Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1272

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2014 tat- 28 ta' Novembru 2014 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 rigward l-immarkar ta' kontenituri għall-iskop tal-importazzjoni temporanja tagħhom Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 344, 29.11.2014, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0481

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1272/oj

29.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1272/2014

tat-28 ta' Novembru 2014

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 rigward l-immarkar ta' kontenituri għall-iskop tal-importazzjoni temporanja tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b' mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar Dħul Temporanju konkluża f'Istanbul fis-26 ta' Ġunju 1990 (minn hawn' il quddiem “il-Konvenzjoni ta' Istanbul”). L-Anness B.3. tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fih dispożizzjonijiet dwar kontenituri, paletti, pakketti, kampjuni u oġġetti oħra li jiġu importati b'rabta ma' ħidma kummerċjali. Il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni dwar Dħul Temporanju rakkomanda fit-12-il laqgħa tiegħu fil-25 ta' Marzu 2013 emenda għall-Appendiċi II tal-Anness B.3. għall-Konvenzjoni ta' Istanbul li fihom dispożizzjonijiet dwar l-immarkar ta' kontenituri. Dik l-emenda daħlet fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2014.

(2)

Il-Konvenzjoni ta' Istanbul mhix direttament applikabbli fl-Unjoni. Għalhekk l-emenda tagħha għandha tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun konformi mal-obbligi internazzjonali tagħha.

(3)

Għalhekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (2) għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 557 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 hu emendat kif ġej:

(1)

Fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Għandu jingħata riljev totali mid-dazji tal-importazzjoni għall-kontenituri meta dawn ikunu ġew immarkati b'mod dejjiemi u xieraq u f'post viżibilment ċar bl-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tas-sid jew l-operatur, li tista' ssir jew b'ismu sħiħ jew b'identifikazzjoni stabbilita, bl-esklużjoni ta' simboli bħal ma huma emblemi jew bnadar.

(b)

il-marki ta' identifikazzjoni u n-numri tal-kontenitur, mogħtija mis-sid jew operatur;

(c)

il-piż tat-tara tal-kontenitur, inkluż l-apparat tagħha li jkun imwaħħal b'mod permanenti.”

.

(2)

Fil-paragrafu 1, wara l-ewwel subparagrafu għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fil-każ ta' kontenituri tal-merkanzija meqjusa għall-użu marittimu, jew fil-każ ta' kwalunkwe kontenitur ieħor li jutilizza l-prefiss standard tal-ISO (jiġifieri erba' ittri kbar li jispiċċaw b'U), l-identfikazzjoni tas-sid jew l-operatur prinċipali u n-numru tas-serje tal-kontenitur u d-diġit ta' kontroll tal-kontenitur għandhom ikunu konformi mal-Istandard Internazzjonali ISO 6346 u l-annessi tiegħu.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi diżpożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


Top