Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0569

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/569 tat-12 ta' April 2018 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo

ĠU L 95, 13.4.2018, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/569/oj

13.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/21


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/569

tat-12 ta' April 2018

li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(2)

Wara r-rieżami tal-miżuri restrittivi awtonomi stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, jenħtieġ li jiġu emendati d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet relatati ma' żewġ persuni.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK huwa b'dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

T. DONCHEV


(1)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30.


ANNESS

L-entrati li jikkonċernaw il-persuni elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

“10.

Alex Kande Mupompa, Eks-Gvernatur ta' Kasai Central

Magħruf ukoll bħala Alexandre Kande Mupomba; Kande-Mupompa.

Data tat-twelid: 23.9.1950.

Post tat-twelid: Kananga (RDK).

Numru tal-passaport tar-RDK: OP 0024910 (validu: 21.3.2016 — skadenza: 20.3.2021).

Indirizz: Messidorlaan 217/25, 1180 Uccle, il-Belġju

Nazzjonalitajiet Kongoliża u Belġjana

Bħala Gvernatur ta' Kasai Central sa Ottubru 2017, Alex Kande Mupompa kien responsabbli għall-użu sproporzjonat tal-forza, repressjoni vjolenti u qtil extraġudizzjarju mwettqa mill-forzi tas-sigurtà u l-PNC f'Kasai Central minn Awwissu 2016, inkluż qtil fit-territorju ta' Dibaya fi Frar 2017.

Alex Kande Mupompa kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

29.5.2017

12.

Lambert Mende, Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir, u kelliem tal-Gvern

Magħruf ukoll bħala Lambert Mende Omalanga

Data tat-twelid: 11.2.1953. Post tat-twelid: Okolo (RDK).

Numru tal-passaport diplomatiku: DB0001939 (maħruġ: 4.5.2017 — skadenza: 3.5.2022).

Nazzjonalità Kongoliża.

Bħala Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir mill-2008, Lambert Mende huwa responsabbli għall-politika repressiva applikata għall-mezzi tax-xandir fir-RDK, li tikser id-dritt tal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni u ddgħajjef il-kisba ta' soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-elezzjonijiet fir-RDK. Fit-12 ta' Novembru 2016, huwa adotta digriet li jillimita l-possibbiltà li mezzi tax-xandir barranin ixandru fir-RDK.

Bi ksur tal-ftehim politiku milħuq fil-31 ta' Diċembru 2016 bejn il-maġġoranza presidenzjali u l-partiti tal-oppożizzjoni, ix-xandiriet ta' għadd ta' xandara baqgħu maqtugħin għal diversi xhur.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir, Lambert Mende huwa għalhekk responsabbli li fixkel il-kisba ta' soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-elezzjonijiet fir-RDK, inkluż b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, jew billi dgħajjef l-istat tad-dritt.

29.5.2017”


Top