Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1954

Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi

ĠU L 286, 1.11.2017, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1954/oj

1.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/9


REGOLAMENT (UE) 2017/1954 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 (2) jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

(2)

Il-format uniformi preżenti għall-permessi ta' residenza, li ilu jintuża 20 sena, jitqies bħala li ma għadux joffri sigurtà fid-dawl ta' inċidenti serji ta' falsifikazzjoni u frodi.

(3)

Jenħtieġ, għalhekk, li jiġi stabbilit disinn komuni ġdid għall-permessi ta' residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, b'karatteristiċi ta' sigurtà aktar moderni sabiex tali permessi jsiru aktar siguri u biex tiġi evitata l-falsifikazzjoni.

(4)

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom permess ta' residenza validu mfassal skont il-format uniformi maħruġ minn wieħed mill-Istati Membri li japplikaw b'mod sħiħ l-Acquis ta' Schengen għandhom id-dritt ta' moviment liberu għal mhux aktar minn 90 jum fiż-żona Schengen, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dħul imsemmija fir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen).

(5)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi tistabbilixxi skemi li jagħtu drittijiet ta' mobbiltà addizzjonali, b'kondizzjonijiet speċifiċi għad-dħul u s-soġġorn fi Stati Membri li huma marbuta b'dak l-acquis. Il-permessi ta' residenza maħruġa f'konformità ma' dik il-leġiżlazzjoni jużaw il-format uniformi stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002. Għalhekk, biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jidentifikaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jibbenefikaw minn dawk id-drittijiet speċifiċi ta' mobbiltà, huwa importanti li dawk il-permessi ta' residenza juru b'mod ċar l-annotazzjonijiet rilevanti, bħal “riċerkatur”, “student” jew “ICT” f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

(6)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar ir-Regolament jekk hijiex ser timplimenta dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħha.

(7)

B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhux qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.

(8)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen, rispettivament, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(9)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (4), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5).

(10)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (6), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7).

(11)

Fir-rigward ta' Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis  (8) ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (9).

(12)

Biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-ħażniet eżistenti ta' permessi ta' residenza, jeħtieġ li jkun hemm perijodu tranżitorju li matulu l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jużaw il-permessi ta' residenza l-antiki.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 huwa sostitwit bl-immaġni u bit-test li jinsabu fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-permessi ta' residenza li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1030/2002, li huma applikabbli sad-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, jistgħu jinħarġu sa sitt xhur wara dik id-data.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn 15-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Ottubru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2017.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(8)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

ANNESS

XBIEHA TA' QUDDIEM U TA' WARA TAL-KARD

Image

Image

(a)   Deskrizzjoni

Il-permess ta' residenza, inklużi l-elementi bijometriċi, għandu jiġi prodott bħala dokument separat fil-format ID 1. Dan għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti fid-dokument ICAO dwar dokumenti tal-ivjaġġar li jinqraw mill-magni (Dokument 9303, is-seba' edizzjoni, 2015). Għandu jkollu dan li ġej (1):

 

Xbieha ta' quddiem tal-kard:

1.

Il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ittri tal-Istat Membru emittenti kif stabbilit fid-Dokument ICAO 9303 dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw mill-magni, integrata fl-istampar tal-isfond.

2.

Is-simbolu ICAO għal dokument tal-ivvjaġġar li jinqara mill-magni b'mikroċippa ta' bla kuntatt (simbolu e-MRTD), b'kuluri li jvarjaw ottikament. L-ilwien jidhru differenti skont mil-liema naħa wieħed iħares lejhom.

3.1.

It-titolu tad-dokument (Permess ta' Residenza) għandu jidher fil-lingwa/i tal-Istat Membru emittenti.

3.2.

Repetizzjoni tat-titolu tad-dokument imsemmi fil-kaxxa 3.1, f'mill-inqas lingwa waħda oħra (massimu ta' tnejn) uffiċjali tal-istituzzjonijet tal-Unjoni, sabiex jiġi ffaċilitat li l-kard tingħaraf bħala permess ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.1.

In-numru tad-dokument.

4.2.

Repetizzjoni tan-numru tad-dokument (b'karatteristiċi ta' sigurtà speċjali).

5.

In-Numru tal-Kard ta' Aċċess (CAN).

L-intestaturi tal-annotazzjonijiet 6 sa 12 għandhom jidhru fil-lingwa/i tal-Istat Membru emittenti. L-Istat Membru emittenti jista' jżid xi lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-istess linja, sa total ta' mhux aktar minn żewġ lingwi.

6.

Isem: kunjom(ijiet) u l-ewwel isem(ismijiet), f'dik l-ordni (2).

7.

Sess.

8.

Nazzjonalità.

9.

Data tat-twelid.

10.

Tip ta' permess: it-tip speċifiku ta' permess ta' residenza maħruġ mill-Istat Membru liċ-ċittadin ta' pajjiż terz. Il-permess ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni Ewropea li ma jkunx eżerċita d-dritt ta' moviment liberu għandu jkollu l-annotazzjoni “membru tal-familja”. Fil-każ ta' benefiċjarji skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu “benefiċjarji taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE”.

11.

Id-data tal-iskadenza tad-dokument (4).

12.

Rimarki: l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu d-dettalji u l-osservazzjonijiet għall-użu nazzjonali kif meħtieġa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluż osservazzjonijiet dwar kwalunkwe permess għax-xogħol jew validità illimitata tal-permess għal soġġorn (5).

13.

Ritratt tal-identità għandu jkun integrat b'mod sigur fl-istruttura tal-kard u ssiġillat permezz ta' element difrattiv ta' immaġni ottikament varjabbli (DOVID).

14.

Firma tad-detentur

15.

DOVID għall-protezzjoni tar-ritratt.

 

Xbieha ta' wara tal-kard:

16.

Rimarki: l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu d-dettalji u l-osservazzjonijiet għall-użu nazzjonali kif meħtieġa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ċittadini ta' pajjiż terz, inkluż osservazzjonijiet relatati ma' kwalunkwe permess għax-xogħol (6), segwiti minn żewġ annotazzjonijiet mandatorji:

16.1.

Data tal-ħruġ, post tal-ħruġ/ awtorità emittenti: Id-data u l-post tal-ħruġ tal-permess ta' residenza. Fejn ikun xieraq, il-post tal-ħruġ jista' jiġi sostitwit b'referenza għall-awtorità emittenti.

16.2.

Post tat-twelid.

L-annotazzjonijiet 16.1 u 16.2 jistgħu jiġu segwiti minn annotazzjonijiet fakultattivi (7) bħal ma huma l-“Indirizz tad-detentur”.

16.3.

Kaxxa fakultattiva għall-informazzjoni relatata mal-produzzjoni tal-kard, bħall-isem tal-produttur, in-numru tal-verżjoni, eċċ.

17.

Il-parti li tinqara mill-magni. Il-parti li tinqara mill-magni għandha tkun konformi mal-linji-gwida rilevanti tal-ICAO stabbiliti fid-Dokument ICAO 9303 dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw mill-magni.

18.

Il-parti stampata għandu jkollha l-emblema nazzjonali tal-Istat Membru biex jintgħaraf il-permess ta' residenza u tiġi pprovduta ċertezza dwar l-oriġini nazzjonali tagħha.

19.

Il-parti li tinqara mill-magni għandu jkollha test stampat fl-isfond tal-istampar li jindika l-Istat Membru emittenti. Dan it-test ma għandux jaffettwa l-karatteristiċi tekniċi tal-parti li tinqara mill-magni.

Karatteristiċi ta' sigurtà viżibbli nazzjonali (mingħajr preġudizzju għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 2(1)(f) ta' dan ir-Regolament):

20.

Ċippa RF għandha tiġi użata bħala mezz ta' ħażna f'konformità mal-Artikolu 4a ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu wkoll jinkorporaw fil-permess ta' residenza interfaċċa doppja jew ċippa ta' kuntatt separata għall-użu nazzjonali. Tali ċippijiet ta' kuntatt għandhom jitpoġġew fuq ix-xbieha ta' wara tal-kard, ikunu konformi mal-istandards ISO u ma għandhom bl-ebda mod jinterferixxu maċ-ċippa RF.

21.

Tieqa trasparenti fakultattiva.

22.

Bordura trasparenti fakultattiva.

(b)   Kulur, proċess tal-istampar

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kulur u l-proċess tal-istampar skont il-format uniformi stabbilit f'dan l-Anness u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali li jridu jkunu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

(c)   Materjal

Il-kard għandha tkun magħmula kollha kemm hi minn polikarbonat jew xi polimeru sintetiku ekwivalenti (li jibqa' tajjeb għal mill-anqas 10 snin).

(d)   Tekniki ta' stampar

It-tekniki tal-istampar li ġejjin għandhom ikunu użati:

Stampar offset tal-isfond, b'sigurtà qawwija;

Stampar fluworexxenti taħt l-UV;

Stampar qawsalla.

Id-disinn ta' sigurtà fuq ix-xbieha ta' quddiem tal-kard għandu jkun distingwibbli minn dak fuq ix-xbieha ta' wara tal-kard.

(e)   Enumerazzjoni

In-numru tad-dokument għandu jidher f'aktar minn pożizzjoni waħda fuq id-dokument (eskluża l-parti li tinqara mill-magni).

(f)   Protezzjoni kontra l-ikkuppjar

DOVID imtejba li tipprovdi kwalità ta' identifikazzjoni u livell ta' sigurtà mhux anqas mill-element użat fil-format uniformi kurrenti għall-viżi għandha tintuża fuq ix-xbieha ta' quddiem tal-permess ta' residenza b'disinn u elementi avvanzati, inkluż element difrattiv imtejjeb għal verifikazzjoni avvanzata bil-magni.

(g)   Teknika ta' personalizzazzjoni

Biex ikun żgurat li d-data tal-permess ta' residenza tkun imħarsa kif imiss minn tentattivi ta' falsifikazzjoni, id-data bijografika inkluż ir-ritratt, il-firma tad-detentur u d-data l-oħra prinċipali għandhom ikunu integrati fil-materjal bażiku tad-dokument. Din il-personalizzazzjoni għandha ssir billi tintuza teknoloġija tal-inċiżjoni bil-lejżer jew xi teknoloġija sigura ekwivalenti oħra.

(h)   L-Istati Membri jistgħu jżidu wkoll karatteristiċi addizzjonali ta' sigurtà nazzjonali, dment li dawn jiġu inklużi fil-lista stabbilita taħt l-Artikolu 2(1)(f) ta' dan ir-Regolament, li jkunu konformi mad-dehra armonizzata tal-mudelli hawn fuq u li l-effiċjenza tal-karatteristiċi uniformi tas-sigurtà ma titnaqqasx.


(1)  L-intestaturi li jridu jiġu stampati huma speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament.

(2)  Għall-kunjomijiet u l-ismijiet hija assenjata kaxxa waħda. Il-kunjomijiet għandhom jiddaħħlu b'ittri kbar; l-ismijiet b'ittri żgħar iżda l-ewwel ittra tkun kbira. Ma għandu jkun hemm l-ebda simbolu li jissepara l-kunjomijiet u l-ismijiet. Madankollu, il-karattru “,” jista' jitpoġġa bħala simbolu li jissepara bejn l-ewwel u t-tieni kunjomijiet jew ismijiet (pereżempju: TOLEDO, BURGOS Ana, Maria). Jekk ikun neċessarju, l-ewwel u t-tieni kunjomijiet jistgħu jiġu kkombinati fl-istess linja, kif ukoll il-kunjomijiet u l-ismijiet, sabiex jiġi ffrankat l-ispazju.

(3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)  L-annotazzjoni għandha ssir biss f'format ta' data (jj/xx/ssss) u mhux bi kliem bħal ma huma “temporanju” jew “illimitat” minħabba l-fatt li d-data ta' skadenza tirreferi għad-dokument stess u mhux għad-dritt għal residenza.

(5)  Ir-rimarki addizzjonali jistgħu jiddaħħlu wkoll fil-linja 16 (“Rimarki”) fuq ix-xbieha ta' wara tal-kard.

(6)  L-ispazju kollu disponibbli fuq ix-xbieha ta' wara tal-kard (ħlief għall-parti li tinqara mill-magni) għandu jiġi riżervat għall-kaxxa tar-“Rimarki”. Ikun fih ir-rimarki reali, segwit mill-kaxex bl-informazzjoni obbligatorja (id-data tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ/l-awtorità emittenti, il-post tat-twelid), u segwiti mill-kaxex fakultattivi li kull Stat Membru jenħtieġ.

(7)  L-annotazzjonijiet fakultattivi jridu jkunu preċeduti minn sottotitoli.


Top