This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0127
Regulation (EU) 2019/127 of the European Parliament and of the Council of 16 January 2019 establishing the European Foundation for the improvement of living and working conditions (Eurofound), and repealing Council Regulation (EEC) No 1365/75
Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75
Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75
PE/63/2018/REV/1
ĠU L 30, 31.1.2019, p. 74–89
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
31.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 30/74 |
REGOLAMENT (UE) 2019/127 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta' Jannar 2019
li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 153(2) tiegħu;
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound) ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 (3) biex tikkontribwixxi għall-ippjanar u t-twaqqif ta' kondizzjonijiet aħjar tal-ħajja u tax-xogħol permezz ta' attivitajiet maħsuba biex iżidu u jxerrdu l-għarfien. Eurofound jenħtieġ li tqis ukoll il-perspettivi fuq terminu medju u twil f'dak il-kuntest |
(2) |
Minn mindu twaqqfet fl-1975, il-Eurofound kellha rwol importanti fl-appoġġ tat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol madwar l-Unjoni. Fl-istess ħin il-kunċetti u s-sinifikat tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol evolvew taħt l-influwenza ta' żviluppi fis-soċjetà u bidliet fundamentali fis-swieq tax-xogħol. It-terminoloġija użata biex tiddeskrivi l-għanijiet u l-kompiti tal-Eurofound jenħtieġ li għalhekk tiġi adattata biex tirrifletti dawk l-iżviluppi. |
(3) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 1365/75 ġie emendat bosta drabi. Billi għandhom isiru aktar emendi, dak ir-Regolament jenħtieġ li jitħassar u jkun sostitwit fl-interess taċ-ċarezza. |
(4) |
Ir-regoli li jiggvernaw il-Eurofound, sa fejn hu possibbli u b'kunsiderazzjoni tan-natura tripartitika tagħha, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'konformità mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta' Lulju 2012. |
(5) |
Il-Eurofound tipprovdi lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali b'informazzjoni li hija speċjalizzata u li tipprovdi valur miżjud fi ħdan il-qasam ta' kompetenza tal-Eurofound. |
(6) |
Il-Eurofound jenħtieġ li tkompli twettaq stħarriġ biex tiżgura l-kontinwità tal-analiżijiet komparattivi tat-tendenzi fil-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u tal-iżviluppi tas-suq tax-xogħol fl-Unjoni. |
(7) |
Huwa importanti wkoll li l-Eurofound taħdem mill-qrib mal-korpi relatati fil-livell internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali. |
(8) |
Peress li t-tliet aġenziji tripartitiċi, jiġifieri Eurofound, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-suq tax-xogħol, l-ambjent tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet, il-koordinazzjoni mill-qrib bejniethom hija meħtieġa. F'ħidma tagħha, il-Eurofound jenħtieġ li għalhekk tikkumplementa l-ħidma tal-EU-OSHA u tas-Cedefop fejn huma għandhom oqsma ta' interess simili, filwaqt li jiffavorixxu għodod li jiffunzjonaw tajjeb, bħal memoranda ta' qbil. Il-Eurofound jenħtieġ li tisfrutta modi biex jittejbu l-effiċjenza u s-sinerġiji u, fl-attivitajiet tagħha, tevita d-duplikazzjoni ma' dawk tal-EU-OSHA u s-Cedefop u tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fejn rilevanti, il-Eurofound jenħtieġ li tikkoopera b'mod effiċjenti mal-kapaċitajiet ta' riċerka interni tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u tal-korpi esterni speċjalizzati. |
(9) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati inklużi l-membri tal-Bord tat-Tmexxija u membri tal-Parlament Ewropew matul l-evalwazzjoni tal-Eurofound. |
(10) |
In-natura tripartitika tal-Eurofound, l-EU-OSHA u s-Cedefop hija espressjoni siewja ħafna ta' approċċ komprensiv ibbażat fuq id-djalogu soċjali bejn is-sħab soċjali u l-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni, li huwa estremament importanti sabiex jinstabu soluzzjonijiet soċjali u ekonomiċi b'mod konġunt u sostenibbli. |
(11) |
Sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Eurofound u sabiex ikun hemm kontribut għat-titjib tal-effiċjenza u l-effettività, jenħtieġ li tiġi introdotta struttura ta' governanza f'żewġ livelli. Għal dak il-għan, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-impjegaturi u tal-impjegati u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu rrappreżentati fuq Bord tat-Tmexxija bis-setgħat meħtieġa, inkluż is-setgħa li jadottaw il-baġit u japprovaw id-dokument ta' programmazzjoni. Fid-dokument ta' programmazzjoni, li jkun fih il-programm ta' ħidma pluriennali tal-Eurofound u l-programm ta' ħidma annwali tagħha, il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jistabbilixxi l-prijoritajiet strateġiċi tal-attivitajiet tal-Eurofound. Barra minn hekk, ir-regoli adottati mill-Bord tat-Tmexxija għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess jenħtieġ li jinkludu miżuri biex jiġu identifikati riskji potenzjali fi stadju bikri. |
(12) |
Sabiex il-Eurofound tkun tista' tiffunzjona tajjeb, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-impjegaturi u tal-impjegati u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiżguraw li l-persuni li jinħatru fuq il-Bord tat-Tmexxija jkollhom għarfien xieraq fil-qasam tal-politiki soċjali u relatati max-xogħol bil-ħsieb li jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi, u li jissorveljaw l-attivitajiet tal-Eurofound. |
(13) |
Il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jiġi stabbilit bil-kompitu li jħejji l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija b'mod xieraq u jagħti appoġġ lill-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u ta' monitoraġġ tiegħu. Meta jassisti lill-Bord tat-Tmexxija, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Bord Eżekuttiv, fejn ikun meħtieġ, għal raġunijiet ta' urġenza, li jieħu ċerti deċiżjonijiet proviżorji f'isem il-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jadotta r-regoli ta' proċedura għall-Bord Eżekuttiv. |
(14) |
Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali tal-Eurofound skont id-direzzjoni strateġika stabbilita mill-Bord tat-Tmexxija, inkluż l-amministrazzjoni ta' kuljum kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja u tar-riżorsi umani. Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jeżerċita s-setgħat fdati lilu. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu sospiżi dawk is-setgħat f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal kunflitti ta' interess jew nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Regolamenti tal-Persunal). |
(15) |
Il-prinċipju tal-ugwaljanza huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż fl-impjieg, ix-xogħol u l-paga. Il-partijiet kollha jenħtieġ li jimmiraw biex jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-Bord tat-Tmexxija u fuq il-Bord Eżekuttiv. Dak l-għan jenħtieġ li jiġi segwit ukoll mill-Bord tat-Tmexxija fir-rigward tal-President u l-Viċi Presidenti tiegħu meħudin flimkien, kif ukoll mill- gruppi li jirrappreżentaw il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati fuq il-Bord tat-Tmexxija fir-rigward tal-ħatra ta' sostituti biex jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv. |
(16) |
Il-Eurofound topera uffiċċju ta' kollegament fi Brussell. Jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li jibqa' jintuża dak l-uffiċċju. |
(17) |
Id-dispożizzjonijiet finanzjarji u d-dispożizzjonijiet għall-programmazzjoni u r-rapportar relatati mal-Eurofound jenħtieġ li jiġu aġġornati. Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (4) jistipula li l-Eurofound għandha twettaq evalwazzjonijiet ex ante u ex post ta' dawk il-programmi u l-attivitajiet li jinvolvu nfiq sinifikanti. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jitqiesu mill-Eurofound fil-programmazzjoni pluriennali u annwali tagħha. |
(18) |
Sabiex jiġu żgurati l-awtonomija u l-indipendenza sħaħ tagħha, u biex tkun tista' twettaq b'mod xieraq l-objettivi u l-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Eurofound tingħata baġit adegwat u awtonomu bi dħul li jiġi prinċipalment minn kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun applikabbli għall-Eurofound f'dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni tal-Unjoni u kwalunkwe sussidju ieħor debitabbli lill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-kontijiet tal-Eurofound jenħtieġ li jkunu awditjati mill-Qorti tal-Awdituri. |
(19) |
Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Eurofound jenħtieġ li jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (Ċentru tat-Traduzzjoni). Il-Eurofound jenħtieġ li taħdem flimkien maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni biex tistabbilixxi indikaturi għall-kwalità, il-puntwalità u l-kunfidenzjalità, biex tidentifika b'mod ċar il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-Eurofound, u toħloq proċeduri trasparenti u oġġettivi għall-proċess tat-traduzzjoni. |
(20) |
Id-dispożizzjonijiet dwar il-persunal tal-Eurofound jenħtieġ li jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra), stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (5). |
(21) |
Il-Eurofound jenħtieġ li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-immaniġġjar u l-ipproċessar sikur ta' informazzjoni kunfidenzjali. Fejn meħtieġ, il-Eurofound jenħtieġ li tadotta regoli tas-sigurtà li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (6) u (UE, Euratom) 2015/444 (7). |
(22) |
Huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji baġitarji u dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal biex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurofound sakemm jiġi implimentat dan ir-Regolament, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
L-OBJETTIVI U L-KOMPITI
Artikolu 1
L-istabbiliment u l-objettivi
1. Il-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound), hija hawnhekk stabbilita bħala Aġenzija tal-Unjoni.
2. L-objettivi tal-Eurofound għandhom ikunu li tipprovdi lill-Kummissjoni, lil istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali b'appoġġ sabiex jiġu mfassla u implimentati politiki dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, jiġu mfassla politiki tal-impjiegi, u jiġi promoss id-djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema.
Għal dak il-għan il-Eurofound għandha ssaħħaħ u xxerred l-għarfien, tipprovdi evidenza u servizzi għat-tfassil tal-politika, inklużi konklużjonijiet abbażi tar-riċerka, u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien fost u bejn l-Unjoni u l-atturi nazzjonali.
Artikolu 2
Il-kompiti
1. Il-Eurofound għandu jkollha l-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-oqsma ta' politika msemmija fl-Artikolu 1(2), filwaqt li tirrispetta b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri:
(a) |
tanalizza l-iżviluppi u tipprovdi analiżi komparattiva tal-politiki, l-oqfsa istituzzjonali u l-prattiki fl-Istati Membri u, fejn rilevanti f'pajjiżi oħra; |
(b) |
tiġbor data, pereżempju permezz ta' stħarriġ, u tanalizza t-tendenzi fil-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, l-iżviluppi tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol; |
(c) |
tanalizza l-iżviluppi fis-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali u b'mod partikolari d-djalogu soċjali fil-livell tal-Unjoni u fl-Istati Membri; |
(d) |
twettaq jew tikkummissjona studji u twettaq riċerka dwar żviluppi soċjo-ekonomiċi rilevanti u kwistjonijiet politiċi relatati; |
(e) |
twettaq, fejn rilevanti u fuq talba tal-Kummissjoni, proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji; |
(f) |
tipprovdi fora għal skambju ta' esperjenzi u informazzjoni bejn il-gvernijiet, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati l-oħra fil-livell nazzjonali, inkluż permezz ta' informazzjoni u analiżi bbażati fuq l-evidenza; |
(g) |
timmaniġġja u tagħmel disponibbli għodod u settijiet ta' data lil dawk li jfasslu l-politika, is-sħab soċjali, il-korpi akkademiċi u partijiet ikkonċernati oħrajn; |
(h) |
tistabbilixxi strateġija għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 30 dwar kwistjonijiet li għalihom il-Eurofound hija kompetenti. |
2. Meta jkunu meħtieġa studji ġodda, u qabel jittieħdu deċiżjonijiet politiċi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-għarfien espert tal-Eurofound u kwalunkwe studju li tkun wettqet fil-qasam ikkonċernat jew li tkun kapaċi twettaq, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).
3. Il-Eurofound tista' tikkonkludi ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni sabiex tiffaċilita u tippromwovi kooperazzjoni magħhom.
4. Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Eurofound għandha żżomm djalogu mill-qrib, b'mod partikolari ma' korpi speċjalizzati, kemm jekk pubbliċi jew privati, nazzjonali jew internazzjonali, mal-awtoritajiet pubbliċi, mal-korpi akkademiċi u ta' riċerka, mal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati, u ma' korpi tripartitiċi nazzjonali fejn jezistu. Il-Eurofound, mingħajr preġudizzju għall-objettivi u l-finijiet tagħha, għandha tikkoopera ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-EU-OSHA u s-Cedefop, billi tippromwovi sinerġiji u komplementarjetà mal-attivitajiet tagħhom, filwaqt li tevita kwalunkwe duplikazzjoni tal-isforzi.
KAPITOLU II
L-ORGANIZZAZZJONI TAL-EUROFOUND
Artikolu 3
L-istruttura amministrattiva u tat-tmexxija
L-istruttura amministrattiva u tat-tmexxija tal-Eurofound għandha tinkludi:
(a) |
Bord tat-Tmexxija; |
(b) |
Bord Eżekuttiv; |
(c) |
Direttur Eżekuttiv. |
Artikolu 4
Il-kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija
1. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn:
(a) |
membru wieħed, li jirrappreżenta lill-gvern, ta' kull Stat Membru; |
(b) |
membru wieħed, li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, minn kull Stat Membru; |
(c) |
membru wieħed, li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegati, minn kull Stat Membru; |
(d) |
tliet membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni; |
(e) |
espert indipendenti maħtur mill-Parlament Ewropew. |
Kull wieħed mill-membri msemmija fil-punti (a) sa (d) għandu jkollu d-dritt għal vot.
Il-Kunsill għandu jaħtar il-membri msemmija fil-punti (a), (b) u (c) abbażi ta' kandidati nominati, rispettivament, mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-impjegaturi u tal-impjegati.
Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri msemmija fil-punt (d).
Il-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew għandu jaħtar l-espert msemmi fil-punt (e).
2. Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu sostitut. Is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu. Is-sostituti għandom jinħatru f'konformità mal-paragrafu 1.
3. Il-Membri tal-Bord tat-Tmexxija u s-sostituti tagħhom għandhom jiġu nominati u jinħatru abbażi tal-għarfien tagħhom tal-politiki soċjali u dawk relatati max-xogħol, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet rilevanti tagħhom bħal dawk maniġerjali, amministrattivi u baġitarji, u l-għarfien espert fil-qasam tal-kompiti ewlenin tal-Eurofound sabiex jiffunzjonaw b'mod effettiv fi rwol ta' sorveljanza. Il-partijiet kollha rappreżentati fuq il-Bord tat-Tmexxija għandhom jippruvaw jillimitaw il-bdil tar-rappreżentanti tagħhom, sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tiegħu. Il-partijiet kollha għandhom jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-Bord tat-Tmexxija.
4. Il-membri u s-sostituti għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub meta jieħdu l-kariga fejn jiddikkjaraw li mhumiex f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interessi. Il-membri u s-sostituti għandhom jaġġornaw id-dikjarazzjoni tagħhom fil-każ ta' bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward ta' kwalunkwe kunflitt ta' interessi. Il-Eurofound għandha tippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-interessi u l-aġġornamenti fuq is-sit web tagħha.
5. Il-mandat tal-membri u tas-sostituti għandu jkun ta' erba' snin. Dan il-mandat għandu jkun jista' jiġġedded. Mal-iskadenza tal-mandat tagħhom jew fil-każ tar-riżenja tagħhom, il-membri u s-sostituti għandhom jibqgħu fl-uffiċċju sakemm jiġġeddu l-ħatriet tagħhom jew sakemm jiġu sostitwiti.
6. Fuq il-Bord tat-Tmexxija, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati għandhom rispettivament jiffurmaw grupp. Kull grupp għandu jinnomina koordinatur sabiex titjieb l-effiċjenza tad-deliberazzjonijiet fi ħdan u bejn il-gruppi. Il-koordinaturi tal-gruppi tal-impjegaturi u tal-impjegati għandhom ikunu rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropew rispettivi tagħhom u jistgħu jiġu nominati minn fost il-membri tal-Bord tat-Tmexxija maħtura. Il-koordinaturi li mhumiex maħtura membri tal-Bord tat-Tmexxija skont il-paragrafu 1 għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija mingħajr id-dritt għal vot.
Artikolu 5
Il-Funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija
1. Il-Bord tat-Tmexxija għandu:
(a) |
jipprovdi l-orjentazzjonijiet strateġiċi lill-attivitajiet tal-Eurofound; |
(b) |
jadotta kull sena, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri bid-dritt għal vot u f'konformità mal-Artikolu 6, id-dokument ta' programmazzjoni tal-Eurofound, li jkun fih il-programm ta' ħidma pluriennali tal-Eurofound u l-programm ta' ħidma annwali tagħha għas-sena segwenti; |
(c) |
jadotta, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri bid-dritt għal vot, il-baġit annwali tal-Eurofound u jeżerċita funzjonijiet oħra fir-rigward ta' dak il-baġit skont il-Kapitolu III; |
(d) |
jadotta r-rapport ikkonsolidat dwar l-attività annwali flimkien ma' valutazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Eurofound, jibgħathom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Qorti tal-Awdituri qabel l-1 ta' Lulju ta' kull sena u jagħmel disponibbli għall-pubbliku r-rapport ikkonsolidat dwar l-attività annwali; |
(e) |
jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Eurofound b'konformità mal-Artikolu 17; |
(f) |
jadotta strateġija kontra l-frodi, li tkun proporzjonata għar-riskji ta' frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati; |
(g) |
jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi fir-rigward tal-membri u l-esperti indipendenti tagħha, kif ukoll ta' esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor mhux impjegat mal-Eurofound kif imsemmi fl-Artikolu 20; |
(h) |
jadotta l-pjanijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni bbażati skont analiżi tal-ħtiġijiet u jaġġornahom regolarment u jirrifletti dan fid-dokument ta' programmazzjoni tal-Eurofound; |
(i) |
jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu; |
(j) |
jeżerċita, f'konformità mal-paragrafu 2, fir-rigward tal-persunal tal-Eurofound, is-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Awtorità Mogħtija s-Setgħa biex Tikkonkludi Kuntratti ta' Impjieg mogħtija mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (is-“setgħat tal-awtorità tal-ħatra”); |
(k) |
jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa sabiex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal; |
(l) |
jaħtar u, fejn rilevanti, jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv jew ineħħih mill-kariga, f'konformità mal-Artikolu 19; |
(m) |
jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu; |
(n) |
jadotta r-regoli ta' proċedura tal-Bord Eżekuttiv; |
(o) |
jistabbilixxi u jxolji Kumitati Konsultattivi f'konformità mal-Artikolu 12, u jadotta r-regoli ta' proċedura tagħhom; |
(p) |
jissorvelja segwitu xieraq għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti interni u esterni tal-awditjar u tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF); |
(q) |
jawtorizza l-istabbiliment ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 30. |
2. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta, f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, filwaqt li tiddelega setgħat tal-awtorità tal-ħatra rilevanti lid-Direttur Eżekuttiv u jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom din id-delega tas-setgħat tista' tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.
F'każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord tat-Tmexxija jista' jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk li jkunu ġew sottodelegati mid-Direttur Eżekuttiv. F'każijiet bħal dawn, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddelegahom, għal perjodu limitat, lil wieħed mir-rappreżentanti li tkun innominat il-Kummissjoni jew lil membru tal-persunal ieħor minbarra d-Direttur Eżekuttiv.
Artikolu 6
Il-Programmazzjoni pluriennali u annwali
1. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu, f'konformità mal-punt (f) tal-Artikolu 11(5) ta' dan ir-Regolament, iħejji abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni li jkun fih programm ta' ħidma annwali u pluriennali f'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 lill-Bord tat-Tmexxija. L-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni, wara l-approvazzjoni mill-Bord tat-Tmexxija, għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta kwalunkwe verżjoni aġġornata ta' dak id-dokument f'konformità mal-istess proċedura. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta d-dokument ta' programmazzjoni, filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni.
Id-dokument ta' programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk ikun neċessarju, għandu jiġi aġġustat skont dan.
3. Il-programm ta' ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inkluż l-għanijiet, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni, filwaqt li jevita dupplikazzjoni tal-programmazzjoni ma' aġenziji oħra. Għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u tal-persunal. Għandu jinkludi strateġija għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 30, l-azzjonijiet marbuta mal-istrateġija, u l-ispeċifikazzjoni ta' riżorsi assoċjati.
4. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 3 u għandu jinkludi:
(a) |
l-għanijiet dettaljati u r-riżultati mistennija inkluż indikaturi tal-prestazzjoni; |
(b) |
deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, inklużi miżuri ppjanati li għandhom l-għan li jżidu l-effiċjenza; |
(c) |
indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, skont il-prinċipji ta' bbaġitjar u ġestjoni bbażati fuq l-attività; |
(d) |
azzjonijiet possibbli għal relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 30. |
Dan għandu jindika b'mod ċar l-azzjonijiet li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti.
5. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jemenda l-programm ta' ħidma annwali adottat meta attività ġdida tiġi assenjata lill-Eurofound. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jiddelega s-setgħa li jsir l-emendar mhux sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali lid-Direttur Eżekuttiv.
Kwalunkwe emendar sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali għandu jiġi adottat skont l-istess proċedura bħal tal-programm ta' ħidma annwali inizjali.
6. Il-programmazzjoni ta' riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata fejn dan ikun xieraq, u partikolarment b'kunsiderazzjoni tal-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 28.
L-assenjazzjoni lill-Eurofound ta' attività ġdida bil-għan li jiġu ssodisfatti l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 2 għandu jitqies fil-programmazzjoni tar-riżorsi u dak finanzjarja tagħha, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-“awtorità baġitarja”).
Artikolu 7
Il-President tal-Bord tat-Tmexxija
1. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President u tliet Viċi Presidenti kif ġej:
(a) |
wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw il-gvernijiet tal-Istati Membri; |
(b) |
wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi; |
(c) |
wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-impjegati; u |
(d) |
wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw il-Kummissjoni. |
Il-President u l-Viċi President għandhom jiġu eletti permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija bid-dritt għal vot.
2. Il-mandat tal-President u l-Viċi Presidenti għandu jkun ta' sena. Il-mandat tagħhom għandu jkun jista' jiġġedded. Fil-każ li s-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija tispiċċa fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f'dik id-data.
Artikolu 8
Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija
1. Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr id-dritt għal vot.
3. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiltaqa' darba fis-sena f'laqgħa ordinarja. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' fuq inizjattiva tal-President, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' mill-anqas terz tal-membri tiegħu.
4. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jistieden lil kwalunkwe persuna li jista' jkollha opinjoni li tkun ta' interess biex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur. Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE) jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi meta l-Ftehim ŻEE jipprovdi għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Eurofound.
5. Il-Eurofound għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Bord tat-Tmexxija.
Artikolu 9
Ir-regoli tal-Bord tat-Tmexxija dwar il-votazzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għall-punti (b) u (c) tal-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 19(7), il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet permezz tal-membri bid-dritt għal vot.
2. Kull membru bid-dritt għal vot għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta' membru bid-dritt għal vot, is-sostitut tiegħu għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt għal vot tiegħu.
3. Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni.
4. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr ma jkollu d-dritt għal vot.
5. Ir-regoli ta' proċedura tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati b'mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor.
Artikolu 10
Il-Bord Eżekuttiv
1. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv.
2. Il-Bord Eżekuttiv għandu:
(a) |
iħejji d-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija; |
(b) |
jissorvelja, flimkien mal-Bord tat-Tmexxija, segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet ta' awditjar intern jew estern, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-OLAF; |
(c) |
mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv, kif stabbiliti fl-Artikolu 11, jagħtih pariri lid-Direttur, meta meħtieġ, fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija, bil-ħsieb li tissaħħaħ is-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva u baġitarja. |
3. Meta jkun meħtieġ, minħabba urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista' jieħu ċerti deċiżjonijiet provviżorji f'isem il-Bord tat-Tmexxija, inkluż is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat ta' awtorità tal-ħatra f'konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) u fuq kwistjonijiet baġitarji.
4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President tal-Bord tat-Tmexxija, it-tliet Viċi Presidenti, il-koordinaturi tat-tliet gruppi msemmija fl-Artikolu 4(6) u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni. Kull grupp imsemmi fl-Artikolu 4(6) jista' jinnomina sa żewġ sostituti biex jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv fil-każ li membru maħtur minn grupp rilevanti jkun assenti. Il-President tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ukoll il-President tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv mingħajr id-dritt għal vot.
5. Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun ta' sentejn. Dan il-mandat għandu jkun jista' jiġġedded. Il-mandat ta' membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jintemm meta tintemm is-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija.
6. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa' tliet darbiet fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq it-talba tal-membri tiegħu. Wara kull laqgħa, il-koordinaturi tat-tliet gruppi msemmija fl-Artikolu 4(6) għandhom jagħmlu użu mill-aħjar sforzi biex jinfurmaw lill-membri tal-grupp tagħhom dwar il-kontenut tad-diskussjoni b'mod trasparenti u f'waqtu.
Artikolu 11
Ir-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali tal-Eurofound skont id-direzzjoni strateġika stabbilita mill-Bord tat-Tmexxija u għandu jagħti rendikont ta' għemilu lill-Bord tat-Tmexxija.
2. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, il-Bord tat-Tmexxija, u l-Bord Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi korp ieħor.
3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat rapport lill-Parlament Ewropew dwar il-qadi ta' dmirijietu meta jintalab jagħmel dan. Il-Kunsill jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jibgħatlu rapport dwar il-qadi ta' dmirijietu.
4. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Eurofound.
5. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lill-Eurofound minn dan ir-Regolament. B'mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għal:
(a) |
l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Eurofound, inkluż l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu rigward kwistjonijiet marbuta mal-persunal, f'konformità mal-Artikolu 5(2); |
(b) |
l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija; |
(c) |
it-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, f'konformità mad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5(2); |
(d) |
b'kont meħud tal-ħtiġijiet relatati mal-attivitajiet tal-Eurofound u l-ġestjoni baġitarja soda tagħha, it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-istrutturi interni tal-Eurofound u, fejn meħtieġ, l-emendi tagħhom; |
(e) |
l-għażla u l-ħatra tal-Viċi Direttur li għandu jappoġġa lid-Direttur Eżekuttiv fit-twettiq tal-funzjonijiet u l-attivitajiet tal-Eurofound; |
(f) |
it-tħejjija tad-dokument ta' programmazzjoni u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija wara l-konsultazzjoni mal-Kummissjoni; |
(g) |
l-implimentazzjoni tad-dokument ta' programmazzjoni u r-rapportar lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tiegħu; |
(h) |
it-tħejjija tar-rapport ikkonsolidat annwali tal-attivitajiet tal-Eurofound u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija għall-valutazzjoni u l-adozzjoni; |
(i) |
it-twaqqif ta' sistema effettiva ta' monitoraġġ sabiex jistgħu jsiru l-evalwazzjonijiet regolari msemmija fl-Artikolu 28 u sistema ta' rapportar li tiġbor fil-qosor ir-riżultati tagħhom; |
(j) |
it-tħejjija ta' abbozz ta' regoli finanzjarji applikabbli għall-Eurofound; |
(k) |
it-tħejjija tal-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Eurofound, bħala parti mid-dokument ta' programmazzjoni tal-Eurofound; u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurofound; |
(l) |
it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet ta' rapporti tal-awditjar intern jew estern u ta' evalwazzjonijiet, kif ukoll investigazzjonijiet mill- OLAF u r-rapport dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u regolarment lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Bord Eżekuttiv; |
(m) |
l-għan li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi fi ħdan il-Eurofound; |
(n) |
il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, billi jwettaq kontrolli effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti li tħallsu bi żball u, meta dan ikun xieraq, billi jimponi penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi; |
(o) |
it-tħejjija ta' strateġija għal kontra l-frodi għall-Eurofound u għat-tressiq tagħha quddiem il-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni; |
(p) |
fejn rilevanti, il-kooperazzjoni ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni magħhom. |
6. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli wkoll biex jiddeċiedi jekk ikunx neċessarju għall-fini li jitwettqu l-kompiti tal-Eurofound b'mod effiċjenti u effettiv li jiġi stabbilit uffiċċju ta' kollegament fi Brussell biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Eurofound mal-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tirrikjedi l-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni, tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Istat Membru rilevanti. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet li jridu jitwettqu minn dak l-uffiċċju ta' kollegament b'mod li jiġu evitati spejjeż bla bżonn u kwalunkwe duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-Eurofound.
Artikolu 12
Il-Kumitati Konsultattivi
1. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jistabbilixxi Kumitati Konsultattivi skont l-oqsma ta' prijorità tal-politika deskritti fid-dokumenti ta' programmazzjoni tal-Eurofound.
2. Il-Kumitati Konsultattivi għandhom ikunu korpi operattivi stabbiliti sabiex jiżguraw il-kwalità tar-riċerka prodotta mill-Eurofound, kif ukoll is-sjieda wiesgħa tal-proġetti u tar-riżultati tagħhom, billi jinkoraġixxu l-partiċipazzjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Eurofound u jipprovdu pariri u inputs ġodda.
3. F'koordinazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija u l-Bord Eżekuttiv, il-Kumitati Konsultattivi għandhom iwettqu l-funzjonijiet ewlenin li ġejjin b'rabta ma' proġetti ta' riċerka:
(a) |
jagħtu parir dwar id-disinn u l-implimentazzjoni tagħhom; |
(b) |
jissorveljaw il-progress tal-implimentazzjoni tagħhom; |
(c) |
jevalwaw is-sejbiet tagħhom; |
(d) |
jagħtu parir dwar id-disseminazzjoni tar-riżultati. |
4. Il-koordinaturi tal-gruppi msemmijin fl-Artikolu 4(6) għandhom jissorveljaw in-nomina u l-parteċipazzjoni tal-membri tal-Kumitati Konsultattivi skont ir-regoli ta' proċedura tal-Bord tat-Tmexxija.
5. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jxolji l-Kumitati Konsultattivi stabbiliti skont il-paragrafu 1, f'konformità mal-prijoritajiet imsemmija fid-dokumenti ta' programmazzjoni tal-Eurofound.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI
Artikolu 13
Il-baġit
1. L-estimi tad-dħul u l-infiq kollu għall-Eurofound għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja u għandhom jidhru fil-baġit tal-Eurofound. Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja.
2. Il-baġit tal-Eurofound għandu jkun bilanċjat f'termini ta' dħul u nfiq.
3. Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, id-dħul tal-Eurofound għandu jinkludi:
(a) |
kontribuzzjoni mill-Unjoni, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni; |
(b) |
kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja voluntarja mill-Istati Membri; |
(c) |
imposti għal pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-Eurofound; |
(d) |
kwalunkwe kontribuzzjoni mill-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Eurofound, kif previst mill-Artikolu 30. |
4. L-infiq tal-Eurofound għandu jinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura u n-nefqa operazzjonali.
Artikolu 14
L-istabbiliment tal-baġit
1. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz provviżorju tal-estimi tad-dħul u tan-infiq tal-Eurofound għas-sena finanzjarja ta' wara, inkluż il-pjan tal-istabbiliment, u jibagħtu lill-Bord tat-Tmexxija.
L-abbozz provviżorju tal-estimi għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi u r-riżultati mistennija tad-dokument ta' programmazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 6(1), u għandu jqis ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi u r-riżultati mistennija, f'konformità mal-prinċipju ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni.
2. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, abbażi ta' dak l-abbozz proviżorju tal-estimi, jadotta abbozz tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Eurofound għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jibagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar ta' kull sena.
3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz tal-estimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-abbozz tal-estimi għandu jkun disponibbli wkoll għall-Eurofound.
4. Abbażi tal-abbozz tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal l-estimi li hi tikkunsidra neċessarji għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandu joħroġ mill-baġit ġenerali fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, li hi għandha tressaq quddiem l-awtorità baġitarja skont l-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
5. L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lill-Eurofound.
6. L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment tal-Eurofound.
7. Il-baġit tal-Eurofound għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija. Il-baġit għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk neċessarju, għandu jiġi aġġustat kif xieraq. Kwalunkwe modifika fil-baġit tal-Eurofound, inkluż fil-pjan ta' stabbiliment, għandha tiġi addottata f'konformità mal-istess proċedura.
8. Għal kwalunkwe proġett ta' bini li x'aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-Eurofound, għandu japplika r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013.
Artikolu 15
L-implimentazzjoni tal-baġit
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Eurofound.
2. Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-awtorità baġitarja kwalunkwe informazzjoni rilevanti għas-sejbiet ta' kwalunkwe proċedura ta' evalwazzjoni.
Artikolu 16
Il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza
1. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Eurofound għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (Sena N) lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta' Marzu tas-sena finanzjarja segwenti (N + 1).
2. Il-Eurofound għandha tibgħat rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena N + 1.
3. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Eurofound għas-sena N, ikkonsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena N + 1.
4. Mal-wasla tal-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Eurofound għas-sena N, f'konformità mal-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Eurofound għal dik is-sena. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni.
5. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Eurofound għas-sena N.
6. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Eurofound għandu jibgħat, sal-1 ta' Lulju tas-sena N + 1, il-kontijiet finali għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija.
7. Il-kontijiet finali għas-sena N għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena N + 1.
8. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri, sat-30 ta' Settembru tas-sena N + 1, tweġiba għall-osservazzjonijiet imniżżla fir-rapport annwali tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll it-tweġiba lill-Bord tat-Tmexxija.
9. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena N, f'konformità mal-Artikolu 109(3) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013.
10. Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, il-Parlament Ewropew għandu jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.
Artikolu 17
Ir-regoli finanzjarji
Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Eurofound għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Huma ma għandhomx jitbiegħdu mir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013, sakemm din id-devjazzjoni ma tkunx meħtieġa b'mod speċifiku għall-operat tal-Eurofound u bil-Kummissjoni li tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.
KAPITOLU IV
PERSUNAL
Artikolu 18
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni u r-regoli adottati permezz ta' ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jidħlu fis-seħħ ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-persunal tal-Eurofound.
2. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni xierqa biex jidħlu fis-seħħ ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.
Artikolu 19
Id-Direttur Eżekuttiv
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Eurofound skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjiegi Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija minn lista ta' kandidati proposta mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.
Il-kandidat magħżul għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament. Dak l-iskambju ta' fehmiet ma għandux idewwem il-ħatra bla bżonn.
Għall-fini li jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, il-Eurofound għandu jkun rappreżentat mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.
3. Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin. Qabel tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u tal-isfidi futuri tal-Eurofound.
4. Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba għal mhux aktar minn ħames snin.
5. Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra ta' għażla għall-istess kariga fit-tmiem tal-perjodu ġenerali.
6. Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-kariga biss b'deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jqis il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, kif imsemmi fil-paragrafu 3.
7. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri li jkollhom id-dritt għal vot.
Artikolu 20
L-esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor
1. Il-Eurofound tista' tuża esperti nazzjonali sekondati jew persunal ieħor mhux impjegat mill-Eurofound.
2. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistipula r-regoli dwar is-issekondar tal-esperti nazzjonali mal-Eurofound.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 21
L-istatus legali
1. Il-Eurofound għandha tkun aġenzija tal-Unjoni. Għandu jkollha personalità ġuridika.
2. F'kull wieħed mill-Istati Membri Eurofound għandha tgawdi l-kapaċita ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġi nazzjonali. Partikolarment tista' tikseb u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali.
3. Il-Eurofound għandu jkollha s-sede tagħha f'Dublin.
4. Il-Eurofound tista' tistabbilixxi uffiċċju ta' kollegament fi Brussell biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 11(6).
Artikolu 22
Il-privileġġi u l-immunitajiet
Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Eurofound u għall-persunal tagħha.
Artikolu 23
L-arranġamenti lingwistiċi
1. Id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (9) għandhom japplikaw għall-Eurofound.
2. Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Eurofound għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni.
Artikolu 24
It-trasparenza u l-protezzjoni tad-data
1. Il-Eurofound għandha twettaq l-attivitajiet tagħha b'livell għoli ta' trasparenza.
2. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Eurofound.
3. Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
4. L-ipproċessar ta' data personali mill-Eurofound għandu jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mill-Eurofound, inklużi dawk li jikkonċernaw il-ħatra ta' Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Dawk il-miżuri għandhom ikunu stabbiliti wara li ssir konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Artikolu 25
Il-ġlieda kontra l-frodi
1. Sabiex tkun iffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-Eurofound għandha, sal-21 ta' Awwissu 2019, taċċedi għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (13) u għandha tadotta dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tagħha bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness ma' dan il-Ftehim.
2. Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u ta' spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand il-Eurofound.
3. L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim jew deċiżjoni dwar għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-Eurofound, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (14).
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet ta' għotja tal-Eurofound għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu b'mod espliċitu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
Artikolu 26
Ir-regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata
Il-Eurofound għandha tadotta regoli ta' sigurtà li jkunu ekwivalenti għar-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet (UE, Euratom) 2015/443 u (UE, Euratom) 2015/444, fejn meħtieġ. Ir-regoli ta' sigurtà tal-Eurofound għandhom ikopru, fost l-oħrajn u fejn xieraq, dispożizzjonijiet għall-iskambju, għall-ipproċessar u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni.
Artikolu 27
Ir-responsabbiltà
1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Eurofound għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) għandu jkollha ġurisdizzjoni biex tagħti sentenza skont kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tinsab f'kuntratt konkluż mill-Eurofound.
3. F'każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, il-Eurofound, għandha tagħmel tajjeb għal kull dannu li jikkaġunaw id-dipartimenti tagħha jew il-persunal tagħha waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
4. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni rigward il-kumpens għad-danni kif imsemmija fil-paragrafu 3.
5. Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tagħha lejn il-Eurofound għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra.
Artikolu 28
L-evalwazzjoni
1. F'konformità mal-Artikolu 29(5) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013, il-Eurofound għandha twettaq evalwazzjonijiet ex ante u ex post ta' dawk il-programmi u attivitajiet li jinvolvu nfiq sinifikanti.
2. Sal-21 ta' Frar 2024, u mbagħad kull ħames snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tiżgura li titwettaq evalwazzjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Eurofound fir-rigward tal-għanijiet, tal-mandat u tal-kompiti tagħha. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-membri tal-Bord tat-Tmexxija u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin oħra matul l-evalwazzjoni tagħha. B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi emendat il-mandat tal-Eurofound, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe emenda bħal din.
3. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tat-Tmexxija dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.
Artikolu 29
L-inkjesti amministrattivi
L-attivitajiet tal-Eurofound għandhom ikunu soġġetti għall-inkjesti mill-Ombudsman Ewropew f'konformità mal-Artikolu 228 TFUE.
Artikolu 30
Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali
1. Sa fejn ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-Eurofound tista' tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.
Għal dak l-għan, soġġett għal awtorizzazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija u wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-Eurofound tista' tistabbilixxi arranġamenti ta' ħidma mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi imposti fuq l-Unjoni jew l-Istati Membri.
2. Il-Eurofound għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, li daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni f'dak ir-rigward.
Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, il-limitu u l-mod kif il-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom jieħdu sehem fil-ħidma tal-Eurofound, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-Eurofound, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal. F'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet ta' persunal, dawk l-arranġamenti, fi kwalunkwe każ, għandhom jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal.
3. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta strateġija għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom il-Eurofound tkun kompetenti.
Artikolu 31
Il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kondizzjonijiet tal-operat
1. L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tkun ipprovduta lill-Eurofound fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija, għall-persunal u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom ikunu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn il-Eurofound u l-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede.
2. L-Istat Membru ospitanti tal-Eurofound għandu jipprovdi l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Eurofound, inklużi sistemi edukattivi multilingwi b'dimensjoni Ewropea, u konnessjonijiet xierqa ta' trasport.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI
Artikolu 32
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-Bord tat-Tmexxija
Il-membri tal-Bord ta' Governanza stabbilit abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75 għandhom jibqgħu fil-kariga u jeżerċitaw il-funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament sal-ħatra tal-membri u tal-espert indipendenti tal-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 33
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-persunal
1. Id-Direttur tal-Eurofound maħtur abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75, għall-perjodi li jifdal tal-mandat tiegħu, għandu jkun assenjat għar-responsabilitajiet tad-Direttur Eżekuttiv kif stipulat fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament. Il-kondizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tiegħu jew tagħha ma għandhomx jinbidlu.
2. Fil-każ ta' proċedura ta' għażla u ħatra li tkun għaddejja tad-Direttur Eżekuttiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75 għandu japplika sal-finalizzazzjoni ta' dik il-proċedura.
3. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ingaġġat skont ir-Regolament (KEE) Nru 1365/75. Il-kuntratti ta' impjieg tagħhom jistgħu jiġġeddu skont dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra.
Kwalunkwe uffiċċju ta' kollegament tal-Eurofound li jkun operattiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandu jinżamm.
Artikolu 34
Id-dispożizzjonijiet baġitarji tranżitorji
Il-proċedura ta' kwittanza fir-rigward tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75 għandha ssir skont l-Artikolu 16 ta' dak ir-Regolament.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 35
It-tħassir
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 huwa mħassar u r-referenzi kollha għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 36
Iż-żamma fis-seħħ tar-regoli interni adottati mill-Bord tal-Governanza
Ir-regoli interni adottati mill-Bord ta' Governanza abbażi tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75 għandhom jibqgħu fis-seħħ wara l-20 ta' Frar 2019, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Bord tat-Tmexxija fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 37
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' Jannar 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) ĠU C 209, 30.6.2017, p. 49.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2018.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(9) Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE(ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(12) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(13) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).