EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1972

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1972 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

ĠU L 293, 10.11.2015, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1972/oj

10.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/11


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1972

tat-8 ta' Lulju 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (1), u b'mod partikolari l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa jiġi ddeterminat liema irregolaritajiet l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha rigward il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq analiżi tar-riskju, għandu jiġi stabbilit ukoll liema dejta għandha tiġi pprovduta.

(2)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fond użat biex jintlaħqu l-objettivi li għalih ikun ġie stabbilit. Għal dak l-għan ir Regolament (UE) Nru 223/2014, kif ukoll ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (2), (UE) Nru 1306/2013 (3) u (UE) Nru 514/2014 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet. Sabiex jiġi żgurat li japplikaw regoli identiċi fir-rigward tal-fondi kollha rregolati minn dawn ir-Regolamenti, huwa neċessarju li dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet identiċi għar-Regolamenti ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 (5), (UE) 2015/1971 (6) u (UE) 2015/1973 (7).

(3)

Biex ikun possibbli li ssir applikazzjoni koerenti tar-rekwiżiti ta' rappurtar fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li jiġu definiti t-terminu “suspett ta' frodi”, billi titqies id-definizzjoni ta' frodi fil-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (8), u t-terminu “konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja”.

(4)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 jiddeterminaw il-limitu ta' rappurtar li, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor, irregolaritajiet li jaqgħu taħtu ma jkunux jeħtieġu li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni u l-każijiet li għalihom ma hemmx bżonn isir rappurtar. Sabiex jiġu ssimplifikati u allinjati d-dispożizzjonijiet u jinstab bilanċ bejn il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-interess komuni fl-għoti ta' dejta preċiża għall-finijiet ta' analiżi fil-ġlieda tal-Unjoni kontra l-frodi, huwa meħtieġ li jiġu applikati l-istess limitu ta' rappurtar u l-istess derogi għar-rapportar ta' irregolaritajiet li jinsabu fir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 514/2014.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza fir-rappurtar huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji biex jiġi ddeterminat meta irregolaritajiet għandhom jiġu inizjalment irrappurtati u d-dejta li għandha tiġi pprovduta f'dawk ir-rapporti inizjali.

(6)

Sabiex id-dejta pprovduta lill-Kummissjoni tkun preċiża, huwa meħtieġ rappurtar ta' segwitu. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni aġġornata dwar kull progress sinifikanti fil-proċeduri, jew il-proċedimenti, amministrattivi u ġuridiċi relatati ma' kull rapport inizjali.

(7)

Fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament, jipprevjenu kwalunkwe divulgazzjoni mhux awtorizzata ta' dejta personali, jew aċċess mhux awtorizzat għaliha. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika għal liema skopijiet il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jipproċessaw dik id-dejta.

(8)

Billi diġà saru pagamenti għall-Fond u jistgħu jseħħu irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw immedjatament, għalhekk, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiddetermina liema irregolaritajiet għandhom jiġu rrappurtati u jistabbilixxi liema dejta għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 223/2014 japplikaw. Barra minn hekk, għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“suspett ta' frodi” tfisser irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta' proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex jiġi stabbilit li kien hemm mġiba intenzjonata, b'mod partikolari frodi, kif jissemma fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;

(b)

“konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja” tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta' fatti speċifiċi tikkonkludi li twettqet irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li dik il-konklużjoni sussegwentement jista' jkollha tiġi riveduta jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju.

Artikolu 3

Rappurtar inizjali

1.   L-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-irregolaritajiet li:

(a)

jaffettwaw ammont ta' iktar minn EUR 10 000 f'kontribuzzjoni mill-Fond;

(b)

kienu s-suġġett ta' konklużjoni primarja amministrattiva jew ġudizzjarja.

2.   Fir-rapport inizjali l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u n-numru tal-Kodiċi Komuni ta' Identifikazzjoni (“CCI”) tal-programm operattiv u tal-operazzjoni kkonċernati;

(b)

l-identitajiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti, jew tat-tnejn li huma, jew ta' kull entità oħra li kellha rwol fit-twettiq tal-irregolarità u dettalji dwar x'kien dak ir-rwol, minbarra fejn dik l-informazzjoni ma tkunx rilevanti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, minħabba n-natura tal-irregolarità kkonċernata;

(c)

id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet li jkun ġew miksura;

(d)

id-data u s-sors tal-ewwel informazzjoni li wasslet biex jiġi suspettat li twettqet irregolarità;

(e)

il-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità;

(f)

fejn xieraq, jekk il-prattika twassalx għal suspett ta' frodi;

(g)

il-mod li bih tkun ġiet magħrufa l-irregolarità;

(h)

fejn xieraq, l-Istati Membri u l-pajjizi terzi involuti;

(i)

il-perjodu li matulu twettqet l-irregolarità, jew id-data ta' meta twettqet;

(j)

id-data li fiha ġiet stabbilit l-konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja dwar l-irregolarità;

(k)

l-ammont totali tan-nefqa tal-operazzjoni kkonċernata espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kontribuzzjoni nazzjonali;

(l)

l-ammont affettwat mill-irregolarità espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u ta' dik nazzjonali;

(m)

f'każijiet ta' suspett ta' frodi, u fil-każ li l-ebda ħlas tal-kontribuzzjoni pubblika ma jkun sar lill-benefiċjarju, l-ammont li kien se jitħallas indebitament kieku l-irregolarità ma ġietx identifikata, espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kontribuzzjoni nazzjonali;

(n)

in-natura tan-nefqa irregolari;

(o)

is-sospensjoni tal-pagamenti, fejn applikabbli, u l-possibbiltà tal-irkuprar tal-ammonti mħallsa.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri m'għandhomx jirrappurtaw lill-Kummissjoni dawk l-irregolaritajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.

Fil-każijiet l-oħrajn kollha, b'mod partikolari f'dawk li jippreċedu falliment jew f'każijiet ta' suspett ta' frodi, l-irregolaritajiet skoperti u l-miżuri preventivi u korrettivi marbuta magħhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni.

4.   Fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni tat-tribunal, qorti jew korp ieħor kompetenti skont ir-regoli nazzjonali.

Artikolu 4

Rappurtar ta' segwitu

1.   Fejn parti mill-informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 3(2), b'mod partikolari l-informazzjoni li tikkonċerna l-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità u l-mod li bih tkun ġiet skoperta, ma tkunx disponibbli, l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni nieqsa jew korretta fir-rapporti ta' segwitu dwar l-irregolaritajiet li jippreżentaw lill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-bidu, il-konklużjoni jew l-abbandun ta' kull proċeduri jew proċedimenti, għall-impożizzjoni ta' miżuri amministrattivi, penali amministrattivi jew sanzjonijiet kriminali fir-rigward tal-irregolaritajiet irrappurtati, kif ukoll l-eżitu ta' dawk il-proċeduri jew il-proċedimenti. Fir-rigward tal-irregolaritajiet li għalihom ikunu ġew imposti penali, l-Istati Membri jindikaw ukoll dan li ġej:

(a)

jekk il-penali humiex ta' natura amministrattiva jew kriminali;

(b)

jekk il-penali jirriżultawx minn ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali u dettalji dwar il-penali;

(c)

jekk ġiex stabbilit li kien hemm frodi.

3.   Fuq talba bil-miktub tal-Kummissjoni l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni fir-rigward ta' irregolarità speċifika jew grupp ta' irregolaritajiet.

Artikolu 5

Użu u pproċessar ta' informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tuża kull informazzjoni ta' natura ġenerali jew operattiva kkomunikata mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament biex tagħmel analiżijiet tar-riskju, bl-appoġġ tat-teknoloġija informatika, u tista', fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba, tipproduċi rapporti u tiżviluppa sistemi li jservu biex jidentifikaw ir-riskji b'mod iktar effettiv.

2.   L-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament tiġi koperta mill-kunfidenzjalità professjonali u protetta bl-istess mod bħal ma tkun protetta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jkun pprovdia u mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li l-informazzjoni tibqa' kunfidenzjali.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tistax, b'mod partikolari, tintbagħat lill-persuni ħlief dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għaliha, sakemm l-Istat Membru li jkun qed jipprovdiha ma jkunx ta l-kunsens speċifiku tiegħu.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tista' tintuża għall-ebda skop ieħor għajr il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sakemm l-awtoritajiet li pprovdew l-informazzjoni ma jagħtux il-kunsens speċifiku tagħhom.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(3)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(4)  Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

(5)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi għar-rappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li jħassar ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 1848/2006 (ara l-paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1973 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ara l-paġna 15 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.

(9)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top