Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1874

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1874 tat-8 ta' Ottubru 2015 li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta' kontroll

    ĠU L 275, 20.10.2015, p. 35–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1874/oj

    20.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 275/35


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1874

    tat-8 ta' Ottubru 2015

    li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta' kontroll

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskji dwar l-4-metilamfetammina ġie mfassal skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), u sussegwentement wasal għand il-Kummissjoni fid-29 ta' Novembru 2012.

    (2)

    L-4-metilamfetammina hija derivattiv sintetiku metilat fiċ-ċirku tal-amfetammina li fil-biċċa l-kbira tinstab f'forma ta' trab u ta' pejst f'kampjuni li fihom l-amfetammina u l-kaffeina, iżda li dehret ukoll f'forma ta' pilloli u f'forma ta' likwidu. Dehret fis-suq tal-amfetammina illeċita fejn tinbiegħ u tintuża bħala d-droga kkontrollata, l-amfetammina. Kien hemm rapport fejn is-sustanza ġiet individwata fi prodott kummerċjali mibjugħ fuq l-Internet. Il-prekursur kimiku prinċipali għas-sinteżi tal-4-metilamfetammina huwa 4-metilbenżil metil keton (4-metil-BMK), li jidher li hu kummerċjalment disponibbli fuq l-Internet u mhux ikkontrollat skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi.

    (3)

    L-effetti fiżiċi speċifiċi tal-4-metilamfetammina rarament ġew irrappurtati mill-utenti, billi l-utenti tipikament ma jkunux jafu li ħadu s-sustanza. Madankollu, il-ftit rapporti li huma disponibbli jissuġġerixxu li għandha effetti ta' tip ta' stimulant. Id-data limitata disponibbli li tirrigwarda l-bnedmin tissuġġerixxi li l-effetti negattivi tal-4-metilamfetammina jinkludu ipertermija, pressjoni għolja, anoressija, dardir, għaraq, problemi gastriċi, sogħla, remettar, uġigħ ta' ras, palpitazzjonijiet, insomnja, paranojja, ansjetà u depressjoni. Id-data attwali mhijiex suffiċjenti biex tistabbilixxi l-livell potenzjali ta' dipendenza li s-sustanza tista' tikkawża.

    (4)

    Skont is-sorsi tad-data limitati disponibbli, it-tossiċità akuta tal-4-metilamfetammina hija simili għal dik ta' stimulanti oħra. Ċerta evidenza tissuġġerixxi li taħlita ta' 4-metilamfetammina ma' sustanzi oħra, inklużi l-amfetammina u l-kaffeina, tista' tirriżulta f'riskju ogħla ta' tossiċità globali miżjuda.

    (5)

    Kien hemm total ta' 21 fatalità rreġistrati f'erba' Stati Membri fejn l-4-metilamfetammina weħidha jew f'kombinazzjoni ma' sustanza waħda jew aktar, speċjalment l-amfetammina, ġiet individwata f'kampjuni post-mortem. Filwaqt li f'dawn il-fatalitajiet mhuwiex possibbli li mill-informazzjoni disponibbli jiġi ddeterminat b'ċertezza r-rwol tal-4-metilamfetammina, f'xi każijiet is-sustanza kienet id-droga predominanti individwata, b'livelli komparabbli għal dawk misjuba f'ċerti każijiet ta' mewt ikkawżata mill-konsum tal-amfetammina.

    (6)

    L-4-metilamfetammina ġiet individwata fi 15-il Stat Membru, filwaqt li Stat Membru wieħed irrapporta il-manifattura tas-sustanza fit-territorju tiegħu. Il-prevalenza speċifika għall-4-metilamfetammina hija diffiċli li tiġi stmata. Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar domanda speċifika għas-sustanza minn gruppi ta' utenti u mhix kummerċjalizzata fis-suq permezz ta' ħwienet fuq l-Internet.

    (7)

    L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-4-metilamfetammina hija prodotta u mqassma mill-istess gruppi kriminali organizzati li huma involuti fil-manifattura u t-traffikar tal-amfetammina.

    (8)

    L-4-metilamfetammina ma għandha l-ebda valur jew użu mediku magħruf, stabbilit jew rikonoxxut fl-Unjoni u ma hemm l-ebda awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tas-sustanza fl-Unjoni. Minbarra l-użu tagħha bħala standard analitiku ta' referenza u fir-riċerka xjentifika, ma hemm l-ebda indikazzjoni li tista' tintuża għal xi skopijiet leġittimi oħra.

    (9)

    L-4-metilamfetammina attwalment mhix qed tiġi vvalutata u ma kenitx qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti. Tmien Stati Membru jikkontrollaw is-sustanza skont il-leġislazzjoni dwar il-kontroll tad-droga bis-saħħa tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971. Żewġ Stati Membri oħrajn japplikaw id-definizzjoni ġenerika ta' fenetilammina fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom għas-sustanza, filwaqt li Stat Membru wieħed jikkontrollaha skont il-leġislazzjoni tiegħu tal-mediċini.

    (10)

    Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tar-Riskji juri li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli dwar il-karatteristiċi u r-riskji tal-4-metilamfetammina u jindika li jeħtieġ aktar studji dwar ir-riskji ġenerali għas-saħħa u dawk soċjali assoċjati mas-sustanza. Madankollu, l-evidenza disponibbli tipprovdi raġunijiet suffiċjenti biex jissottoponu lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. B'riżultat tar-riskji għas-saħħa li tippreżenta, kif dokumentat mill-individwazzjoni tagħha f'diversi fatalitajiet rapportati, speċjalment meta tintuża f'kombinazzjoni ma' sustanzi oħra, tax-xebh kbir tagħha f'termini ta' dehra u effetti mal-amfetammina, tal-fatt li min jużaha jista' bla ma jinduna jikkonsma s-sustanza, u tal-valur jew l-użu mediku limitat tagħha, l-4-metilamfetammina għandha tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    (11)

    Minħabba l-fatt li għaxar Stati Membri diġà jikkontrollaw l-4-metilamfetammina, il-fatt li din tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġu evitati problemi fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u fil-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    (12)

    Il-miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jistgħu jgħinu wkoll biex jiġi evitat li l-4-metilamfetammina tiżviluppa bħala alternattiva għall-amfetammina fis-swieq tad-drogi illeċiti.

    (13)

    Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni pronta u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni għal meta jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrapportati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ntlaħqu, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex l-4-metilamfetammina titqiegħed taħt kontroll fl-Unjoni kollha.

    (14)

    Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE (2) li ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”) bis-sentenza tagħha tas-16 ta' April 2015 fil-Kawża C-317/13 (3). F'dik is-sentenza, il-Qorti żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2013/129/UE sad-dħul fis-seħħ ta' atti ġodda maħsuba sabiex jissostitwixxuha. Għaldaqstant, mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-Deċiżjoni 2013/129/UE tieqaf tipproduċi effetti.

    (15)

    Biex tiżgura l-kontinwità tal-miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-4-metilamfetammina, din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta' żmien li fih dik is-sustanza psikoattiva ġdida għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/129/UE.

    (16)

    Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

    (17)

    L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

    (18)

    Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-sustanza psikoattiva ġdida 4-metilamfetammina għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2013/129/UE tieqaf tipproduċi effetti mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta' żmien li fih l-4-metilamfetammina għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/129/UE.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE tas-7 ta' Marzu 2013 li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta' kontroll (ĠU L 72, 15.3.2013, p. 11).

    (3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015, il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. C-317/13, ECLI:EU:C:2015:223.


    Top