Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1123

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

ĠU L 163, 24.6.2017, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1123/oj

24.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2017/1123

tal-20 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014–2020 (QFP) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (1) l-istrumenti speċjali ntużaw b'mod estensiv biex jindirizzaw sfidi ġodda li tfaċċaw fil-viċinat Ewropew u li kienu jeħtieġu azzjoni rapida u komprensiva tal-Unjoni sabiex jiġu ttrattati l-implikazzjonijiet umanitarji u ta' sigurtà estensivi tagħhom.

(2)

Iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dawk il-miżuri straordinarji u għall-ħtieġa li tittieħed aktar azzjoni jippersistu, kif muri mill-użu li sar, għal darba oħra, fil-baġit għas-sena 2017, ta' marġini u strumenti speċjali, li jnaqqas id-disponibbiltajiet baġitarji biex jiġu ffaċċjati sitwazzjonijiet ta' dan it-tip fil-perijodu li jifdal tal-QFP.

(3)

Sabiex tiġi implimentata flessibbiltà speċifika u massima, u sabiex jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet tal-pagamenti jkunu suffiċjenti biex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-ammonti massimi stabbiliti għall-aġġustament tal-limiti ta' pagament għas-snin 2019-2020 fil-marġini globali għall-pagamenti jeħtieġ li jiżdiedu.

(4)

Sabiex tinżamm biżżejjed kapaċità biex l-Unjoni twieġeb għal ċirkostanzi mhux mistennija b'attenzjoni partikolari fuq l-isfidi l-ġodda, ir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u l-Istrument ta' Flessibbiltà għandhom jissaħħu, ir-restrizzjonijiet temporali fir-rigward tal-kostituzzjonii tal-marġini globali għall-impenji għandhom jitneħħew u l-kamp ta' applikazzjoni tal-marġini globali għall-impenji għandu jikber.

(5)

Għandha tiġi żgurata wkoll flessibbiltà speċifika u massima billi jiġi previst li ammonti mhux użati mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jsiru disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 9 sa 15 għandhom jiżguraw il-flessibbiltà tal-QFP u għandhom ikunu stabbiliti sabiex jippermettu li l-proċedura baġitarja taħdem bla xkiel. L-approprjazzjonijiet għall-impenji jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-intestaturi rilevanti stabbiliti fil-QFP fejn ikun neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, mill-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, mill-Istrument tal-Flessibbiltà, mill-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, mill-Marġini ta' Kontinġenza, mill-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex tissaħħaħ ir-riċerka u l-marġini globali għall-impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ, u għall-migrazzjoni u miżuri ta' sigurtà, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (*1), ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba (*3).

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855)."

(*3)  Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).”."

(2)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-aġġustamenti annwali ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi li ġejjin (prezzijiet tal-2011) għas-snin 2018-2020 meta mqabbla mal-limitu massimu tal-pagament oriġinali tas-snin rilevanti:

 

2018 - EUR 7 biljuni

 

2019 - EUR 11-il biljun

 

2020 - EUR 13-il biljun.”.

(3)

Fl-Artikolu 6(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

kalkolu tal-ammonti li għandhom ikunu disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1).”.

(4)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-ammont annwali tar-Riżerva huwa stabbilit għal EUR 300 miljun (prezzijiet tal-2011) u jista' jintuża sas-sena n + 1 f'konformità mar-Regolament Finanzjarju. Ir-Riżerva għandha tiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni. Għandu jintuża l-ewwel il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n + 1 jiskadi.”.

(5)

L-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Strument ta' Flessibbiltà

1.   L-Istrument ta' Flessibbiltà hu maħsub biex jippermetti l-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli ta' intestatura waħda jew aktar. Soġġett għat-tieni subparagrafu, għandu jkun hemm limitu massimu ta' EUR 600 miljun (prezzijiet tal-2011) għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà.

Kull sena, mill-2017 'il quddiem, l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jiżdied:

(a)

b'ammont ekwivalenti għall-porzjon tal-ammont annwali għall-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea li jkun skada fis-sena ta' qabel skont l-Artikolu 10(1);

(b)

b'ammont ekwivalenti għall-porzjon tal-ammont annwali għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li jkun skada fis-sena ta' qabel.

L-ammonti li jsiru disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà skont it-tieni subparagrafu għandhom jintużaw skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Il-porzjon li ma jintużax tal-ammont annwali tal-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jintuża sas-sena n + 3. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin ta' qabel għandu jintuża l-ewwel, skont iż-żmien. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n + 3 jiskadi.”.

(6)

L-Artikolu 14 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 14

Marġini globali għal impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ, u għall-migrazzjoni u miżuri ta' sigurtà

1.   Il-marġini li għadhom disponibbli taħt il-limitu massimu tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom jikkostitwixxu Marġini Globali tal-QFP għall-impenji, li għandhom isiru disponibbli barra mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal għanijiet ta' politika marbuta mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ, u mal-migrazzjoni u s-sigurtà.

2.   Kull sena, bħala parti mill-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont disponibbli. Il-Marġini Globali tal-QFP jew parti minnu jista' jiġi mmobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja skont l-Artikolu 314 tat-TFUE.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

H. DALLI


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


Top