EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0267

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/267 tas- 17 ta' Frar 2015 li temenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tal-entrata tal-Ġappun fil-lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-laħam u ta' stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati (notifikata bid-dokument C(2015) 738) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 45, 19.2.2015, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/267/oj

19.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/267

tas-17 ta' Frar 2015

li temenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tal-entrata tal-Ġappun fil-lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-laħam u ta' stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati

(notifikata bid-dokument C(2015) 738)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel sottoparagrafu tal-punt (1) tal-Artikolu 8, il-punt (4) tal-Artikolu 8 u l-punt (c) tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 9 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (2) tistipula r-regoli tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u t-tranżitu u l-ħżin fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ċerti prodotti tal-laħam u ta' stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati (“il-prodotti”).

(2)

Il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' dawk il-prodotti, sakemm ikunu saru t-trattamenti rilevanti kif stabbilit fil-Parti 4 ta' dak l-Anness. It-trattamenti rilevanti qegħdin biex jeliminaw ċerti riskji għas-saħħa tal-annimali li huma marbutin mal-prodotti speċifiċi u mal-qagħda tas-saħħa tal-annimali fil-pajjiż terż jew f'partijiet minnu. Il-Parti 4 tistabbilixxi trattament “A” li mhuwiex speċifiku u trattamenti “B” sa “F” li huma speċifiċi u qegħdin elenkati skont is-severità tar-riskju għas-saħħa tal-annimali marbut mal-prodott, fejn “B” huwa marbut mal-aktar riskju sever u l-“F” mal-inqas wieħed sever.

(3)

Il-Ġappun mhuwiex elenkat fil-Parti 2 tal-Anness II tad Deċiżjoni 2007/777/KE bħala pajjiż terz minn fejn hi awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti. Madankollu, il-Ġappun talab li jinżied mal-lista għall-prodotti li jittieħdu minn annimali domestiċi bovini u porċini, minn bhejjem tal-ifrat imrobbijin għall-kaċċa, mill-pullam u minn tjur tal-kaċċa mrobbijin (minbarra għasafar li ma jtirux).

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (3) jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' laħam frisk. Skont dak ir-Regolament, il-kunsinni ta' laħam frisk maħsub għall-konsum mill-bniedem jistgħu jiġu impurtati fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin mill-pajjiżi terzi, jew minn territorji jew partijiet tal-pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II ta' dak ir-Regolament, u jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(5)

Il-Ġappun huwa elenkat fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fejn jirrigwarda kunsinni ta' laħam bovin frisk u, għaldaqstant, huwa rikonoxxut fil-leġiżlazzjoni bħala pajjiż li jipprovdi biżżejjed garanziji tas-saħħa tal-annimali fir-rigward ta' dawk il-kunsinni. Għalhekk, għandha tingħata l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-kunsinni tal-prodotti li jittieħdu minn annimali bovini li jiġu minn dak il-pajjiż terz, kif imsemmi fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, soġġett għat-trattament mhux speċifiku “A”, kif stabbilit fil-Parti 4 ta' dak l-Anness.

(6)

Fl-2014 il-Ġappun avża lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) dwar tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja (HPAI) tas-sottotip H5 f'azjendi fit-territorju tiegħu. Il-Ġappun impona politika ta' qerda biex il-marda u t-tifrix tagħha jiġu kkontrollati. Barra minn hekk, ġew ikkonfermati bosta drabi każijiet ta' HPAI tas-sottotip H5 f'għasafar slavaġ fit-territorju tiegħu. Għalhekk, għandha tingħata l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-kunsinni tal-prodotti li jittieħdu mill-pullam li jiġi minn dak il-pajjiż terz, kif imsemmi fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, soġġett għat-trattament speċifiku “D”, kif stabbilit fil-Parti 4 ta' dak l-Anness.

(7)

Il-Ġappun javża lill-OIE dwar tifqigħat ta' mard fl-annimali porċini, u l-qagħda f'dak il-pajjiż terz rigward il-mard li huma suxxettibbli għalih l-annimali porċini u li dwaru jrid ikun hemm garanziji ċċertifikati bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 206/2010, hija favorevoli. Għalhekk, il-kunsinni minn dak il-pajjiż terz li jittieħdu mill-annimali porċini, kif imsemmi fil-Parti 2 ta-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, għandhom jitħallew jiddaħħlu fl-Unjoni soġġett għat-trattament speċifiku “B”, kif stabbilit fil-Parti 4 ta' dak l-Anness.

(8)

Għaldaqstant, il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għandha tiġi emendata biex tawtorizza l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti mill-Ġappun li jittieħdu minn annimali domestiċi bovini u porċini, minn bhejjem tal-ifrat imrobbijin għall-kaċċa, mill-pullam u minn tjur tal-kaċċa mrobbijin (minbarra għasafar li ma jtirux).

(9)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/777/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE hija emendata skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta' Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).


ANNESS

Fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, l-entrata li ġejja għall-Ġappun tiddaħħal bejn l-entrata għall-Iżlanda u dik għall-Kenja:

“JP

Il-Ġappun

A

XXX

B

XXX

D

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX”


Top