Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1488

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1488 tat-2 ta' Settembru 2015 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

    ĠU L 229, 3.9.2015, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1488/oj

    3.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 229/12


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1488

    tat-2 ta' Settembru 2015

    li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

    (2)

    Fl-20 ta' Awwissu 2015, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), inkluda tliet persuni u entità waħda fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri imposti mill-paragrafi 30 u 32 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) tal-KSNU.

    (3)

    L-Anness tad-Deċiżjoni 2013/798/PESK għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-persuni u l-entità elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Settembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.


    ANNESS

    Persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1

    A.   Persuni

    4.

    Alfred YEKATOM (psewdonimu: a) Alfred Yekatom Saragba b) Aifred Ekatom c) Alfred Saragba d) Colonel Rombhot e) Colonel Rambo f) Colonel Rambot g) Colonel Rombot h) Colonel Romboh)

    Deżinjazzjoni: Kap Kapural tal-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA)

    Data tat-twelid: 23 ta' Ġunju 1976

    Post tat-twelid: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    Indirizz: a) Mbaiki, Provinċja ta' Lobaye, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. +236 72 15 47 07/+236 75 09 43 41) b) Bimbo, Provinċja ta' Ombella-Mpoko, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (post preċedenti)

    Informazzjoni oħra: Ikkontrolla u kien il-kmandant ta' grupp kbir ta' membri rġiel tal-milizzja armata. Isem il-missier (missier adottiv) huwa Ekatom Saragba (spellut ukoll Yekatom Saragba). Ħu Yves Saragba, Kmandant tal-milizzji anti-Balaka f'Batalimo, provinċja ta' Lobaye, u ex-suldat tal-FACA. Deskrizzjoni fiżika: kulur tal-għajnejn: suwed; kulur tax-xagħar: fartas; karnaġġjon: iswed; tul: 170cm; piż 100kg. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Alfred Yekatom, fl-20 ta' Awwissu 2015 f'konformità mal-paragrafu 11 tar-riżoluzzjoni 2196 (2015) ġie elenkat bħala “li jingaġġa fi jew li jagħti appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza.”

    Informazzjoni addizzjonali:

    Alfred Yekatom, magħruf ukoll bħala Kurunell Rombhot, huwa kap tal-milizzja ta' fazzjon tal-moviment tal-milizzji anti-Balaka, magħruf bħala “anti-Balaka min-Nofsinhar”. Huwa kien jokkupa l-kariga ta' Kap Kapural fil-Forces Armées Centrafricaines (FACA — forzi armati tar-Repubblika Ċentru-Afrikana).

    Yekatom kien involut fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jheddu l-ftehimiet transitorji, u li jheddu l-proċess ta' transizzjoni politika. Yekatom kien jikkontrolla u kien il-kmandant ta' grupp kbir ta' membri rġiel tal-milizzja armata bi preżenza fil-viċinat ta' PK9 f'Bangui, u fil-bliet ta' Bimbo (Provinċja Ombella-Mpoko) Cekia, Pissa, u Mbaïki (il-kapitali tal-Provinċja Lobaye), u kien stabbilixxa l-kwartieri ġenerali tiegħu f'konċessjoni forestali f'Batalimo.

    Yekatom kellu kontroll dirett ta' tużżana punti ta' kontroll magħmulin minn medja ta' għaxar membri rġiel tal-milizzja armata lebsin l-uniformi tal-armata u jġorru l-armi, inklużi azzarini tal-assalt militari, mill-pont prinċipali bejn Bimbo u Bangui sa Mbaïki (Provinċja ta' Lobaye) u minn Pissa sa Batalimo (ħdejn il-fruntiera mar-Repubblika tal-Kongo), fejn kien jiġbor taxxi mhux awtorizzati minn vetturi u muturi privati, vannijiet tal-passiġġieri u trakkijiet li jesportaw riżorsi tal-foresti lejn il-Kamerun u ċ-Chad, iżda wkoll minn dgħajjes li jbaħħru fuq ix-xmara Oubangui. Yekatom ġie osservat jiġbor personalment parti minn dawn it-taxxi mhux awtorizzati. Yekatom u l-milizzja tiegħu wkoll ġew allegatament irrapurtati li qatlu ċivili.

    5.

    Habib SOUSSOU (psewdonimu: Soussou Abib)

    Deżinjazzjoni: a) Koordinatur ta' milizzji anti-Balaka għall-Provinċja ta' Lobaye b) Kapural tal-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA)

    Data tat-twelid: 13 ta' Marzu 1980

    Post tat-twelid: Boda, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    Ċittadinanza: Indirizz fir-Repubblika Ċentru-Afrikana: Boda, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. + 236 72198628)

    Informazzjoni oħra: Maħtur bħala kmandant taż-żona (COMZONE) ta' Boda fil-11 ta' April 2014 u fit-28 ta' Ġunju 2014, għall-Provinċja kollha ta' Lobaye. Taħt il-kmand tiegħu, baqgħu jseħħu qtil immirat, ġlied u attakki kontra l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-ħaddiema umanitarji. Deskrizzjoni fiżika: kulur tal-għajnejn: kannella; kulur tax-xagħar: iswed; tul: 160cm; piż: 60kg. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Habib Soussou fl-20 ta' Awwissu 2015 skont il-paragrafi 11 u 12 (b) u (e) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) ġie elenkat bħala “li jingaġġa fi jew li jagħti appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza;”“involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li tikkostitwixxi abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, fil-mira taċ-ċivili, attakki abbażi ta' etnika jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spustament furzat” u “li jostakola t-twassil ta' assistenza umanitarja fir-RĊA, jew l-aċċess ta', jew id-distribuzzjoni ta' assistenza umanitarja fir-RĊA.”

    Informazzjoni addizzjonali:

    Habib Soussou kien maħtur bħala kmandant taż-żona tal-milizzji anti-Balaka (COMZONE) ta' Boda fil-11 ta' April 2014, u huwa sostna li huwa kien għalhekk responsabbli għas-sitwazzjoni ta' sigurtà fis-sous-préfecture. Fit-28 ta' Ġunju 2014, il-koordinatur ġenerali ta' milizzji anti-Balaka, Patrice Edouard Ngaïssona ħatar lil Habib Soussou bħala koordinatur provinċjali għall-belt ta' Boda mill-11 ta' April 2014 u mit-28 ta' Ġunju 2014 għall-provinċja kollha ta' Lobaye. Qtil immirat, ġlied u attakki minn milizzji anti-Balaka f'Boda kontra l-organizzazzjonijiet umanitarji u ħaddiema umanitarji li seħħew fuq bażi ta' kull ġimgħa f'oqsma li għalihom Soussou huwa l-kmandant jew il-koordinatur tal-milizzji anti-Balaka. Soussous u l-forzi tal-milizzji anti-Balaka f'dawn iż-żoni laqtu u heddew ukoll li jolqtu persuni ċivili.

    6.

    Oumar YOUNOUS (psewdonimu: a) Omar Younous b) Oumar Sodiam c) Oumar Younous M'Betibangui)

    Deżinjazzjoni: Kien il-Ġeneral tas-Séléka

    Ċittadinanza: Is-Sudan

    Indirizz: a) Bria, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. + 236 75507560) b) Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana c) Tullus, in-Nofsinhar ta' Darfur, is-Sudan (post ta' qabel)

    Informazzjoni oħra: Huwa traffikant tad-djamanti u ġeneral bi tliet stilel tas-Séléka u persuna ta' fiduċja tal-ex-president interim tar-RĊA Michel Djotodia. Deskrizzjoni fiżika: kulur tal-għajnejn: suwed; tul: 180cm; jagħmel parti mill-grupp etniku Fulani. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Oumar Younous, fl-20 ta' Awwissu 2015 f'konformità mal-paragrafi 11 u 12(d) tar-riżoluzzjoni 2196 (2015) ġie elenkat bħala “li jingaġġa fi jew li jagħti appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza;” u “li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti, id-deheb, l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi fir-RĊA”

    Informazzjoni addizzjonali:

    Oumar Younous, bħala Ġeneral ta' dik li kienet is-Séléka u traffikant tad-djamanti, ta appoġġ lil grupp armat permezz tal-isfruttar illeċitu u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

    F'Ottubru 2008, Oumar Younous, ex-xufier għall-istabbiliment tax-xiri ta' djamanti SODIAM, ingħaqad mal-grupp tar-ribelli Mouvement des Libérateurs Centrafricains pour la Justice (MLCJ). F'Diċembru 2013, Oumar Younous ġie identifikat bħala ġeneral bi tliet stilel tas-Séléka u persuna ta' fiduċja tal-president interim Michel Djotodia.

    Younous huwa involut fil-kummerċ tad-djamanti minn Bria u Sam Ouandja għas-Sudan. Sorsi rrappurtaw li Oumar Younous kien involut fil-ġbir ta' pakketti tad-djamanti moħbija fi Bria, u kien joħodhom is-Sudan biex jinbiegħu.

    В.   Entitajiet

    1.

    BUREAU D'ACHAT DE DIAMANT EN CENTRAFRIQUE/KARDIAM

    (Psewdonimu: a) BADICA/KRDIAM b) KARDIAM)

    Indirizz: a) BP 333 Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. + 32 3 2310521, Fax. +32 3 2331839, posta elettronika: kardiam.bvba@skvnet·be: sit web: www.groupeabdoulkarim.com) b) Antwerp, il-Belġju

    Informazzjoni oħra: Immexxi minn Abdoul-Karim Dan-Azoumi, mit-12 ta' Diċembru 1986 u minn Aboubaliasr Mahamat, mill-1 ta' Jannar 2005. Il-fergħat jinkludu MINAiR, u SOFIA TP (Douala, il-Kamerun).

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Il-Bureau d'achat de Diamant en Centrafrique/KARDIAM ġie elenkat fl-20 ta' Awwissu 2015 skont il-paragrafu 12(d) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li “pprovda appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar illegali u l-kummerċ ta' riżorsi naturali bħad-djamanti, id-deheb, kif ukoll l-annimali selvaġġi u l-prodotti tagħhom, fir-RĊA”

    Informazzjoni addizzjonali:

    BADICA/KARDIAM ipprovda appoġġ lil gruppi armati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jiġifieri dawk li kienu tas-Séléka u tal-milizzji anti-Balaka, permezz tal-isfruttar illeċitu u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti u d-deheb.

    Il-Bureau d'Achat de Diamant en Centrafrique (BADICA) fl-2014 kompla jixtri djamanti minn Bria u Sam-Ouandja (Provinċja ta' Haute Kotto) fil-Lvant tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, fejn il-forzi preċedenti tas-Séléka jimponu taxxi fuq inġenji tal-ajru li jittrasportaw djamanti u jirċievu ħlas għas-sigurtà minn kolletturi tad-djamanti. Ħafna mill-kolletturi fornituri ta' BADICA fi Bria u Sam-Ouandja huma assoċjati mill-qrib ma' ex-kmandanti tas-Séléka.

    F'Mejju 2014, l-awtoritajiet Belġjani żammew żewġ pakketti tad-djamanti mibgħuta lir-rappreżentanza ta' BADICA f'Antwerp, li hija rreġistrata uffiċjalment fil-Belġju bħala KARDIAM. Esperti tad-djamanti kkonkludew li d-djamanti miżmuma wisq probabbli kienu ta' oriġini Ċentru-Afrikana, u li kellhom karatteristiċi tipikament ta' Sam-Ouandja u Bria, kif ukoll Nola (Provinċja ta' Sangha Mbaéré), fil-Lbiċ tal-pajjiż.

    In-negozjanti li kienu jixtru djamanti traffikati illegalment mir-Repubblika Ċentru-Afrikana lejn swieq barranin, inkluż mill-parti tal-Punent tal-pajjiż, operaw fil-Kamerun f'isem BADICA.

    F'Mejju 2014, BADICA esporta wkoll deheb minn Yaloké (Ombella-Mpoko), fejn il-minjieri tad-deheb artiġjanali waqgħu taħt il-kontroll tas-Séléka sal-bidu ta' Frar 2014, meta l-gruppi anti-Balaka ħaduhom f'idejhom.


    Top