Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0038

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080–1081 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/38/oj

    Related international agreement

    14.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 11/1080


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/38

    tat-28 ta' Ottubru 2016

    dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l- Artikolu 43(2), l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 153(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fl-24 ta' April 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) mal-Kanada.

    (2)

    Skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/37 (1), il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (2), (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-30 ta' Ottubru 2016.

    (3)

    L-Artikolu 30.7(3) tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li l-Ftehim jiġi applikat b'mod provviżorju.

    (4)

    Partijiet mill-Ftehim li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni jistgħu jiġu applikati fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

    (5)

    Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova l-modifiki għall-Anness 20-A tal-Ftehim li jridu jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt tas-CETA, kif stipulat fl-Artikolu 26.1 tal-Ftehim, fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat tas-CETA dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 20.22 tal-Ftehim.

    (6)

    Skont l-Artikolu 30.6(1) tal-Ftehim, il-Ftehim ma jagħti l-ebda dritt jew obbligu li jista' jiġi invokat direttament quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-Unjoni kif previst fl-Artikolu 30.7(3) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu, u soġġett għall-punti li ġejjin:

    (a)

    id-dispożizzjonijiet li ġejjin biss tal-Kapitolu Tmienja tal-Ftehim (Investiment) għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju, u biss f'dak li jirrigwarda l-investiment barrani dirett:

    Artikoli 8.1 sa 8.8;

    Artikolu 8.13;

    Artikolu 8.15, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 3 tiegħu; u,

    Artikolu 8.16;

    (b)

    id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Kapitolu Tlettax tal-Ftehim (Servizzi Finanzjarji) ma għandhomx jiġu applikati b'mod provviżorju fejn dawn jikkonċernaw investimenti ta' portafoll, il-protezzjoni tal-investimenti jew is-soluzzjoni ta' tilwim dwar investimenti bejn l-investituri u l-Istati:

    Paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 13.2;

    Artikolu 13.3 u Artikolu 13.4;

    Artikolu 13.9, u

    Artikolu 13.21;

    (c)

    id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Ftehim ma għandhomx jiġu applikati b'mod provviżorju:

    Artikolu 20.12;

    Artikolu 27.3 u l-Artikolu 27.4, safejn dawk l-Artikoli japplikaw għal proċedimenti amministrattivi, rieżami jew appell fil-livell ta' Stat Membru;

    Paragrafu 7 tal-Artikolu 28.7;

    (d)

    l-applikazzjoni provviżorja tal-Kapitoli 22, 23 u 24 tal-Ftehim għandha tirrispetta l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

    2.   Sabiex jiddetermina d-data tal-applikazzjoni provviżorja l-Kunsill għandu jiffissa d-data sa liema n-notifika msemmija fl-Artikolu 30.7(3) tal-Ftehim għandha tintbagħat lejn il-Kanada.

    3.   Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat provviżorjament ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20.22 tal-Ftehim, modifiki fl-Anness 20-A tal-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt tas-CETA għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni.

    Jekk tasal oppożizzjoni fil-qafas tal-eżami ta' indikazzjonijiet ġeografiċi mwettaq skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 20.19 tal-Ftehim, u ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda qbil bejn il-partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni tagħha skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ottubru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LAJČÁK


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Ara paġna 23 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).


    Top