This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D0436
Council Decision (EU) 2017/436 of 6 March 2017 on the signing, on behalf of the European Union, of the Agreement between the European Union and the Republic of Chile on trade in organic products
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/436 tas-6 ta' Marzu 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/436 tas-6 ta' Marzu 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi
ĠU L 67, 14.3.2017, p. 33–33
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 67/33 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/436
tas-6 ta' Marzu 2017
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fis-16 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi. |
(2) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, ftehim mar-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi (“il-Ftehim”). |
(3) |
Fil-Ftehim, l-Unjoni u Repubblika taċ-Ċilì jirrikonoxxu l-ekwivalenza tar-regoli rispettivi tagħhom dwar il-produzzjoni organika u s-sistemi ta' kontroll fir-rigward tal-prodotti organiċi. |
(4) |
Il-Ftehim għandu l-għan li jrawwem il-kummerċ ta' prodotti organiċi, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-espansjoni tas-settur organiku fl-Unjoni u fir-Repubblika taċ-Ċili u li jikseb livell għoli ta' rispett għall-prinċipji tal-produzzjoni organika, ta' garanzija tas-sistemi ta' kontroll u ta' integrità tal-prodotti organiċi. Huwa għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-protezzjoni tal-logos rispettivi għall-prodotti organiċi tal-Unjoni u Repubblika taċ-Ċilì u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni regolatorja bejn il-Partijiet fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni organika. |
(5) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Marzu 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
R. GALDES