Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0270

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/270 tas-16 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfuryl fluoride (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/1028

    ĠU L 40, 17.2.2017, p. 48–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/270/oj

    17.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 40/48


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/270

    tas-16 ta' Frar 2017

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfuryl fluoride

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/38/UE (2) tipprovdi aktar informazzjoni ta' konferma dwar l-istimi tat-tul tal-ħajja tal-sulfuryl fluoride fl-atmosfera, il-konċentrazzjonijiet troposferiċi tal-sulfuryl fluoride u l-kundizzjonijiet tat-tħin, meħtieġa biex jiġi żgurat li r-reżidwi tal-jon tal-fluoride fiċ-ċereali ma jeċċedux il-levelli ta' sfond naturali.

    (2)

    Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3) jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

    (3)

    In-notifikatur ressaq informazzjoni addizzjonali bl-għan li tiġi kkonfermata l-valutazzjoni tar-riskju dwar id-destin tat-tul tal-ħajja tas-sulfuryl fluoride fl-atmosfera u r-residwi tal-jon tal-fluoride fi prodotti tat-tħin preżenti fil-makkinarju waqt il-fumigazzjoni.

    (4)

    Ir-Renju Unit wettaq valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mressqa min-notifikatur. Ir-Renju Unit ippreżenta l-valutazzjoni tiegħu, fil-forma ta' addendum tal-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”, fl-4 ta' Ġunju 2015.

    (5)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont l-informazzjoni addizzjonali pprovduta min-notifikatur, ma setax jiġi eskluż li l-livelli ta' residwi fi prodotti tat-tħin preżenti fil-makkinarju waqt il-fumigazzjoni jistgħu ikunu ogħla mill-konċentrazzjoni ta' sfond naturali għall-jon tal-fluworur jew li ma jissodisfawx il-livelli massimi ta' residwi rilevanti. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni għandhom jiġu emendati sabiex jiġi żgurat li l-prodotti tat-tħin preżenti fil-faċilitajiet ta' trattament dejjem ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Barra minn hekk, l-EFSA qieset li l-informazzjoni mressqa ma wrietx l-istat stabbli tas-sulfuryl fluoride fit-troposfera; konsegwentement, hemm ukoll il-ħtieġa għal aktar monitoraġġ tal-konċentrazzjonijiet troposferiċi ta' din is-sustanza attiva sakemm l-istat stabbli ikun ġie ppruvat għalkollox u din l-informazzjoni tiġi ppreżentata f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fuq bażi regolari, kull ħames snin.

    (6)

    Is-sulfuryl fluoride huwa approvat ukoll bħala sustanza attiva bijoċidali skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/84/KE (6). Minħabba l-istess tħassib dwar id-destin ambjentali tas-sulfuryl fluoride bħal fil-każ tal-użu bħala pestiċida, kienet meħtieġa informazzjoni addizzjonali li tinkludi l-monitoraġġ tal-konċentrazzjonijiet troposferiċi. Id-dati tat-tressiq tal-informazzjoni għandhom ikunu l-istess, sabiex jiġi evitat xogħol żejjed u jiġi razzjonalizzat il-proċess ta' valutazzjoni.

    (7)

    Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (8)

    L-applikant ingħata l-opportunità li jibgħat il-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta' reviżjoni.

    (9)

    L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sulfuryl fluoride li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ristretti.

    (10)

    Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sulfuryl fluoride, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Miżuri tranżizzjonali

    F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sulfuryl fluoride bħala sustanza attiva sad-9 ta' Settembru 2017..

    Artikolu 3

    Perjodu ta' grazzja

    Kull perjodu ta' grazzja mogħti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux iktar tard minn 12-il xahar wara r-restrizzjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni rispettiva.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Frar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/38/UE tat-18 ta' Ġunju 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġi inkluż is-sulfuryl fluoride bħala sustanza attiva (ĠU L 154, 19.6.2010, p. 21).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/84/KE tat-28 ta' Lulju 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-fluworid tas-sulfuril bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 67).


    ANNESS

    Il-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 307, sulfuryl fluoride, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 tinbidel b'dan li ġej:

    “PARTI A

    Jista' jiġi awtorizzat biss biex jintuża bħala insettiċida/nematiċida (fumigant) applikat minn nies professjonali fi strutturi li jistgħu jkunu ssiġillati fil-każijiet biss fejn:

    (a)

    dawn l-istrutturi huma vojta; jew

    (b)

    meta f'faċilità ffumigata jkun hemm prodotti tal-ikel jew tal-għalf, l-utenti u l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jiżguraw li l-prodotti tal-ikel jew tal-għalf li jkunu konformi mal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għas-sulfuryl fluoride u l-jon tal-fluoride stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jistgħu jidħlu fil-katina tal-ikel u tal-għalf; għal dan l-għan, l-utenti u l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jimplimentaw bis-sħiħ miżuri ekwivalenti għall-prinċipji tal-HACCP kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2); B'mod partikolari, l-utenti għandhom jidentifikaw il-punti ta' kontroll kritiċi li fihom il-kontroll huwa essenzjali sabiex jipprevjenu milli jinqabżu l-livelli massimi ta' residwi, u sabiex jiġu stabbiliti u implimentati proċeduri ta' monitoraġġ effettivi f'dak il-punt ta' kontroll kritiku.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar is-sulfuryl fluoride, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fis-7 ta' Diċembru 2016.

    F'din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

    għar-riskju tal-fluoride inorganiku permezz ta' prodotti kkontaminati, bħad-dqiq u n-nuħħala li jibqgħu fil-makkinarju tal-mitħna waqt il-fumigazzjoni, jew permezz ta' qmuħ li jkunu maħżuna f'sajlos fil-mitħna. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li fil-katina tal-ikel jew tal-għalf jidħlu biss prodotti li jkunu konformi mal-MRLs eżistenti;

    għar-riskju għall-operaturi u għall-ħaddiema, pereżempju meta jidħlu mill-ġdid f'bini ffumigat wara l-arjazzjoni. Huma meħtieġa miżuri li jiżguraw li dawn jilbsu apparat li jistgħu jieħdu n-nifs minnu jew xi apparat personali protettiv xieraq ieħor;

    għar-riskju għal min jinzerta jkun fil-viċinanzi, billi japplikaw żona xierqa ta' esklużjoni madwar il-bini ffumigat.

    Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju.

    Kull ħames snin in-notifikatur għandu jressaq quddiem il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Awtorità, dejta ta' monitoraġġ dwar il-konċentrazzjonijiet troposferiċi tas-sulfuryl fluoride, li jibdew mit-30 ta' Ġunju 2017. Il-limitu ta' detezzjoni għall-analiżi għandu jkun tal-anqas 0,5 ppt (ekwivalenti għal 2,1 ng sulfuryl fluoride/m3 ta' arja troposferika).



    Top