Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0210

Regolament tal-Kummissjoni 2015/210 tal- 10 ta' Frar 2015 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż

ĠU L 35, 11.2.2015, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R0787

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/210/oj

11.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI 2015/210

tal-10 ta' Frar 2015

li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

(1)

Tradizzjonalment, ix-xorb spirituż li jsir bil-maċerazzjoni tal-pruna salvaġġa (Prunus spinosa) fl-alkoħol etiliku t'oriġini agrikola hu magħmul Spanja u magħruf sew fost il-konsumaturi Spanjoli bħala “Pacharán”. Billi ma teżistix kategorija ta' xorb spirituż li tikkorrispondi għall-“Pacharán” u biex tingħata informazzjoni ċara lill-konsumaturi li mhumiex Spanjoli u biex jiġu riflessi l-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandu jkollu kategorija ġdida li tissejjaħ “xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán”. Sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-interessi ekonomiċi tal-produtturi, il-kategorija l-ġdida għandu jkollha speċifikazzjonijiet tekniċi bbażati fuq evalwazzjoni tal-parametri eżistenti tal-kwalità u tal-produzzjoni li jintużaw fis-suq tal-Unjoni.

(2)

Minħabba l-isem li kiseb il-“Pacharán”, li bla ma jridu l-konsumaturi jorbtuh ma' Spanja kif magħruf fil-passat, it-terminu “Pacharán” jista' jintuża bħala denominazzjoni tal-bejgħ biss meta l-prodott ikun sar Spanja. Meta l-prodott isir xi mkien ieħor, it-terminu “Pacharán” jista' jintuża biss biex jissupplimenta d-denominazzjoni tal-bejgħ “Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa” u flimkien mal-indikazzjoni tal-pajjiż tal-manifattura.

(3)

L-indikazzjoni ġeografika “Pacharán navarro” irreġistrata fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 fil-kategorija “xorb spirituż ieħor”, għandha titqiegħed fil-kategorija “xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán” fl-istess Anness.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness II, wara l-punt 37 “Ġin tal-pruna salvaġġa”, jiddaħħal dan il-punt 37a kif ġej:

“37a

‘Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán

Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán hu xorb spirituż li:

(a)

jkollu togħma qawwija ta' pruna salvaġġa u jsir bil-maċerazzjoni tal-pruna salvaġġa (Prunus spinosa) f'alkoħol etiliku t'oriġini agrikola, biż-żieda ta' estratti naturali tal-ħlewwa u/jew distillati tal-ħlewwa.

(b)

jkollu saħħa alkoħolika minima b'volum ta' 25 %.

(c)

għall-produzzjoni tiegħu għallinqas ikunu ntużaw 125 g ta' pruna għal kull litru tal-prodott aħħari,

(d)

il-kontenut taz-zokkor tiegħu, espress bħala zokkor invertit, ikun bejn 80 g u 250 g għal kull litru tal-prodott aħħari,

(e)

il-karatteristiċi organolettiċi, il-lewn u t-togħma tiegħu jkunu jagħtuhomlu biss il-frotta użata u l-ħlewwa.

It-terminu ‘Pacharán’ jista' jintuża bħala denominazzjoni tal-bejgħ biss meta l-prodott ikun sar Spanja. Meta l-prodott isir xi mkien ieħor, it-terminu ‘Pacharán’ jista' jintuża biss biex jissupplimenta d-denominazzjoni tal-bejgħ ‘Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa’, diment li magħha jiżdied il-kliem: ‘magħmul …’ u jissemma l-Istat Membru jew il-pajjiż terz tal-manifattura.”

(2)

L-Anness III hu emendat kif ġej:

(a)

Fil-kategorija tal-prodotti “Xorb spirituż ieħor”, jitħassru dawn l-annotazzjonijiet:

 

“Pacharán navarro

Spanja

 

Pacharán

Spanja”

(b)

Wara l-kategorija tal-prodotti numru 34, tiddaħħal din l-annotazzjoni:

“37a.

Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán

Pacharán navarro

Spanja”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ix-xorb spirituż li jikkorrispondi għall-kategorija “Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán” li ma jkollux it-tikketta konformi mar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jista' jibqa' jitqiegħed fis-suq sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.


Top