuq l-effiċjenza tal-Qorti Ġenerali u n-neċessità u l-effikaċja taż-żieda fl-għadd ta' mħallfin għal 56, filwaqt li jittieħed kont ukoll tal-objettiv tal-iżgurar tal-bilanċ bejn is-sessi fi ħdan il-Qorti Ġenerali kif imsemmi fil-preambolu għar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422.

(6)

Konsegwentement, huwa meħtieġ li l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiġi emendat, filwaqt li jiġi żgurat, fl-istess ħin, li t-terminoloġija tad-dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll u dik tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-TFUE jkunu allinjati bis-sħiħ, u biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali adatti fir-rigward tal-eżitu ta' kawżi li jkunu pendenti fid-data ta' meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Protokoll Nru 3 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 51 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 51

B'deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 256(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa, il-kompetenza għandha tiġi riżervata għall-Qorti tal-Ġustizzja:

(a)

ir-rikorsi, imsemmija fl-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiġu ppreżentati minn Stat Membru u li jkunu indirizzati:

(i)

kontra att leġislattiv, att tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill, jew kontra astensjoni milli tittieħed deċiżjoni minn waħda jew iktar minn dawn l-istituzzjonijiet, bl-esklużjoni:

tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tal-atti tal-Kunsill adottati skont regolament tal-Kunsill dwar miżuri li jipproteġu l-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tal-atti tal-Kunsill li permezz tagħhom il-Kunsill jeżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni konformement mal-Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(ii)

kontra att, jew astensjoni li tieħu deċiżjoni, tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(b)

ir-rikorsi, imsemmija fl-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiġu ppreżentati minn istituzzjoni tal-Unjoni kontra att leġislattiv, att tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew, jew kontra astensjoni milli tittieħed deċiżjoni minn waħda jew aktar minn dawk l-istituzzjonijiet;

(c)

ir-rikorsi, imsemmija fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiġu ppreżentati minn Stat Membru u li jkunu indirizzati kontra att tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(2), jew taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 58a

Appell li jitressaq kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta' bord ta' appell indipendenti ta' wieħed mill-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li ġejjin ma għandux jipproċedi sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ma tiddeċidix li dan ikun possibbli:

(a)

l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea;

(b)

l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti;

(c)

l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi;

(d)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Il-proċedura msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tapplika wkoll għal appelli li jitressqu kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta' bord ta' appell indipendenti, stabbilit wara l-1 ta' Mejju 2019 fi ħdan kwalunkwe uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni, li għandha tiġi invokata qabel ma azzjoni tkun tista' titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali.

Appell għandu jitħalla jipproċedi, kompletament jew parzjalment, f'konformità mar-regoli dettaljati li jinsabu fir-Regoli ta' Proċedura, fejn iqajjem kwistjoni li tkun sinifikanti fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni.

Id-deċiżjoni dwar jekk l-appell għandux jitħalla jipproċedi jew le għandha tkun motivata, u għandha tiġi ppubblikata.”

Artikolu 2

Kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont il-Protokoll Nru 3 kif emendat minn dan ir-Regolament, li għalihom tkun invokata l-Qorti Ġenerali fl-1 ta' Mejju 2019 iżda li fir-rigward tagħhom il-parti bil-miktub tal-proċedura għad trid tingħalaq f'dik id-data, għandhom jiġu assenjati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 3

Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 58a tal-Protokoll Nru 3 ma għandhiex tkun applikabbli għal appelli li għalihom tkun invokata l-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta' Mejju 2019.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  L-Opinjoni tal-11 ta' Lulju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Opinjoni tat-23 ta' Ottubru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019..

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14).


Top