EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0761

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/761 tas-17 ta' Diċembru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar holdings importanti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2014/9656

ĠU L 120, 13.5.2015, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/761/oj

13.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/2


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/761

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar holdings importanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(6b), ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 13(1a) u r-raba' subparagrafu tal- Artikolu 13(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/109/KE tistabbilixxi rekwiżiti ta' trasparenza dwar dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat. Din id-Direttiva teħtieġ ukoll l-iżvilupp ta' standards tekniċi regolatorji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-reġim għan-notifika dwar l-akkwiżizzjoni jew it-trasferiment ta' holdings importanti u l-eżenzjonijiet relatati.

(2)

Il-livelli limitu ta' ġenerazzjoni tas-suq u eżenzjonijiet fil-portafoll tan-negozjar għandhom jiġu kkalkulati permezz ta' aggregazzjoni tad-drittijiet tal-vot marbuta ma' ishma bi drittijiet tal-vot relatati ma' strumenti finanzjarji (jiġifieri drittijiet għall-akkwist ta' ishma u strumenti finanzjarji kkunsidrati bħala ekonomikament ekwivalenti għall-ishma) sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju ta' aggregazzjoni tal-holdings kollha ta' strumenti finanzjarji soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika u sabiex jipprevjenu rappreżentazzjoni qarrieqa ta' kif bosta strumenti finanzjarji relatati ma' emittent jinżammu minn entità li tibbenefika minn dawk l-eżenzjonijiet.

(3)

Biex ikun hemm livell adegwat ta' trasparenza fil-każ ta' grupp ta' kumpaniji, u biex jitqies il-fatt li, fejn impriża prinċipali jkollha kontroll fuq is-sussidjarji tagħha, jista' jkollha influwenza fuq il-ġestjoni tagħhom, il-limiti għandhom jiġu kkalkulati fil-livell tal-grupp. Għalhekk il-holdings kollha proprjetà ta' impriża prinċipali ta' istituzzjoni ta' kreditu jew ditta ta' investiment u kumpaniji sussidjarji għandhom jiġu divulgati meta s-somma totali tal-holdings tilħaq il-livell limitu tan-notifika.

(4)

Ir-reġim tad-divulgazzjoni għal strumenti finanzjarji li għandhom effett ekonomiku simili għal ishma għandu jkunu ċar. Rekwiżiti li jipprovdu dettalji komprensivi dwar l-istruttura tas-sjieda korporattiva għandhom ikunu proporzjonati għall-ħtieġa ta' trasparenza adegwata f'holdings importanti, għall-piżijiet amministrattivi li dawk ir-rekwiżiti jpoġġu fuq id-detenturi ta' drittijiet tal-vot u għall-flessibbiltà fil-kompożizzjoni ta' basket ta' ishma jew ta' indiċi. Għalhekk, strumenti finanzjarji referenzjati ma' basket ta' ishma jew ma' indiċi għandhom biss jiġu aggregati ma' holdings oħra fl-istess emittent meta l-istabbiliment ta' drittijiet tal-vot permezz ta' dawn l-istrumenti huwa sinifikanti jew l-istrument finanzjarju ma jkunx qed jintuża primarjament għal skopijiet ta' diversifikazzjoni ta' investiment.

(5)

Ma jkunx kosteffiċjenti għall-investitur li jibni pożizzjoni f'emittent permezz taż-żamma ta' strumenti finanzjarji referenzjati għal basktijiet jew indiċi differenti. Għalhekk, holdings ta' drittijiet tal-vot permezz ta' strument finanzjarju referenzjat għal sensiela ta' pakketti ta' ishma jew indiċijiet li huma individwalment skont il-livelli limitu stabbiliti ma għandhomx ikunu akkumulati.

(6)

Strumenti finanzjarji li jipprevedu esklużivament ħlas bi flus kontanti għandhom jitqiesu abbażi ta' delta aġġustata, fejn il-pożizzjoni tal-likwidità tiġi attribwita delta 1 fil-każ ta' strumenti finanzjarji li jkollhom il-profil tal-ħlas lura lineari u simmetriku skont is-sehem sottostanti u bl-użu ta' mudell standard ta' ipprezzar ġeneralment aċċettati fil-każ ta' strumenti finanzjarji li ma għandhomx profil tal-ħlas lura lineari u simmetriku skont is-sehem sottostanti.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li t-tagħrif dwar l-għadd totali ta' drittijiet tal vot aċċessibbli mill-investitur ikun l-aktar preċiż possibbli, id-delta għandu jiġi kkalkulat kuljum b'kunsidrerazzjoni għall-prezz tal-għeluq tas-sehem sottostanti.

(8)

Biex jonqos l-għadd ta' notifiki bla tifsira lis-suq, l-eżenzjoni tar-reġistru tan-negozju eżenzjoni għandha tapplika għal strumenti finanzjarji miżmuma minn persuna fiżika jew entità ġuridika li tissodisfa l-ordnijiet li jaslu mingħand il-klijenti, li twieġeb għal talbiet minn klijenti għal kummerċ b'modi oħra barra fuq bażi għan-nom proprju, jew pożizzjonijiet ta' hedging li jirriżultaw minn tali negozjar.

(9)

Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib, billi jittrattaw ir-rekwiżiti rigward in-notifika ta' holdings importanti f'kumpaniji elenkati. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni suġġetti għal dawk l-obbligi, inklużi investituri li mhumiex residenti fl-Unjoni, huwa mixtieq li uħud mill-istandards tekniċi regolartorji meħtieġa mid-Direttiva 2004/109/KE jkunu inklużi f'Regolament wieħed.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(11)

L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(12)

L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tiġi differita sabiex tallinja d-data ta' applikazzjoni mad-data preskritta għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fl-Artikolu 4(1) ta' dik id-Direttiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament iddelegat jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(6b), l-Artikolu 13(1a)(a) u (b) u l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2004/109/KE.

Artikolu 2

Aggregazzjoni tal-holdings

Għall-fini tal-kalkolu tal-livell limitu ta' 5 % msemmi fl-Artikolu 9(5) u (6) tad-Direttiva 2004/109/KE, holdings fl-Artikoli 9, 10 u 13 ta' dik id-Direttiva jiġu aggregati.

Artikolu 3

Aggregazzjoni ta' holdings fil-każ ta' grupp

Għall-fini tal-kalkolu tal-livell limitu ta' 5 % msemmi fl-Artikolu 9(5) u (6) tad-Direttiva 2004/109/KE fil-każ ta' grupp ta' kumpaniji, holdings jiġu aggregati f'livell ta' grupp skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 10(e) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 4

Strumenti finanzjarji referenzjati ma' basket ta' ishma jew ma' indiċi

1.   Id-drittijiet tal-vot imsemmija fl-Artikolu 13(1a)(a) tad-Direttiva 2004/109/KE fil-każ ta' strumenti finanzjarji referenzjati ma' basket ta' ishma jew ma' indiċi jkunu kkalkulati fuq il-bażi tal-ponderazzjoni tas-sehem fil-basket ta' ishma jew indiċi fejn tapplika kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-drittijiet tal-vot f'emittent speċifiku miżmuma permezz ta' strumenti finanzjarji referenzjati mal-basket jew indiċi jirrappreżentaw 1 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma ta' dak l-emittent;

(b)

l-ishma fil-basket jew indiċi jirrappreżentaw 20 % jew aktar tal-valur tat-titoli fil-basket jew indiċi.

2.   Meta strument finanzjarju jiġi referenzjat ma' sensiela ta' basktijiet ta' ishma jew indiċi, id-drittijiet tal-vot miżmuma permezz tal-basktijiet ta' ishma jew indiċijiet individwal ima jiġux akkumulati għall-fini tal-livelli limitu stipulati fil-paragrafu 1.

Artikolu 5

Strumenti finanzjarji li jipprevdu esklużivament ħlas bi flus kontanti

1.   L-għadd ta' drittijiet tal-vot imsemmija fl-Artikolu 13(1a)(b) tad-Direttiva 2004/109/KE relatati ma' strumenti finanzjarji li jipprevedu esklużivament ħlas bi flus kontanti, il-profil tal-ħlas lura lineari u simmetriku mas-sehem sottostanti jiġi kkalkulat fuq il-bażi aġġustat skont id-delta bil-pożizzjoni tal-flus kontanti ugwali għal 1.

2.   L-għadd ta' drittijiet tal vot fir-rigward ta' strument finanzjarju esklussivament imħallas bi flus kontanti mingħajr profil tal-ħlas lura lineari u simmetriku mas-sehem sottostanti jiġi kkalkulat fuq il-bażi aġġustata skont id-delta, bl-użu ta' mudell tal-ipprezzar standard aċċettat b'mod ġenerali.

3.   Mudell tal-ipprezzar standard aċċettat b'mod ġenerali jkun mudell li ġeneralment jintuża fl-industrija tal-finanzi għal dak l-istrument finanzjarju u li huwa b'saħħtu biżżejjed biex iqis l-elementi li huma rilevanti għall-valutazzjoni ta' dan l-istrument. L-elementi li huma rilevanti għall-valutazzjoni jkunu jinkludu tal-inqas dawn kollha li ġejjin:

(a)

rata tal-imgħax;

(b)

pagamenti f'dividendi,

(c)

żmien sal-maturità

(d)

volatilità

(e)

prezz tas-sehem sottostanti

4.   Meta tiġi ddeterminata delta d-detentur tal-istrument finanzjarju jiżgura dan kollu li ġej:

(a)

li l-mudell użat ikopri l-kumplessità u r-riskju ta' kull strument finanzjarju;

(b)

li l-istess mudell jintuża' b'mod konsistenti għall-kalkolu tal-għadd ta' drittijiet tal vot ta' strument finanzjarju partikolari.

5.   Is-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika użati biex iwettqu l-kalkolu ta' delta jkunu jiżguraw ir-rappurtar konsistenti, preċiż u fil-ħin tad-drittijiet tal-vot.

6.   L-għadd ta' drittijiet tal-vot jiġi kkalkulat kuljum, b'kunsiderazzjoni tal-aħħar prezz tal-għeluq tas-sehem sottostanti. Id-detentur tal-istrument finanzjarju jinnotifika l-emittent meta dan id-detentur jilħaq, jaqbeż jew jinżel taħt il-livelli limitu stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/109/KE.

Artikolu 6

Tranżazzjonijiet ta' qadi tal-klijent

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 9(6) tad-Direttiva 2004/109/KE tapplika għal strumenti finanzjarji miżmuma minn persuna fiżika jew entità ġuridika li tissodisfa l-ordnijiet li jaslu mingħand il-klijenti, bi tweġiba għal talba ta' klijent għall-kummerċ b'mod ieħor barra minn fuq bażi proprjetarja, jew pożizzjonijiet ta' hedging li jirriżultaw minn tali negozjar.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa jibda japplika mis-26 ta' Novembru 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Id-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 13).


Top