Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L2108

Direttiva (UE) 2017/2108 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

ĠU L 315, 30.11.2017, p. 40–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/2108/oj

30.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/40


DIRETTIVA (UE) 2017/2108 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Novembru 2017

li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Biex jinżamm livell għoli ta' sikurezza, u b'hekk il-fiduċja tal-passiġġieri, previsti mill-istandards komuni tas-sikurezza ddefiniti mid-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u biex jiġu ppreservati kondizzjonijiet ekwi, jenħtieġ titjieb l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva. Jenħtieġ li d-Direttiva 2009/45/KE tapplika biss għall-vapuri tal-passiġġieri u l-inġenji tal-baħar li għalihom tfasslu l-istandards ta' sigurtà ta' dik id-Direttiva. Għalhekk jenħtieġ li għadd ta' tipi speċifiċi ta' vapuri jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva, u b'mod partikolari tenders, vapuri bil-qlugħ u vapuri li jittrasportaw, pereżempju lejn istallazzjonijiet offshore, il-persunal li ma huwiex involut fin-negozju tal-vapur.

(2)

It-tenders li jinġarru fuq vapur jintużaw għat-trasferiment ta' passiġġieri minn vapuri tal-passiġġieri direttament lejn ix-xatt u lura, filwaqt li tittieħed l-iqsar rotta sikura tal-baħar. Dawn mhumiex adegwati, u jenħtieġ li ma jintużawx, għal tipi oħra ta' servizzi bħal eskursjonijiet għal veduti kostali. Tali eskursjonijiet jenħtieġ li jitwettqu minn vapuri li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal vapuri tal-passiġġieri tal-Istat kostali, kif iddikjarat inter alia fil-linji gwida tal-OMI (MSC.1/Circ. 1417 dwar il-Linji Gwida għat-tenders tal-vapuri tal-passiġġieri). Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu diskussjoni fi ħdan l-OMI, bl-għan li jiġu rieżaminati l-linji gwida sabiex tiżdied is-sikurezza. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li l-linji gwida jsiru obbligatorji.

(3)

Id-Direttiva 2009/45/KE teskludi l-vapuri tal-passiġġieri li ma jitħaddmux b'mezzi mekkaniċi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Jenħtieġ li l-vapuri bil-qlugħ ma jiġux iċċertifikati f'konformità ma' dik id-Direttiva meta l-propulsjoni mekkanika tagħhom tkun maħsuba għall-użu awżiljarju u ta' emerġenza biss. Jenħtieġ, għalhekk, li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' rekwiżiti komuni Ewropej għal din il-kategorija ta' vapuri tal-passiġġieri sal-2020.

(4)

L-installazzjonijiet offshore huma moqdija minn bastimenti li jittrasportaw lill-persunal industrijali. Dan il-persunal industrijali huwa meħtieġ itemm b'suċċess kors ta' taħriġ obbligatorju dwar is-sikurezza u jissodisfa ċerti kriterji obbligatorji fir-rigward tas-saħħa medika. Jenħtieġ, għalhekk, li dan il-persunal jiġi kopert minn regoli differenti u speċifiċi dwar is-sikurezza li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jappoġġjaw b'mod attiv il-ħidma tal-OMI li għaddejja fil-qasam tal-istandards ta' sikurezza għall-bastimenti fuq il-baħar flimkien mar-riżoluzzjoni MSC.418(97) tal-OMI.

(5)

Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) wera li mhux l-Istati Membri kollha jiċċertifikaw il-vapuri tal-aluminju skont id-Direttiva 2009/45/KE. Dan joħloq sitwazzjoni mhux ugwali li timmina l-għan tal-kisba ta' livell ta' sikurezza għoli, komuni għall-passiġġieri li jbaħħru b'mod domestiku fl-Unjoni. Biex tiġi evitata l-applikazzjoni mhux uniformi li tirriżulta minn interpretazzjonijiet differenti tad-definizzjoni ta' aluminju bħala materjal ekwivalenti u l-applikabbiltà tal-istandards korrispondenti għas-sikurezza kontra n-nirien, li jwassal għal interpretazzjonijiet differenti tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, jenħtieġ li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta' “materjal ekwivalenti” fid-Direttiva 2009/45/KE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jagħżlu miżuri aktar stretti għall-prevenzjoni tan-nirien f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar rekwiżiti ta' sigurtà addizzjonali.

(6)

Numru sinifikanti ta' vapuri tal-passiġġieri mibnijin b'liga tal-aluminju jipprovdu konnessjonijiet marittimi regolari u frekwenti bejn portijiet differenti fi ħdan Stat Membru. Minħabba l-fatt li konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva jkollha konsegwenzi serji għal tali operazzjonijiet ta' trasport u l-kondizzjonijiet soċjoekonomiċi relatati kif ukoll implikazzjonijiet finanzjarji u tekniċi għal vapuri eżistenti u ġodda, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jkollhom il-possibilità li japplikaw, għal perijodu limitat ta' żmien, il-liġi nazzjonali għal tali vapuri tal-passiġġieri, filwaqt li jiġi żgurat li jinżamm b'mod adegwat il-livell ta' sigurtà.

(7)

Bil-ħsieb li jiżdiedu ċ-ċarezza u l-konsistenza legali, u b'hekk jiżdied il-livell ta' sikurezza, jenħtieġ li għadd ta' definizzjonijiet u referenzi jiġu aġġornati u allinjati aktar mar-regoli internazzjonali jew tal-Unjoni relatati. Biex dan iseħħ, jenħtieġ tingħata attenzjoni speċjali biex ma jinbidilx il-kamp ta' applikazzjoni eżistenti tad-Direttiva 2009/45/KE. B'mod partikolari, jenħtieġ li d-definizzjoni ta' vapur tradizzjonali tiġi allinjata aħjar mad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), filwaqt li jiġu ppreservati l-kriterji attwali tas-sena tal-bini u t-tip ta' materjal. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' jott u inġenju tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment tiġi allinjata aħjar mal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 (il-Konvenzjoni SOLAS tal-1974).

(8)

Fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità, ir-rekwiżiti preskrittivi attwali li joħorġu mill-Konvenzjoni SOLAS tal-1974 wrew li huma diffiċli biex jiġu adattati għal vapuri tal-passiġġieri żgħar ta' taħt l-24 metru fit-tul. Barra minn hekk, vapuri żgħar huma primarjament mibnija b'materjali oħra għajr l-azzar. Għalhekk, numru limitat ħafna biss minn dawn il-vapuri ġie għalhekk iċċertifikat skont id-Direttiva 2009/45/KE. Fin-nuqqas ta' tħassib speċifiku dwar is-sigurtà u standards adegwati previsti mid-Direttiva 2009/45/KE, il-vapuri ta' taħt l-24 metru fit-tul jenħtieġ għalhekk jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva u jenħtieġ li jkunu soġġetti għal standards speċifiċi ta' sigurtà determinati mill-Istati Membri, li jkunu f'pożizzjoni aħjar biex jivvalutaw il-limitazzjonijiet lokali dwar in-navigazzjoni għal dawk il-vapuri f'termini ta' distanza sal-kosta jew il-port u l-kondizzjonijiet tat-temp. Fid-determinazzjoni ta' dawk l-istandards, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kont tal-linji gwida li ser jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk il-linji gwida jqisu kwalunkwe ftehim u konvenzjoni internazzjonali mill-OMI, kif xieraq, u jevitaw li jdaħħlu rekwiżiti addizzjonali li jmorru lil hinn mir-regoli internazzjonali eżistenti. Il-Kummissjoni hija mistiedna tadotta tali linji gwida kemm jista' jkun malajr.

(9)

Biex jiġu ssimplifikati aktar id-definizzjonijiet taż-żoni tal-baħar previsti mid-Direttiva 2009/45/KE u biex jiġi mminimizzat il-piż fuq l-Istati Membri, jenħtieġ li kriterji bla użu jew inadegwati jitneħħew. Filwaqt li jinżamm il-livell ta' sikurezza, jenħtieġ li d-definizzjoni ta' żoni tal-baħar li fiha jistgħu joperaw vapuri tal-Klassi C u D tiġi ssimplifikata billi jitneħħa l-kriterju ta' “fejn in-nawfragi jkunu jistgħu jilħqu l-art” u billi titneħħa d-“distanza sal-lok ta' rifuġju” għall-finijiet tad-definizzjoni taż-żoni tal-baħar. L-adegwatezza ta' kosta partikolari bħala lok ta' rifuġju hija parametru dinamiku li jista' jiġi vvalutat biss fuq bażi ta' każ b'każ mill-Istati Membri. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li kwalunkwe restrizzjoni operazzjonali għal vapur partikolari relatata mad-distanza tiegħu minn lok ta' rifuġju titniżżel fiċ-Ċertifikat tas-Sigurtà ta' Vapur tal-Passiġġieri.

(10)

Minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi u klimatiċi speċifiċi u l-għadd kbir ta' gżejjer li jenħtieġ li jiġu moqdija b'mod regolari u ta' spiss fil-Greċja, kemm mal-kontinent jew bejniethom, u minħabba l-għadd kbir ta' konnessjonijiet marittimi possibbli li jirriżultaw, jenħtieġ li l-Greċja titħalla tidderoga mir-rekwiżit li tistabbilixxi żoni tal-baħar. Minflok, jenħtieġ li l-Greċja titħalla tikklassifika vapuri tal-passiġġieri skont ir-rotta tal-baħar speċifika li fiha joperaw, filwaqt li żżomm l-istess kriterji għal klassijiet ta' vapuri tal-passiġġieri u l-istess standards ta' sigurtà

(11)

Biex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati tad-dispożizzjonijiet attwali, li skonthom vapuri tal-merkanzija konvertiti jistgħu ma jitqisux bħala vapuri ġodda tal-passiġġieri, jenħtieġ ikun ikkjarifikat li r-rekwiżiti tal-konverżjoni japplikaw mhux biss għal vapuri tal-passiġġieri eżistenti iżda għal kwalunkwe vapur.

(12)

Peress li, f'konformità mad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), Stat tal-port jista' jispezzjona vapur tal-passiġġieri jew inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġieri li jtajru bandiera li mhix il-bandiera tal-Istat tal-port, meta joperaw fuq vjaġġi domestiċi, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/45/KE ma jkunux aktar meħtieġa u jenħtieġ jitħassru.

(13)

Minħabba d-differenzi fl-approċċ bejn ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974 dwar l-istabbiltà tad-dannu u r-rekwiżiti speċifiċi tal-Unjoni tal-istabbiltà tal-ħsara għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro mniżżla fid-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jenħtieġ li l-ħtieġa tad-Direttiva 2003/25/KE u l-valur miżjud tagħha jiġu vvalutati abbażi ta' jekk dawk ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974 jiżgurawx l-istess livell ta' sikurezza.

(14)

Biex tiżdied it-trasparenza u tiġi ffaċilitata n-notifika ta' eżenzjonijiet, ekwivalenzi u miżuri addizzjonali ta' sikurezza mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-bażi ta' data jiġi stabbilit u miżmum mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li jinkludi l-miżuri notifikati fil-forma ta' abbozz u adottata tagħhom. Jenħtieġ li l-miżuri adottati jsiru aċċessibbli pubblikament.

(15)

Fid-dawl tat-tibdil li ġab miegħu t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jenħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex timplimenta d-Direttiva 2009/45/KE jiġu aġġornati skont dan. Jenħtieġ li l-atti implimentattivi jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(16)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u l-esperjenza u biex tiżdied it-trasparenza, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li ma jiġux applikati, għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, emendi għall-istrumenti internazzjonali, jekk meħtieġ, u tal-aġġornament tar-rekwiżiti tekniċi. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(17)

Peress li r-referenzi speċifiċi fl-Artikolu 14 għall-ħidma li għaddejja fl-OMI saru obsoleti, jenħtieġ li dak l-Artikolu jitħassar. Madankollu, l-objettivi ġenerali tal-azzjoni internazzjonali biex tittejjeb is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri u biex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ekwi għadhom rilevanti u jenħtieġ li jiġu segwiti, f'konformità mat-Trattati. Għal dak il-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jaħdmu fi ħdan il-qafas tal-OMI biex jirrieżaminaw u biex jtejbu r-regolamenti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974.

(18)

Huwa importanti li kwalunkwe piena stabbilita mill-Istati Membri tiġi implimentata kif suppost u tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.

(19)

Fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ ta' monitoraġġ taż-żjarat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE sal-21 ta' Diċembru 2026 u tippreżenta rapport dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiġbru l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għal dik l-evalwazzjoni.

(20)

Sabiex ma jiġix impost piż amministrattiv sproporzjonat fuq Stati Membri mingħajr kosta li ma jkollhomx portijiet marittimi u li ma jkollhom l-ebda vapur itajjar il-bandiera tagħhom li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, dawn l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Dan ifisser li sakemm dawk il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, mhumiex obbligati jittrasponu din id-Direttiva.

(21)

L-element uman huwa parti fundamentali mis-sikurezza tal-vapuri u l-proċeduri relatati magħha. Sabiex jinżamm livell għoli ta' sikurezza, huwa neċessarju li titqies ir-rabta bejn is-sikurezza, l-għajxien abbord il-vapuri, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ, inkluż taħriġ b'rabta mal-operazzjonijiet ta' salvataġġ u ta' emerġenza transkonfinali f'konformità mar-rekwiżiti internazzjonali. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għalhekk jenħtieġ li jaqdu rwol proattiv f'livell internazzjonali sabiex isir monitoraġġ tad-dimensjoni soċjali għall-baħħara abbord bastimenti u sabiex din tittejjeb.

(22)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' implimentazzjoni, jenħtieġ li l-EMSA tappoġġa lill-Kummissjoni u l-Istati Membri f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(23)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2009/45/KE tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/45/KE

Id-Direttiva 2009/45/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

“Konvenzjonijiet Internazzjonali” tfisser il-konvenzjonijiet li ġejjin, inklużi l-Protokolli u l-emendi għalihom, fil-verżjonijiet aġġornati tagħhom:

(i)

il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 (il-Konvenzjoni SOLAS tal-1974); u

(ii)

il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1966 dwar il-Linji ta' Tagħbija;”;

(b)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

“Kodiċi ta' Stabilità Intatta” tfisser il-“Kodiċi dwar Stabilità Intatta għat-tipi kollha ta' vapuri koperti bl-Istrumenti IMO” kontenuta fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea OMI A.749(18) tal-4 ta' Novembru 1993, jew il-“Kodiċi Internazzjonali dwar Stabilità Intatta, 2008” kontenuta fir-Riżoluzzjoni tal-OMI MSC.267(85) tal-4 ta' Diċembru 2008, fil-verżjonijiet aġġornati tagħhom;”;

(c)

il-punt (g)(ii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(ii)

il-veloċità massima tagħhom, kif iddefinita fir-Regolament 1.4.30 tal-1994 tal-Kodiċi ta' Inġenji tal-Baħar ta' Veloċità Għolja u r-Regolament 1.4.38 tal-Kodiċi ta' Inġenji tal-Baħar ta' Veloċità Għolja tal-2000, hija inqas minn 20 knot;”;

(d)

il-punt (m) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(m)

“l-għoli tal-pruwa” tfisser l-għoli tal-pruwa kif definit fir-Regolament 39 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Linji tat-Tagħbija tal-1966;”;

(e)

fil-punt (q), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(q)

“żona tal-baħar” tfisser kwalunkwe żona tal-baħar jew rotta tal-baħar stabbilita skont l-Artikolu 4;”;

(f)

il-punt (r) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(r)

“żona ta' port” tfisser żona apparti minn żona tal-baħar stabbilita skont l-Artikolu 4, definita mill-Istati Membri li għandhom ġurisdizzjoni fuqha, li testendi mix-xogħlijiet l-aktar 'il barra ta' port permanenti li jifforma parti integrali mis-sistema tal-port, jew tal-linji definiti mill-karatteristiċi naturali ġeografiċi li jipproteġu estwarju jew żona similarment protetta;”;

(g)

il-punt (s) jitħassar;

(h)

il-punt (u) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(u)

“Stat tal-port” tfisser Stat Membru li vapur jew inġenju tal-baħar, li jtajjar bandiera li ma tkunx il-bandiera ta' dak l-Istat Membru, iwettaq vjaġġi domestiċi lejn jew mill-port jew portijiet tiegħu;”;

(i)

il-punt (v) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(v)

“organizzazzjoni rikonoxxuta” ifisser organizzazzjoni rikonoxxuta skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11).”;"

(j)

il-punt (y) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(y)

“persuni b'mobbiltà mnaqqsa” tfisser persuni li jkollhom diffikultà partikolari meta jużaw it-trasport pubbliku, inklużi l-persuni anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-persuni b'debbolezzi sensorji u l-utenti tas-siġġijiet tar-roti, in-nisa tqal u l-persuni li jakkumpanjaw tfal żgħar;”

(k)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(z)

“vapur bil-qlugħ” tfisser vapur imħaddem bil-qlugħ anke jekk mgħammar bi propulsjoni mekkanika għal skopijiet awżiljari u ta' emerġenza;

(za)

“materjal ekwivalenti” tfisser liga tal-aluminju jew kwalunkwe materjal ieħor li ma jaqbadx li, minnu nnifsu jew minħabba l-insulazzjoni pprovduta, iżomm karatteristiċi strutturali u ta' integrità ekwivalenti għall-azzar fl-aħħar tal-esponiment applikabbli għat-test standard tan-nar;

(zb)

“test standard tan-nar” tfisser test li fih il-kampjuni tal-paratiji jew tal-gverti rilevanti jiġu esposti f'forn tat-test għal temperaturi li jikkorrispondu bejn wieħed u ieħor għall-kurva standard tal-ħin mat-temperatura skont il-metodu tat-test speċifikat fil-Kodiċi Internazzjonali tal-2010 tal-Proċeduri għall-Applikazzjoni tat-Test tan-Nar, li jinsab fir-Riżoluzzjoni tal-OMI MSC.307(88) tat-3 ta' Diċembru 2010, fil-verżjoni aġġornata tagħha;

(zc)

“vapur tradizzjonali” tfisser kull xorta ta' vapur tal-passiġġieri storiku ddisinjat qabel l-1965 u kopji tiegħu mibnija b'mod predominanti bil-materjali oriġinali, inkluż dawk iddisinjati biex jinkoraġġixxu u jippromwovu s-snajja' u l-kompetenzi tradizzjonali tal-baħar, li flimkien iservu bħala monumenti kulturali ħajja, li jitħaddmu skont il-prinċipji tradizzjonali tat-tbaħħir u tat-teknika;

(zd)

“jott għal skopijiet ta' divertiment jew inġenju tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment” tfisser bastiment mhux involut fil-kummerċ, irrispettivament mill-mezz tal-propulsjoni;

(ze)

“tender” tfisser dgħajsa li tinġarr fuq vapur użata għat-trasferiment ta' aktar minn 12-il passiġġier minn vapur tal-passiġġieri wieqaf lejn ix-xatt u lura;

(zf)

“vapur ta' servizz fuq il-baħar” tfisser vapur użat biex jittrasporta u jakkomoda persunal tal-industrija li ma jagħmilx ħidma abbord li hija essenzjali għan-negozju tal-vapur;

(zg)

“inġenju tal-baħar ta' servizz fuq il-baħar” tfisser inġenju tal-baħar użat biex jittrasporta u jakkomoda persunal tal-industrija li ma jagħmilx ħidma abbord li hija essenzjali għan-negozju tal-inġenju tal-baħar;

(zh)

“tiswijiet, alterazzjonijiet u modifiki ta' karattru estensiv” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

kull tibdil li jbiddel sostanzjalment id-dimensjonijiet ta' vapur, bħal li jtawlu billi jżidu parti minn nofs ġdida,

kull tibdil li jbiddel sostanzjalment il-kapaċità ta' vapur li jġorr il-passiġġieri, bħal li jikkonverti gverta tal-karrozzi f'akkomodazzjoni għall-passiġġieri,

kull tibdil li jżid b'mod sinifikattiv il-ħajja tal-bastiment fis-servizz, bħal li jġedded l-akkomodazzjoni tal-passiġġieri fuq gverta waħda sħiħa,

kull konverżjoni ta' kwalunkwe tip ta' vapur f'vapur tal-passiġġieri.”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal vapuri tal-passiġġieri u inġenji tal-baħar, li ġejjin hawn taħt, tkun xi tkun il-bandiera tagħhom, meta jitħaddmu fuq vjaġġi domestiċi:

(a)

vapuri ġodda u eżistenti tal-passiġġieri ta' tul ta' 24 metru jew aktar;

(b)

inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri.

Kull Stat Membru, fil-kapaċità tiegħu bħala Stat tal-port, għandu jassigura li l-vapuri tal-passiġġieri u inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, li jtajru l-bandiera ta' Stat li ma jkunx Stat Membru, jkunu konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, qabel ma jkunu jistgħu jitħaddmu fuq vjaġġi domestiċi f'dak l-Istat Membru.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

(a)

vapuri tal-passiġġieri li huma:

(i)

vapuri tal-gwerra u vapuri tat-truppi;

(ii)

vapur bil-qlugħ;

(iii)

vapuri li ma jitħaddmux b'mezzi mekkaniċi;

(iv)

vapuri li nbnew b'materjal ieħor li mhux azzar jew l-ekwivalenti u li mhumiex koperti bl-istandards li jikkonċernaw Inġenji tal-Baħar ta' Veloċità Għolja (Riżoluzzjoni MSC 36(63) jew MSC.97 (73)) jew Inġenji tal-Baħar Sostnuti b'mod Dinamiku (Riżoluzzjoni A.373 (X));

(v)

vapuri tal-injam ta' binja primittiva;

(vi)

vapuri tradizzjonali;

(vii)

jottijiet għal skopijiet ta' divertiment;

(viii)

vapuri mħaddma esklużivament f'żoni tal-port;

(ix)

vapuri ta' servizz fuq il-baħar; jew

(x)

tenders;

(b)

inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li huma:

(i)

inġenji tal-baħar tal-gwerra jew inġenji tal-baħar tat-truppi;

(ii)

inġenji tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment;

(iii)

inġenji tal-baħar imħaddma esklużivament f'żoni tal-port; jew

(iv)

inġenji tal-baħar ta' servizz fuq il-baħar.

3.   L-Istati Membri li ma għandhomx portijiet marittimi u li ma għandhomx vapuri tal-passiġġieri jew inġenji tal-baħar li jtajru l-bandiera tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta;' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-obbligu stabbilit fit-tieni subparagrafu.

Dawk l-Istati Membri li jkun beħsiebhom li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-21 ta' Diċembru 2019 jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni annwalment minn hemm' il quddiem bi kwalunkwe bidla sussegwenti. Dawn l-Istati Membri ma jistgħux jippermettu li vapuri tal-passiġġieri jew inġenji tal-baħar li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jtajru l-bandiera tagħhom qabel ma jkunu ttrasponew u implimentaw din id-Direttiva.”;

(3)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Kategorizzazzjoni taż-żoni tal-baħar u klassijiet ta' vapuri tal-passiġġieri

1.   Iż-żoni tal-baħar jinqasmu fil-kategoriji li ġejjin:

“Żona A”

tfisser żona tal-baħar barra miż-żoni B, C u D.

“Żona B”

tfisser żona tal-baħar, li l-koordinati ġeografiċi tagħha fl-ebda punt ma huma aktar minn 20 mil mil-linja tal-kosta, li tikkorrispondi għall-għoli medju tal-marea, iżda li hija barra miż-żoni C u D.

“Żona Ċ”

tfisser żona tal-baħar, li l-koordinati ġeografiċi tagħha fi kwalunkwe punt mhumiex aktar minn 5 mili mil-linja tal-kosta, li tikkorrispondi għall-għoli medju tal-marea, iżda barra miż-żona tal-baħar D jekk ikun hemm.

Barra minn hekk, il-probabbiltà tal-għoli sinifikanti tal-mewġ li jaqbeż iż-2,5 metri għandha tkun inqas minn 10 % għal perijodu ta' sena għall-ħidma matul is-sena kollha, jew għal perijodu speċifiku għall-ħidma staġjonali, bħall-ħidma tal-perijodu sajfi.

“Żona D”

tfisser żona tal-baħar, li l-koordinati ġeografiċi tagħha fi kwalunkwe punt mhumiex aktar minn 3 mili mil-linja tal-kosta, li tikkorrispondi għall-għoli medju tal-marea.

Barra minn hekk, il-probabbiltà tal-għoli sinifikanti tal-mewġ li jaqbeż il-1,5 metru għandha tkun inqas minn 10 % għal perijodu ta' sena għall-ħidma matul is-sena kollha, jew għal perijodu speċifiku għall-ħidma staġjonali, bħall-ħidma tal-perijodu sajfi.

2.   Kull Stat Membru għandu:

(a)

jistabbilixxi, u jaġġorna meta meħtieġ, lista taż-żoni tal-baħar fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu;

(b)

jiddetermina l-konfini interni taż-żona tal-baħar li huma l-eqreb tal-kosta tiegħu;

(c)

jippubblika l-lista f'bażi ta' data pubblika disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-awtorità marittima kompetenti;

(d)

jinnotifika lill-Kummissjoni bil-lokazzjoni ta' din l-informazzjoni, u meta jsiru l-modifiki għal-lista.

3.   B'deroga mill-obbligu li tistabbilixxi lista ta' żoni tal-baħar, il-Greċja tista' tistabbilixxi, u meta meħtieġ għandha taġġorna, lista ta' rotot tal-baħar li tkopri r-rotot tal-baħar fil-Greċja, billi tuża l-kriterji korrispondenti għall-kategoriji stabbiliti fil-paragrafu 1.

4.   Il-vapuri tal-passiġġieri jitqassmu fil-klassijiet li ġejjin abbażi taż-żona tal-baħar li joperaw fiha:

“Klassi A”

tfisser vapur tal-passiġġieri ingaġġat fuq vjaġġi domestiċi fiż-Żoni A, B, C u D.

“Klassi B”

tfisser vapur tal-passiġġieri ingaġġat fuq vjaġġi domestiċi fiż-Żoni B, C u D.

“Klassi C”

tfisser vapur tal-passiġġieri ingaġġat fuq vjaġġi domestiċi fiż-Żoni C u D.

“Klassi D”

tfisser vapur tal-passiġġieri ingaġġat fuq vjaġġi domestiċi fiż-Żona D.

5.   Għall-inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, għandhom japplikaw il-kategoriji definiti fil-Kapitolu 1 (1.4.10) u (1.4.11) tal-Kodiċi għall-Inġenji tal-Baħar ta' Veloċità Għolja tal-1994, jew il-Kapitolu 1 (1.4.12) u (1.4.13) tal-Kodiċi tal-Inġenji tal-Baħar ta' Veloċità Għolja tal-2000.”;

(4)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kull Stat Membru, waqt li jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta' Stat port, għandu jagħraf iċ-Ċertifikat ta' Sigurtà ta' Inġenji tal-Baħar ta' Veloċità Għolja u l-Permess għall-Operat maħruġ minn Stat Membru ieħor għall-inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, meta operati fuq vjaġġi domestiċi, jew iċ-Ċertifikat tas-Sigurtà ta' Vapur tal-Passiġġieri li għalih jirriferi l-Artikolu 13 maħruġ minn Stat Membru ieħor għall-vapuri tal-passiġġieri meta operati fuq vjaġġi domestiċi.”;

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-apparat marittimu li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti skont id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) għandu jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

(*2)  Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).”;"

(5)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-bini u l-manutenzjoni tal-qoxra, il-makkinarju prinċipali u awżiljarju, l-impjanti elettriċi u awtomatiċi għandhom jikkonformaw mal-istandards speċifikati għall-klassifikazzjoni bir-regoli ta' organizzazzjoni rikonoxxuta, jew regoli ekwivalenti użati minn amministrazzjoni taħt l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

(*3)  Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47).”;"

(ii)

il-punt (c) jitħassar;

(b)

fil-punt (b) tal-paragrafu 2,

jitħassar il-punt (ii);

il-punt (iii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(iii)

minkejja l-punt (i), vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi D huma eżentati mir-rekwiżit tal-għoli minimu tal-pruwa stabbilit fil-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1966 dwar il-Linji tat-tagħbija;”

(c)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(c)

vapuri eżistenti tal-passiġġieri tal-Klassijiet Ċ u D għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi rilevanti f'din id-Direttiva u, fir-rigward ta' materji mhux koperti b'dawk ir-rekwiżiti mar-regoli tal-Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera; dawk ir-regoli għandhom jipprovdu livell ekwivalenti ta' sikurezza bħal dawk tal-Kapitoli II-1 u II-2 tal-Anness I, waqt li jingħata akkont tal-kondizzjonijiet speċifiċi lokali ta' operazzjoni relatati maż-żoni tal-baħar li fihom il-vapuri ta' dawk il-klassijiet jingħataw permess sabiex joperaw; qabel ma vapuri eżistenti tal-passiġġieri tal-Klassijiet Ċ u D jistgħu joperaw fuq vjaġġi domestiċi regolari fi Stat tal-port, l-Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera għandha tikseb qbil mill-Istat tal-port rigward tali regoli;

(d)

fejn Stat Membru jkun tal-fehma li r-regoli meħtieġa mill-Amministrazzjoni tal-Istat tal-port taħt il-punt (c) ta' dan il-paragrafu ma jkunux raġonevoli, għandu minnufih javża lill-Kummissjoni b'dan. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, li jkun fihom id-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawk ir-regoli humiex raġonevoli. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

(ii)

il-punti (e) u (f) jitħassru;

(d)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a), it-tielet inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tas-Sigurtà għal Inġenji tal-Baħar Sostnuti b'mod Dinamiku (Kodiċi DSC) fir-Riżoluzzjoni A.373(10) tal-OMI, fil-verżjoni aġġornata tagħha;”;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

il-bini u l-manutenzjoni ta' inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri u l-apparat tagħhom għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-klassifikazzjoni għall-inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja ta' organizzazzjoni rikonoxxuta, jew regoli ekwivalenti użati minn Amministrazzjoni taħt l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2009/15/KE.”;

(e)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   Fir-rigward ta' vapuri ġodda u eżistenti, tiswijiet, alterazzjonijiet u modifikazzjonijiet ta' natura estensiva u l-forniment relatat magħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' vapuri ġodda stabbiliti fil-punt (a) tal-paragrafu 2; alterazzjonijiet magħmula fuq vapur li huma maħsuba unikament biex jinkiseb standard għola ta' sopravivenza m'għandhomx ikunu meqjusa bħala modifikazzjonijiet ta' karattru estensiv.

6.   Il-vapuri mibnija b'materjal ekwivalenti qabel l-20 ta' Diċembru 2017 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva sat-22 ta' Diċembru 2025.

7.   Permezz ta' deroga minn din id-Direttiva, Stat Membru b'aktar minn 60 vapur tal-passiġġieri mibnija mil-liga tal-aluminju li jtajru l-bandiera tiegħu fl-20 ta' Diċembru 2017 jista' jeżenta mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva lill-vapuri tal-passiġġieri li ġejjin għall-perijodi li ġejjin,

(a)

il-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi B, C u D mibnijin mil-liga tal-aluminju wara l-20 ta' Diċembru 2017, għal perijodu ta' 10 snin wara dik id-data; u

(b)

il-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi B, C u D mibnijin mil-liga tal-aluminju qabel l-20 ta' Diċembru 2017, għal perijodu ta' 12-il sena wara dik id-data,

dment li dawk il-vapuri jaħdmu esklużivament bejn il-portijiet ta' dak l-Istat Membru.

Kwalunkwe Stat Membru li jkun jixtieq jagħmel użu minn din id-deroga għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan sal-21 ta' Diċembru 2019 u għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-kontenut ukoll. Huwa għandu wkoll jikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe bidla sussegwenti. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra f'konformità mal-Artikolu 9(4).”;

(6)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri tal-Klassi C, li l-primi tagħhom ġew imqiegħda jew li kienu fi stadju simili fil-bini fl-1 ta' Ottubru 2004 jew wara, u l-vapuri ro-ro tal-passiġġieri kollha tal-Klassi A u B għandhom jikkonformaw mal-Artikoli 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2003/25/KE.”;

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(7)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(b)

il-paragrafu 4 jitħassar;

(8)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Stat Membru jista', bla ħsara għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4, jadotta miżuri li jippermettu ekwivalenzi għal ċerti rekwiżiti speċifiċi ta' din id-Direttiva, sakemm dawk l-ekwivalenzi jkunu tal-anqas effettivi daqs dawk ir-rekwiżiti.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Stat Membru li jagħżel li jagħmel użu mid-drittijiet mogħtija mill-paragrafu 1, 2 jew 3 għandu jipproċedi konformement mat-tieni sas-seba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkollu l-ħsieb jadotta, u għandu jinkludi, ma' tali notifika, partikolaritajiet suffiċjenti biex jikkonferma li l-livell ta' sikurezza huwa miżmum adegwatament.

Jekk, f'perijodu ta' sitt xhur minn notifikazzjoni, il-Kummissjoni tadotta atti ta' implimentazzjoni li jinkludu d-deċiżjoni tagħha li l-miżuri proposti mhumiex iġġustifikati, l-imsemmi Stat Membru jista' jkun meħtieġ li jemenda jew ma jadottax il-miżuri proposti. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Il-miżuri adottati għandhom ikun speċifikati fil-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti u kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Kwalunkwe tali miżura għandha tkun applikata għall-vapuri tal-passiġġieri kollha tal-istess Klassi jew għall-inġenji tal-baħar meta joperaw bl-istess kondizzjonijiet speċifiċi, mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tal-bandiera tagħhom jew tan-nazzjonalità jew tal-post fejn ikun stabbilit l-operatur tagħhom.

Il-miżuri li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 3 għandhom japplikaw biss sa kemm il-vapur jew l-inġenju tal-baħar joperaw bil-kondizzjonijiet speċifikati.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-miżuri msemmija fit-tieni u fir-raba' subparagrafu lill-Kummissjoni permezz ta' bażi ta' data stabbilita u miżmuma mill-Kummissjoni għal dan il-għan, u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għalih. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-miżuri adottati disponibbli fuq sit web aċċessibbli pubblikament.”;

(c)

fil-paragrafu 5, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jinkludu d-deċiżjoni tagħha jekk id-deċiżjoni ta' dak l-Istat Membru li jissospendi l-operat ta' dak il-vapur jew inġenju tal-baħar jew li jimponi miżuri addizzjonali tkunx iġġustifikata jew le għal raġunijiet ta' periklu serju għas-sikurezza tal-ħajja jew tal-proprjetà, jew tal-ambjent u, jekk is-sospensjoni jew l-impożizzjoni tal-miżuri addizzjonali ma tkunx iġġustifikata, tali atti jinkludu d-deċiżjoni tagħha li tirrikjedi li l-Istat Membru kkonċernat jirtira s-sospensjoni jew il-miżuri. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

(9)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

ir-referenzi speċifiċi għall-“Konvenzjonijiet Internazzjonali” u r-riżoluzzjonijiet tal-OMI imsemmija fil-punti (g), (m), (q), u (zb) tal-Artikolu 2, il-punt (a) tal-Artikolu 3(2), il-punt (b) tal-Artikolu 6(1) u l-punt (b) tal-Artikolu 6(2).”;

(b)

fil-paragrafu 2,

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

jiġu aġġustati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fl-emendi magħmula għall-Konvenzjonijiet Internazzjonali għall-vapuri fil-klassijiet B, C u D u l-inġenji tal-baħar, fid-dawl tal-esperjenza;”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c)

jiġu ssimplifikati u ċċarati l-elementi tekniċi, fid-dawl ta' esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tagħhom;

(d)

jiġu aġġornati r-referenzi għal strumenti oħra tal-Unjoni applikabbli għal vapuri tal-passiġġieri domestiċi.”;

(c)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10a sabiex tadotta l-emendi f'din id-Direttiva msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

4.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn ikun debitament ġustifikat b'analiżi adatta mill-Kummissjoni u sabiex tiġi evitata theddida serja u inaċċettabbli għas-sikurezza marittima, għas-saħħa, għall-għajxien abbord jew kondizzjonijiet tax-xogħol jew għall-ambjent tal-baħar, jew sabiex tiġi evitata inkompatibbiltà tal-leġislazzjoni marittima tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a, li jemenda din id-Direttiva sabiex ma tapplikax, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, emenda għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2.

Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati tal-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu stabbilit internazzjonalment għall-aċċettazzjoni taċita tal-emenda kkonċernata jew id-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta' din l-emenda. Fil-perijodu ta' qabel id-dħul fis-seħħ ta' att delegat bħal dan, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe inizjattiva maħsuba biex tintegra l-emenda fil-leġislazzjoni nazzjonali jew biex tapplika l-emenda għall-istrument internazzjonali kkonċernat.”;

(10)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 10(3) u 10(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 10(3) u 10(4) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' seba' snin mill-20 ta' Diċembru 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' seba' snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 10(3) u 10(4) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 10(3) jew 10(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu jkun estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(11)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

(*4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(12)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Kull vapur tal-passiġġieri għandu jkun suġġett mill-Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera għall-istħarriġ speċifikat fil-punti (a), (b) u (c):

(a)

stħarriġ inizjali qabel il-vapur jitqiegħed fis-servizz;

(b)

stħarriġ perjodiku darba kull 12-il xahar; u

(c)

stħarriġ addizzjonali, skont ma tkun il-ħtieġa.”;

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(13)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-vapuri kollha tal-passiġġieri ġodda u eżistenti, li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, għandhom ikunu pprovduti b'Ċertifikat tas-Sigurtà ta' Vapur tal-Passiġġieri konformement ma' din id-Direttiva. Iċ-ċertifikat għandu jkun fil-format stabbilit fl-Anness II. Dan iċ-ċertifikat għandu jinħareġ mill-Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera wara li jkun twettaq stħarriġ inizjali, kif deskritt fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1).”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Qabel ma jinħareġ il-Permess għall-Operat għal inġenji tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li joperaw fuq vjaġġi domestiċi fi Stat tal-port, l-Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera għandha tiftiehem mal-Istat tal-port dwar il-kondizzjonijiet operazzjonali assoċjati mal-operat tal-inġenji tal-baħar f'dak l-Istat. Kull waħda minn dawk il-kondizzjonijiet għandha titniżżel mill-Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera fuq il-Permess għall-Operat.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Miżuri ta' sikurezza addizzjonali, ekwivalenzi u eżenzjonijiet mogħtija lill-vapuri jew inġenji tal-baħar permezz ta' u skont l-Artikolu 9(1), (2) u (3) għandhom ikunu mniżżla fuq iċ-ċertifikat tal-vapur jew tal-inġenju tal-baħar.”;

(14)

l-Artikolu 14 jitħassar;

(15)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tissottometti r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-22 ta' Diċembru 2026.”;

(16)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 13.1 tal-Parti A tal-Kapitolu II-2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“F'kull vapur l-arranġamenti ġenerali għandhom jintwerew fuq bażi permanenti għat-tmexxija tal-uffiċjali tal-vapur, li juru b'mod ċar għal kull gverta l-istazzjonijiet tal-kontroll, is-sezzjonijiet varji tan-nar magħluqa b'qasmiet tal-klassi “A”, is-sezzjonijiet magħluqa b'qasmiet tal-klassi “B” flimkien mad-dettalji tas-sistemi tad-detectors tan-nirien u tal-allarm tan-nirien, l-installazzjoni tal-bexxixiet, it-tagħmir li jitfi n-nirien, il-mezzi tal-aċċess għall-kompartimenti differenti, gverti, eċċ u s-sistema tal-ventilazzjoni li tinkludi dettalji tal-pożizzjonijiet tal-kontroll tal-fann, il-pożizzjonijiet tal-umidifikaturi u n-numri tal-identifikazzjoni tal-fannijiet li jivventilaw li jservu kull taqsima. Alternattivament id-dettallji msemmija hawn fuq jistgħu jitniżżlu f'fuljett, li għandha tingħata kopja tiegħu lil kull uffiċjal, u kopja waħda għandha l-ħin kollu tkun disponibbli abbord f'kull post aċċessibbli. Il-pjanti u l-fuljetti għandhom jinżammu aġġornati, u kull tibdil għandu jiġi rreġistrat mill-aktar fis li jkun prattiku. Id-deskrizzjonijiet f'tali pjanti u fuljetti għandhom ikunu fil-lingwa uffiċjali tal-Istat tal-bandiera. Jekk il-lingwa mhix la l-Ingliż u lanqas il-Franċiż, għandha tiġi inkluża traduzzjoni f'waħda minn dawn il-lingwi. Fil-każ li l-vapur ikun qed jitħaddem fuq vjaġġi domestiċi fi Stat Membru ieħor, għandha tiġi inkluża traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat tal-port, jekk din il-lingwa la tkun l-Ingliż u lanqas il-Franċiż.”;

(b)

fl-ewwel paragrafu tan-nota 1 f'qiegħ il-paġna għat-tabella fil-paragrafu 2 tal-Kapitolu III, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Inġenji tal-baħar tas-sopravivenza jistgħu jkunu dgħajjes tas-sopravivenza jew ċattri tas-sopravivenza jew kombinazzjoni tat-tnejn f'konformità mar-Regolament III/2.2. Meta jkun ġustifikat min-natura mkennija tal-vjaġġi u/jew mill-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli taż-żona tal-operat, b'konsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-IMO MSC/Circ.1046, l-Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera tista' taċċetta, jekk dan ma jiġix irrifjutat mill-Istat Membru tal-port:”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   Sal-21 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw,miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-21 ta' Diċembru 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta' Novembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 167.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2017.

(3)  Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

(4)  Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

(5)  Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(6)  Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' April 2003 dwar il-ħtiġiet ta' stabbiltà speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 22).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).


Top