Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0232

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232 tal-15 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna ċerti aspetti ta' kooperazzjoni bejn il-produtturi

    C/2015/8948

    ĠU L 44, 19.2.2016, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/01/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/232/oj

    19.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 44/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/232

    tal-15 ta' Diċembru 2015

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna ċerti aspetti ta' kooperazzjoni bejn il-produtturi

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 173(1) u 223(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2) u jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali. Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet fil-qafas ġuridiku l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli.

    (2)

    Diġà jeżistu regoli speċifiċi dwar ċerti aspetti ta' kooperazzjoni għas-settur tal-frott u l-ħaxix, għas-settur tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib u għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ għall-ikel. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità, ir-regoli speċifiċi għal dawn is-setturi għandhom jibqgħu japplikaw. Għal dawk l-aspetti ta' kooperazzjoni bejn il-produtturi li mhumiex koperti minn dawk ir-regoli speċifiċi, għandu japplika dan ir-Regolament Delegat.

    (3)

    L-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jippermettu organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta jew assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti biex jesternalizzaw kull attività tagħhom minbarra l-produzzjoni f'dawk is-setturi fejn il-Kummissjoni tippermetti l-esternalizzazzjoni. Fil-preżent, l-esternalizzazzjoni hija prevista għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-ikel. Filwaqt li jitqiesu l-aspetti ekonomiċi involuti u l-benefiċċji li l-esternalizzazzjoni ta' ċerti attivitajiet tista' tipprovdi lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-membri tagħhom, din l-esternalizzazzjoni għandha tkun disponibbli għas-setturi kollha.

    (4)

    Għandhom ikunu stabbiliti regoli dwar ir-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali tranżnazzjonali kif ukoll regoli li jiċċaraw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri involuti. Filwaqt li titħares il-libertà tal-istabbiliment, ir-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali għandu jkun ir-responsabbiltà tal-Istat Membru fejn dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet ikollhom għadd sinifikanti ta' membri jew volum jew valur minimu sinifikanti ta' produzzjoni kummerċjabbli. Għal organizzazzjonijiet interprofessjonali tranżnazzjonali għandu jkun l-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-kwartieri ġenerali tagħhom, li jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent tagħhom.

    (5)

    Għandhom jiġu stabbiliti regoli rigward l-istabbiliment tal-assistenza amministrattiva li għandha tingħata fil-każ ta' kooperazzjoni tranżnazzjonali. Assistenza bħal din għandha b'mod partikolari tinkludi t-trasferiment ta' informazzjoni li tkun tippermetti lill-Istat Membru kompetenti jivvaluta jekk organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali, assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali jew organizzazzjoni interprofessjonali tranżnazzjonali hijiex konformi mat-termini tar-rikonoxximent. Informazzjoni bħal din hija meħtieġa biex l-Istat Membru kompetenti jkun jista' jieħu azzjoni f'każ ta' nuqqas ta' konformità. Fl-istess ħin, din l-assistenza se tippermetti li meta l-Istati Membri kompetenti jintalbu, huma jkunu jistgħu jittrasferixxu informazzjoni lill-Istati Membri fejn ikunu jinsabu l-membri ta' tali organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-miżuri fil-kuntest tal-politika agrikola komuni u għall-fini tal-monitoraġġ, l-analiżi u l-ġestjoni ta' prodotti agrikoli kif ukoll biex jiġi żgurat approċċ armonizzat u simplifikat, għandha tiġi speċifikata l-informazzjoni meħtieġa għan-notifika tad-deċiżjonijiet li jippermettu l-esternalizzazzjoni u li jagħtu, jirrifjutaw jew jirtiraw ir-rikonoxximent ta' organizzazzjoni tal-produtturi, ta' assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi jew ta' organizzazzjoni interprofessjonali.

    (7)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 223/2008 (3) u Nru 709/2008 (4) jistipulaw regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali. Uħud mid-dispożizzjonijiet ta' dawk ir-regolamenti ma għadhomx fis-seħħ jew qatt ma ġew applikati. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, dawk ir-Regolamenti għandhom jitħassru,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistipula regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f'dak li jikkonċerna ċerti aspetti tal-kooperazzjoni tal-produtturi. Dan japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi stabbiliti fir-Regolamenti li ġejjin:

    (a)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (5) dwar is-settur tal-frott u l-ħaxix;

    (b)

    Ir-Regolament (UE) Nru 880/2012 (6) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 511/2012 (7) fir-rigward tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib; kif ukoll

    (c)

    Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2014 (8) dwar is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni tal-produtturi li l-azjendi tal-produtturi membri tagħha jkunu jinsabu f'aktar minn Stat Membru wieħed;

    (b)

    “assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali” tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li l-organizzazzjonijiet membri tagħha jkunu jinsabu f'aktar minn Stat Membru wieħed;

    (c)

    “organizzazzjoni interprofessjonali tranżnazzjonali” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni interprofessjonali li l-membri tagħha jkunu involuti fil-produzzjoni, fl-ipproċessar jew fil-kummerċ ta' prodotti koperti mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni f'aktar minn Stat Membru wieħed.

    Artikolu 3

    Esternalizzazzjoni

    1.   Is-setturi li fihom l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-esternalizzazzjoni skont l-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikunu dawk elenkati fl-Artikolu 1(2) ta' dak ir-Regolament.

    2.   Organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li jesternalizzaw kwalunkwe attività minn tagħhom għandhom jidħlu f'arranġament kummerċjali permezz ta' kuntratt bil-miktub, li jiżgura li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni tal- organizzazzjonijiet tal-produtturi żżomm il-kontroll u s-superviżjoni tal-attivitajiet li jkunu qed isiru.

    Artikolu 4

    Rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tranżnazzjonali

    1.   Suġġett għat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu III tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa l-Istat Membru li fih organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali jew assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali jkollha għadd sinifikanti ta' membri jew organizzazzjonijiet membri jew volum jew valur sinifikanti ta' produzzjoni kummerċjabbli, jew l-Istat Membru li fih il-kwartieri ġenerali ta' organizzazzjoni interprofessjonali tranżnazzjonali huwa stabbilit, li jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent ta' tali organizzazzjoni jew assoċjazzjoni.

    2.   L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jistabbilixxi l-kooperazzjoni amministrattiva neċessarja mal-Istati Membri l-oħra li fihom il-membri ta' tali organizzazzjoni jew assoċjazzjoni jinsabu fir-rigward tal-verifika tal-konformità mat-termini tar-rikonoxximent msemmija fl-Artikoli 154, 156 u 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    3.   L-Istati Membri l-oħra fejn jinsabu l-membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali, ta' assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali jew organizzazzjoni interprofessjonali tranżnazzjonali għandhom jagħtu l-assistenza amministrattiva neċessarja kollha lill-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1.

    4.   L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni rilevanti kollha fuq talba ta' Stat Membru ieħor fejn ikunu jinsabu l-membri ta' tali organizzazzjoni jew assoċjazzjoni.

    Artikolu 5

    Notifiki

    Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti:

    (a)

    id-deċiżjonijiet li jagħtu, li jirrifjutaw jew li jirtiraw ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, inkluża d-data tad-deċiżjoni u l-ismijiet u s-setturi kkonċernati u sommarju tar-raġunijiet għar-rifjut u għall-irtirar ta' rikonoxximent;

    (b)

    fir-rigward ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi rikonoxxuti u ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, il-valur tal-produzzjoni kummerċjabbli.

    Artikolu 6

    Tħassir

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 223/2008 u (KE) Nru 709/2008 huma mħassra.

    Artikolu 7

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 223/2008 tat-12 ta' Marzu 2008 li jistipula kundizzjonijiet u proċeduri għar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi li jrabbu d-dud tal-ħarir (ĠU L 69, 13.3.2008, p. 10).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 709/2008 tal-24 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, fir-rigward tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-ftehimiet fis-settur tat-tabakk (ĠU L 197, 25.7.2008, p. 23).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 880/2012 tat-28 ta' Ġunju 2012 li jissuplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kooperazzjoni transnazzjonali u n-negozjati kuntrattwali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 263, 28.9.2012, p. 8).

    (7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 511/2012 tal-15 ta' Ġunju 2012 dwar notifiki li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali u negozjati kuntrattwali u relazzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 156, 16.6.2012, p. 39).

    (8)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programmi ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 55).


    Top