This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D1996
Commission Decision (EU) 2018/1996 of 14 December 2018 laying down internal rules concerning the provision of information to data subjects and the restriction of certain of their rights in the context of the processing of personal data for the purpose of trade defence and trade policy investigations
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1996 tal-14 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi r-regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta' data personali għall-fini ta' investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u l-politika kummerċjali
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1996 tal-14 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi r-regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta' data personali għall-fini ta' investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u l-politika kummerċjali
C/2018/8811
ĠU L 320, 17.12.2018, p. 40–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
17.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 320/40 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1996
tal-14 ta' Diċembru 2018
li tistabbilixxi r-regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta' data personali għall-fini ta' investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u l-politika kummerċjali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-qafas tal-mandat tagħha skont ir-Regolamenti (UE) 2015/478 (1), (UE) 2015/755 (2), (UE) 2016/1036 (3), (UE) 2016/1037 (4), tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni tmexxi l-politika kummerċjali tal-Unjoni. |
(2) |
B'mod partikolari, matul l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, inevitabbilment tiġi pproċessata data personali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni ta' interess investigattiv, inkluż data personali. Soġġett għall-ħtiġijiet għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, jenħtieġ li l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunkwe parti għal investigazzjoni tkun disponibbli fil-pront għall-partijiet interessati l-oħra li qegħdin jieħdu sehem fl-investigazzjoni permezz tal-aċċess għall-fajl mhux kunfidenzjali. Dan it-trasferiment ta' data huwa neċessarju u legalment meħtieġ għad-difiża ta' talbiet legali tal-partijiet interessati. Il-kompiti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali u tad-difiża tal-kummerċ huma r-responsabbiltà primarja tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (“DĠ Kummerċ”), fejn l-entitajiet organizzattivi tiegħu jaġixxu bħala kontrollur. |
(3) |
Pereżempju, id-data personali pproċessata mill-Kummissjoni hija, pereżempju, data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali, u data relatata jew ippreżentata b'rabta mas-suġġett tal-investigazzjoni. Id-data personali hija maħżuna f'ambjent elettroniku sigur biex tevita aċċess illegali jew trasferiment ta' data lil persuni barra l-Kummissjoni. Ċerta data personali tista' tiġi inkluża f'ambjent elettroniku separat għal aċċess minn numru ta' partijiet regolat b'interess fl-investigazzjoni. Id-data personali tinżamm mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni sakemm tispiċċa l-investigazzjoni. Il-perjodu ta' ritenzjoni amministrattiva tad-data huwa ħames snin, li jibda jgħodd minn meta tispiċċa l-investigazzjoni. Fi tmiem il-perjodu ta' ritenzjoni, l-informazzjoni relatata mal-każ, inkluża data personali tiġi trasferita fl-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni (6). |
(4) |
Filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet ta' persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali rikonoxxuta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni trid tikkonforma ma' regoli stretti ta' kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036, l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/1037, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755. |
(5) |
F'ċerti ċirkustanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa ta' effikaċja tal-investigazzjonijiet, kif ukoll b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data. F'dan is-sens, l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprovdi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza previst fl-Artikolu 4(1)(a) tiegħu, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament. |
(6) |
Sabiex tkun żgurata l-effettività tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-Kummerċ filwaqt li jitħarsu l-istandards ta' protezzjoni ta' data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, li ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli interni li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
(7) |
Huwa għalhekk neċessarju li jiġu stabbiliti regoli interni li jkopru l-operazzjonijiet ta' pproċessar kollha mwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-funzjoni investigattiva tagħha fil-qasam tad-difiża tal-kummerċ. Dawk ir-regoli jenħtieġ li japplikaw għall-operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa qabel ma tinfetaħ investigazzjoni, matul investigazzjoni u matul il-monitoraġġ tas-segwitu tal-eżitu tal-investigazzjonijiet. |
(8) |
Biex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u dwar id-drittijiet tagħhom b'mod trasparenti u koerenti fil-forma ta' avviżi ta' protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Fejn ikun rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta salvagwardji addizzjonali biex tiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu infurmati individwalment f'format xieraq. |
(9) |
Abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi wkoll l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħrajn tas-suġġetti tad-data sabiex tipproteġi l-investigazzjonijiet tagħha stess kif ukoll id-drittijiet ta' persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet tagħha. |
(10) |
Barra minn hekk, biex tinżamm il-kooperazzjoni effettiva, jista' jkun meħtieġ għall-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biex tipproteġi l-attivitajiet ta' pproċessar ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lil dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji, aġenziji u awtoritajiet rilevanti fuq ir-raġunijiet rilevanti biex timponi restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet. |
(11) |
Il-Kummissjoni tista' wkoll ikollha tirrestrinġi l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta' data personali riċevuta minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tikkoopera ma' dawk il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet u b'hekk tissalvagwardja għan importanti ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni. Madankollu, f'ċerti ċirkustanzi l-interess jew id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu jegħlbu l-interess tal-kooperazzjoni internazzjonali. |
(12) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tittratta r-restrizzjonijiet kollha b'mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni ta' restrizzjonijiet fis-sistema ta' reġistrazzjoni korrispondenti. |
(13) |
Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jipposponu, jonqsu jew jiċħdu milli jipprovdu informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' restrizzjoni lis-suġġett tad-data jekk l-għoti ta' dik l-informazzjoni kollha b'xi mod jikkomprometti l-finijiet tar-restrizzjoni. Dan, b'mod partikolari, huwa l-każ tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
(14) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi b'mod regolari r-restrizzjonijiet imposti sabiex tiżgura li d-dritt tas-suġġett tad-data li jiġi infurmat skont l-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġi ristrett biss sakemm dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa mill-Kummissjoni biex tkun tista' tmexxi l-investigazzjonijiet ta' difiża tal-kummerċ. |
(15) |
Fejn jiġu ristretti drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur jenħtieġ li jivvaluta fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix l-għan tagħha. |
(16) |
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Deċiżjoni. |
(17) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 45/2001 mingħajr l-ebda perjodu tranżizzjonali, mid-data li fiha jidħol fis-seħħ. Il-possibilità li japplikaw restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data ġie prevista fir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Sabiex jiġi evitat l-ipperikolar tal-politika kummerċjali u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data ta' dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
(18) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fit-30 ta' Novembru 2018. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom f'konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta twettaq investigazzjonijiet fil-politika kummerċjali u fid-difiża tal-kummerċ.
Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) ta' dak ir-Regolament.
2. Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni għall-fini ta' jew relatata ma', attivitajiet imwettqa sabiex jissodisfaw il-kompiti tal-Kummissjoni msemmija fir-Regolamenti (UE) 2016/1036, (UE) 2016/1037, (UE) 2015/478 u (UE) 2015/755.
3. Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mis-servizzi kollha tal-Kummissjoni sa fejn huma jipproċessaw data personali li tinsab f'informazzjoni li huma meħtieġa li jibagħtu lill-Kummissjoni jew data personali diġà pproċessata minnha għall-fini ta' jew fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 2
Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli
1. Fejn il-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament.
2. Skont l-Artikoli 3 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza previst fl-Artikolu 4(1)(a) ta' dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament, meta l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun ta' preġudizzju għall-attivitajiet ta' politika kummerċjali u d-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni, jew ikun jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.
3. Skont l-Artikoli 3 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi wkoll id-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' data personali miksuba minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) |
fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, fuq il-bażi ta' atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament, jew f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (9); |
(b) |
fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bażi ta' atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11); |
(c) |
fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ. |
Qabel ma' tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji rilevanti tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni hija pprovduta minn xi wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti.
Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fejn l-interess tal-Kummissjoni li tikkoopera ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjoni internazzjonali jkun megħlub mill-interessi jew id-drittijiet fundamentali u libertà tas-suġġetti tad-data.
4. Il-Paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli interni li jikkonċernaw id-dispożizzjoni ta' informazzjoni għas-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti drittijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 23 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni.
Artikolu 3
Dispożizzjoni ta' informazzjoni għas-suġġetti tad-data
1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviż tal-protezzjoni tad-data li jinforma lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet ta' difiża tal-kummerċ tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu infurmati individwalment f'format xieraq.
2. Fejn il-Kummissjoni tillimita, totalment jew parzjalment id-dispożizzjoni ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data, li d-data tagħhom tiġi pproċessata għal skopijiet ta' politika kummerċjali jew investigazzjoni għad-difiża tal-kummerċ, hija għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni f'konformità mal-Artikolu 6.
Artikolu 4
Id-dritt ta' aċċess mis-suġġetti tad-data, id-dritt ta' tħassir u ta' restrizzjoni tal-ipproċessar
1. Fejn il-Kummissjoni tillimita, totalment jew parzjalment, id-dritt ta' aċċess għad-data personali min-naħa tas-suġġetti tad-data, id-dritt ta' tħassir jew id-dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 rispettivament tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal aċċess, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġuni prinċipali talli sar hekk, u bil-possibilità li jsir ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jintalab rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
2. L-għoti tal-informazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jista' jitħassar, ma jingħatax jew jiġi miċħud sakemm jibqa' jipperikola l-iskop tar-restrizzjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 6.
4. Fejn id-dritt ta' aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt tiegħu permezz ta' intermedjarju, jiġifieri l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, f'konformità mal-paragrafi 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 5
Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġetti tad-data
Fejn il-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data, kif insemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni f'konformità mal-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 6
It-tniżżil u r-reġistrazzjoni ta' restrizzjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha tniżżel ir-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' tali restrizzjoni, li tqis ukoll l-elementi rilevanti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jindika kif l-eżerċizzju tad-dritt jipperikola l-għan tal-politika kummerċjali u tal-investigazzjoni għad-difiża tal-kummerċ, jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 2(2) jew (3), jew li jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.
2. Ir-reġistru u fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.
Artikolu 7
Tul ta' żmien tar-restrizzjonijiet
1. Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.
2. Fejn ir-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew 5 ma jkunux għadhom japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni u tagħti r-raġuni għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'kull ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 5 kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħhom u fl-għeluq tal-investigazzjoni. Wara dan, il-Kummissjoni/kontrollur għandu jissorvelja l-bżonn li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni/posponiment fuq bażi annwali.
Artikolu 8
Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea
1. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jiġu ristretti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Meta jitlob dan, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti.
2. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista' jitlob rieżami tar-restrizzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun infurmat bil-miktub bl-eżitu tar-rieżami mitlub.
Artikolu 9
Dħul fis-Seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-11 ta' Diċembru 2018.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(2) Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(6) Ir-ritenzjoni tal-fajls fil-Kummissjoni hija regolata mil-lista komuni ta' ritenzjoni, dokument regolatorju (l-aħħar verżjoni hija SEC(2012) 713) fil-forma ta' skeda ta' ritenzjoni li tistabbilixxi l-perjodi ta' ritenzjoni għat-tipi differenti ta' fajls tal-Kummissjoni.
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(11) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).