Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1875

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1875 tat-8 ta' Ottubru 2015 li tissottoponi 4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) għal miżuri ta' kontroll

    ĠU L 275, 20.10.2015, p. 38–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1875/oj

    20.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 275/38


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1875

    tat-8 ta' Ottubru 2015

    li tissottoponi 4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) għal miżuri ta' kontroll

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Rapporti dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda 4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) ġew imfassla skont id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), u sussegwentement ġew ippreżentati lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-23 ta' April 2014.

    (2)

    Il-25I-NBOMe, l-AH-7921, l-MDPV u l-metossetamina ma kinux taħt evalwazzjoni fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti meta l-evalwazzjoni tar-riskju ntalbet fil-livell tal-Unjoni, iżda ġew evalwati f'Ġunju 2014 mill-Kumitat ta' Esperti dwar id-Dipendenza mid-Droga tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

    (3)

    Il-25I-NBOMe, l-AH-7921, l-MDPV u l-metossetamina ma għandhom l-ebda użu mediku għall-bniedem jew veterinarju stabbilit jew rikonoxxut. Minbarra l-użu tagħhom f'materjali ta' referenza analitika, fir-riċerka xjentifika li tinvestiga l-proprjetajiet kimiċi, farmakoloġiċi u tossikoloġi bħala riżultat tal-feġġ tagħhom fis-suq tad-drogi u, fil-każ tal-25I-NBOMe, anki fil-qasam tan-newrokimika, ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn qed jintużaw għal skopijiet oħra.

    (4)

    Il-25I-NBOMe hija derivattiv sintetiku qawwi ta' 2,5-dimetossi-4-iodjo fenetilamina (2C-I), serotonergiku alluċinoġenu klassiku, li kien soġġett għal valutazzjoni tar-riskji u għal miżuri ta' kontroll u sanzjonijiet kriminali fil-livell tal-Unjoni mill-2003 bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/847/ĠAI (2).

    (5)

    Huwa diffiċli li jiġu determinati l-effetti fiżiċi speċifiċi tal-25I-NBOMe għaliex ma hemmx studji ppublikati li jivvalutaw it-tossiċità akuta u kronika tagħha, l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba, u l-potenzjal tad-dipendenza, u minħabba l-iskarsità tal-informazzjoni u d-dejta disponibbli. Osservazzjonijiet kliniċi ta' individwi li użaw din is-sustanza jissuġġerixxu li għandha effetti alluċinoġeniċi u għandha l-potenzjal li twassal għal aġitazzjoni gravi, konfużjoni, alluċinazzjonijiet tas-smigħ u viżwali intensi, aggressjoni, inċidenti vjolenti u trawma kkaġunata mill-individwu stess.

    (6)

    Kien hemm erba' mwiet assoċjati mal-25I-NBOMe rreġistrati fi tliet Stati Membri. Tossiċità severa assoċjata mal-użu tagħha ġiet irrapportata f'erba' Stati Membri, li nnotifikaw 32 intossikazzjoni mhux fatali. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti. Ma hemmx informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji soċjali assoċjati mal-25I-NBOMe.

    (7)

    Tnejn u għoxrin Stat Membru u n-Norveġja rrapportaw lill-EMCDDA u lill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) li huma rrapportaw l-individwazzjoni tal-25I-NBOMe. L-ebda data ta' prevalenza ma hija disponibbli dwar l-użu tal-25I-NBOMe, iżda l-informazzjoni limitata li teżisti turi li tista' tiġi kkunsmata f'firxa wiesgħa ta' kuntesti, bħal pereżempju fid-dar, fil-bars, fin-nightclubs u fil-festivals tal-mużika.

    (8)

    Il-25I-NBOMe hija apertament kummerċjalizzata u mibjugħa fuq l-Internet bħala “kimika għar-riċerka” u informazzjoni miksuba minn sekwestri, kampjuni miġbura, websajts tal-utenti u l-bejjiegħa bl-imnut fuq l-Internet tissuġġerixxi li qed tinbiegħ bħala droga fiha nnifisha u kkummerċjalizzata wkoll bħala sostitut “legali” għal-LSD. L-EMCDDA identifika aktar minn 15-il bejjiegħ bl-imnut fuq l-Internet li jbigħu din is-sustanza, li jistgħu jkunu bbażati fi ħdan l-Unjoni u ċ-Ċina.

    (9)

    Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji juri li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli dwar il-25I-NBOMe u jindika li jeħtieġ ikun hemm aktar riċerka biex jiġu determinati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li din iġġib magħha. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġuni suffiċjenti biex il-25I-NBOMe tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rapportati ta' mewt, il-fatt li l-utenti jistgħu jikkunsmawha bla ma jafu, u minħabba n-nuqqas ta' valur jew użu mediku, il-25I-NBOMe għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    (10)

    Minħabba l-fatt li sitt Stati Membri jikkontrollaw il-25I-NBOMe fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex b'hekk jikkonformaw mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi, u li seba' Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawha, il-fatt li din is-sustanza tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin biex jipproteġu kontra r-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

    (11)

    L-AH-7921 hija opjojd analġesiku sintetiku strutturalment atipiku komunement magħrufa mill-fornituri fuq l-Internet, mill-utenti tal-websajts u mill-midja bħala “doksilam”. Din tista' faċilment tiġi konfuża ma' “doksilamina”, mediċina antistamina bi proprjetajiet sedattivi-ipnotiċi, li tista' twassal għal dożi eċċessivi mhux intenzjonati.

    (12)

    Huwa diffiċli li jiġu determinati l-effetti fiżiċi speċifiċi tal-AH-7921 għaliex ma hemmx studji ppublikati li jivvalutaw it-tossiċità akuta u kronika tagħha, l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba, il-potenzjal tad-dipendenza, u wkoll l-iskarsità tal-informazzjoni u d-data disponibbli. Abbażi ta' rapporti tal-utenti, l-effetti tal-AH-7921 jidhru li jixbħu lil dawk ta' opjojdi klassiċi b'sentiment ta' ewforija ħafifa, ħakk u rilassament.Id-dardir jidher li huwa effett avvers tipiku. Minbarra awtoesperimentazzjoni bl-AH-7921, kif ukoll “l-użu rikreattiv”, xi utenti jirrapportaw li mmedikaw lilhom infushom b'din il-mediċina biex itaffu l-uġigħ, oħrajn biex itaffu s-sintomi ta' rtirar minħabba l-waqfien tal-użu ta' opjodi oħra. Dan jista' jindika potenzjal li l-AH-7921 tinxtered fost dawk li jinjettaw opjojdi.

    (13)

    Ma hemm l-ebda data ta' prevalenza dwar l-użu tal-AH-7921, iżda l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li ma tintużax ħafna, u meta tintuża, dak l-użu jkun fl-ambjent domestiku.

    (14)

    Ġew irreġistrati 15-il fatalità fi tliet Stati Membri bejn Diċembru 2012 u Settembru 2013, fejn l-AH-7921 weħidha, jew flimkien ma' sustanzi oħra, ġiet individwata f'kampjuni meħuda postmortem. Filwaqt li mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat b'ċertezza r-rwol tal-AH-7921 f'dawk l-imwiet kollha, f'xi każijiet ġie speċifikament imniżżel fil-kawża tal-mewt. Stat Membru rrapporta sitt każijiet mhux fatali ta' intossikazzjoni assoċjati mal-AH-7921. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti. Ma hemmx informazzjoni oħra disponibbli dwar ir-riskji soċjali assoċjati mal-AH-7921.

    (15)

    Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji juri li hemm ftit evidenza xjentifika disponibbli dwar l-AH-7921 u jindika li jeħtieġ issir aktar riċerka biex jiġu determinati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li din iġġib magħha. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġuni suffiċjenti biex l-AH-7921 tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rapportati ta' mewt, il-fatt li l-utenti jistgħu bla ma jafu jikkunsmawha, u n-nuqqas ta' valur jew użu mediku tas-sustanza, l-AH-7921 għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    (16)

    Minħabba l-fatt li Stat Membru jikkontrolla l-AH-7921 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex b'hekk jikkonforma mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi, u li ħames Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawha, il-fatt li din is-sustanza tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin biex jipproteġu kontra r-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

    (17)

    L-MDPV hija derivattiv sintetiku ta' katinon b'ċirku sostitwit, kimikament relatata mal-pirovaleron, li huma t-tnejn suġġetti għal kontroll skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi.

    (18)

    Informazzjoni dwar it-tossiċità akuta u kronika assoċjati mal-MDPV, kif ukoll dwar l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba, u dwar id-dipendenza potenzjali, ma tinġabarx b'mod uniformi fl-Unjoni kollha. Informazzjoni minn studji ppubblikati, ikkonfermata minn każijiet kliniċi, tissuġġerixxi li l-profil psikofarmakoloġiku osservat għall-MDPV huwa simili għal dak tal-kokaina u l-metamfetamina, għalkemm aktar b'saħħitha u aktar fit-tul. Barra minn hekk, l-MDPV instabet li hija għaxar darbiet iktar qawwija fil-kapaċità tagħha li tikkawża attivazzjoni lokomotriċi, takikardija u pressjoni għolja.

    (19)

    Websajts tal-utenti jindikaw li t-tossiċità akuta tagħha tista' tipprovoka effetti avversi fuq il-bnedmin, simili għal dawk assoċjati ma' stimulanti oħra. Dawn jinkludu l-psikożi paranojjika, takikardija, ipertensjoni, diaforeżi, problemi ta' nifs, aġitazzjoni gravi, alluċinazzjonijiet tas-smigħ u viżwali, ansjetà profonda, ipertermija, okkorrenzi vjolenti u disfunzjonijiet multipli ta' organi.

    (20)

    Ġew irreġistrati 108 fatalità fi tmien Stati Membri u n-Norveġja bejn Settembru 2009 u Awwissu 2013, fejn l-MDPV ġiet individwata f'kampjuni bijoloġiċi post mortem jew implikata fil-kawża tal-mewt. Ġew irrapportati total ta' 525 intossikazzjoni mhux fatali assoċjati mal-MDPV minn tmien Stati Membri. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti.

    (21)

    L-individwazzjoni tal-MDPV kienet ukoll irrapportata f'kampjuni bijoloġiċi relatati ma' inċidenti tat-traffiku fatali u mhux fatali, jew sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, f'erba' Stati Membri mill-2009.

    (22)

    L-MDPV ilha preżenti fis-suq tad-droga tal-Unjoni minn Novembru 2008 u 27 Stat Membru, in-Norveġja u t-Turkija rrapportaw sekwestri ta' bosta kilogrammi tas-sustanza. L-MDPV qed tinbiegħ bħala sustanza fiha nnifisha iżda ġiet ukoll individwata flimkien ma' sustanzi oħra. Hija disponibbli sew mingħand fornituri u bejjiegħa bl-imnut fuq l-Internet, “head shops” u traffikanti tad-droga fil-livell tat-triq. Hemm xi indikazzjonijiet li jissuġġerixxu ċertu ammont ta' organizzazzjoni fil-manifattura ta' pilloli u d-distribuzzjoni ta' din is-sustanza fl-Unjoni.

    (23)

    Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tar-Riskji jindika li aktar riċerka hija meħtieġa biex jiġu ddeterminati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali kkawżati mill-MDPV. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġuni suffiċjenti biex l-MDPV tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rapportati ta' mewt, il-fatt li l-utenti jistgħu jikkunsmawha bla ma jafu, u n-nuqqas ta' valur jew użu mediku ta-sustanza, l-MDPV għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    (24)

    Minħabba l-fatt li 21 Stat Membru jikkontrollaw l-MDPV fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex b'hekk jikkonformaw mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi, u li erba' Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawha, il-fatt li din is-sustanza tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin biex jipproteġu kontra r-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

    (25)

    Il-metossetamina hija sustanza arilċikloessilamina li hija kimikament simili għal ketamina u s-sustanza internazzjonalment ikkontrollata l-fenċiklidina (PCP). Simili għall-ketamina u l-PCP, hija għandha proprjetajiet dissoċjattivi.

    (26)

    M'hemmx studji li jivvalutaw it-tossiċità kronika u akuta assoċjati mal-metossetamina, kif ukoll l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba, u d-dipendenza potenzjali. L-esperjenzi awtoddikjarati mill-websajts tal-utenti jissuġġerixxu effetti avversi simili għall-intossikazzjoni bil-ketamina. Dawn jinkludu nawsja u remettar sever, diffikultà biex tieħu n-nifs, takikardja, diżorjentazzjoni, ansjetà, katatonija, aggressjoni, alluċinazzjonijiet, il-paranoja u psikożi. Barra minn hekk, intossikazzjonijiet akuti mill-metissetamina jistgħu jinkludu effetti stimulanti (aġitazzjoni, takikardija u pressjoni għolja) u karatteristiċi tal-moħħ, li mhumiex dak li wieħed jistenna minn intossikazzjoni akuta mill-ketamina.

    (27)

    Għoxrin mewta assoċjata mal-metossetamina ġew irrapportati minn sitt Stati Membri li individwaw is-sustanza f'kampjuni postmortem. Użata weħidha jew flimkien ma' sustanzi oħra, il-metossetamina ġiet individwata f'20 intossikazzjoni mhux fatali rrapportati minn ħames Stati Membri. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti.

    (28)

    Tlieta u għoxrin Stat Membru, it-Turkija u n-Norveġja rrapportaw li huma rraportaw l-individwazzjoni tal-metossetamina, minn Novembru 2010. Informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li qed tinbiegħ u użata bħala sustanza fiha nfisha, u li hija wkoll qed tinbiegħ bħala sostitut legali għall-ketamina minn bejjiegħa bl-imnut fuq l-Internet, head-shops u traffikanti tad-droga fil-livell tat-triq.

    (29)

    Kwantitajiet ta' bosta kilogrammi f'forma ta' trab kienu ssekwestrati fi ħdan l-Unjoni, iżda ma hemmx informazzjoni dwar l-involviment possibbli ta' kriminalità organizzata. Il-manifattura tal-metossetamina ma teħtieġx tagħmir sofistikat.

    (30)

    Data ta' prevalenza hija limitata għal stħarriġ mhux rappreżentattiv f'żewġ Stati Membri. Dawk l-istudji jissuġġerixxu li l-prevalenza tal-użu tal-metossetamina hija aktar baxxa minn dik tal-ketamina. L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li tista' tkun ikkunsmata f'firxa wiesgħa ta' ambjenti, inkluż fid-dar, fil-bars, fin-nightclubs u festivals tal-mużika.

    (31)

    Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tar-Riskji jindika li tkun meħtieġa aktar riċerka biex jiġu ddeterminati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali kkawżati mill-metossetamina. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex il-metossetamina tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rapportati ta' mewt, il-fatt li l-utenti jistgħu jikkunsmawha bla ma jafu, u n-nuqqas ta' valur jew użu mediku, il-metossetamina għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    (32)

    Minħabba l-fatt li disa' Stati Membri jikkontrollaw il-metossetamina fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex b'hekk jikkonformaw mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u disa' Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawha, il-fatt li din is-sustanza tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat it-tfaċċar ta' ostakli fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin biex jipproteġu kontra r-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

    (33)

    Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni għal meta jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponidawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi ġew issodisfati l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex il-25I-NBOMe, l-AH-7921, l-MDPV u l-metossetamina jitqiegħdu taħt kontroll fl-Unjoni kollha.

    (34)

    Fis-sentenza tagħha tas-16 ta' April 2015 fil-Każijiet Magħquda C-317/13 u C-679/13 (3), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet li qabel ma jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI, il-Kunsill għandu jikkonsulta l-Parlament Ewropew. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (4) ġiet adottata mingħajr tali konsultazzjoni minn qabel u b'konsegwenza hija invalidata minħabba difett proċedurali. Id-Deċiżjoni 2014/688/UE għandha, għaldaqstant, tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni.

    (35)

    Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha, kif ukoll l-osservanza tal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi u taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi fir-rigward tal-4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina), din id-Deċiżjoni ma għandhiex tippreġudika l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta' żmien li fih dawk is-sustanzi psikotropiċi ġodda għandhom jiġu sottoposti għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/688/UE.

    (36)

    Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

    (37)

    L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

    (38)

    Ir-Renju Unit m'huwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-sustanzi psikoattivi ġodda li ġejjin għandhom jiġu sottoposti għall-miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha:

    (a)

    4-iodjo- 2,5-dimetoksi-N-(2-metoksibenzil) fenetilamina (25I-NBOMe);

    (b)

    3,4-dikloro-N-[[1-dimetilamino)ċikloeksil]metil]benżamid (AH-7921);

    (c)

    3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV);

    (d)

    2- (3-metossifenil)-2-(etillamino)ċikloeżanon (metossetamina).

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2014/688/UE hija sostitwita, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta' żmien li fih l-4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) għandhom jiġu sottoposti għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/688/UE.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/847/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2003 dwar miżuri ta' kontroll u sanzjonijiet kriminali rigward drogi sintetiċi ġodda 2C-I, 2C-T-2, 2C-T-7 u TMA-2 (ĠU L 321, 6.12.2003, p. 64).

    (3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015, il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Każijiet Magħquda C-317/13 u C-679/13, ECLI:EU:C:2015:223.

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/688/UE tal-25 ta' Settembru 2014 li tissottoponi 4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) għal miżuri ta' kontroll ġiet adottata mingħajr tali konsultazzjoni minn qabel u b'konsegwenza hija invalidata minħabba difett proċedurali (ĠU L 287, 1.10.2014, p. 22).


    Top