This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R1263
Commission Delegated Regulation (EU) No 1263/2014 of 26 November 2014 providing for temporary exceptional aid to milk producers in Estonia, Latvia and Lithuania
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1263/2014 tas- 26 ta' Novembru 2014 li jistipula għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1263/2014 tas- 26 ta' Novembru 2014 li jistipula għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja
ĠU L 341, 27.11.2014, p. 3–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
27.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 341/3 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1263/2014
tas-26 ta' Novembru 2014
li jistipula għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi prodotti tal-ħalib. Il-projbizzjoni affettwat b'mod partikulari s-setturi tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib tal-Estonja, tal-Latvja u tal-Litwanja, li huma partikolarment dipendenti fuq l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja. Fl-2013 dawk it-tliet Stati Membri kellhom aktar minn 15 % tal-produzzjoni tal-ħalib tagħhom esportata lejn ir-Russja u l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja minn dawk l-Istati Membri kienu responsabbli għal aktar minn 60 % tal-esportazzjoni totali tagħhom ta' prodotti tal-ħalib lejn pajjiżi terzi. |
(2) |
Il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola naqsu sew fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja f'Awwissu u Settembru, filwaqt li l-medja tal-Unjoni baqgħet relattivament stabbli. Meta mqabbla mas-sena li għaddiet, il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola f'Settembru huma 26 %–27 % aktar baxxi fl-Estonja u fil-Latvja, u 33 % fil-Litwanja, filwaqt li l-medja tal-Unjoni hija biss ta' madwar 5 % inqas. Il-prezzijiet tal-ħalib fit-tliet Stati Membri Baltiċi huma l-iktar qrib il-livelli ta' intervent fl-Unjoni. |
(3) |
Il-waqgħa fil-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjendi agrikoli għal livelli mhux sostenibbli tpoġġi fil-periklu s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib fit-tliet Stati Membri Baltiċi, li fl-2014 kienu fil-proċess li jibnu pożizzjoni sostenibbli fis-suq. Barra minn hekk, il-prodotti tal-ħalib magħmulin fl-Istati Membri Baltiċi kienu fil-parti l-kbira tagħhom jiddependu fuq is-suq Russu għall-ħtiġijiet u l-gosti. Is-settur jeħtieġ iż-żmien biex isib żbokki ġodda jew biex jadatta l-produzzjoni għal prodotti ġodda li jistgħu jissodisfaw id-domanda. |
(4) |
Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fit-tliet Stati Membri Baltiċi huwa orjentat l-aktar lejn prodotti għajr għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat u, għalhekk, dawk il-prodotti mhumiex koperti b'intervent pubbliku u għajnuna għal ħażna privata. |
(5) |
Għalhekk, sabiex jiġi indirizzat ix-xkiel eżistenti fis-suq, ikkawżat minn waqgħa sinifikanti fil-prezz, b'mod effiċjenti u effettiv, huwa xieraq li tingħata għajnuna lit-tliet Stati Membri Baltiċi fil-forma ta' pakkett finanzjarju ta' darba bil-ħsieb li jingħata appoġġ lill-produtturi tal-ħalib li huma affettwati mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet u, bħala riżultat, qed jiltaqgħu ma' problemi ta' likwidità. |
(6) |
Il-pakkett finanzjarju disponibbli għal kull Stat Membru kkonċernat għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-produzzjoni tal-ħalib għall-2013/2014 fi ħdan il-kwoti nazzjonali. Sabiex ikun żgurat li l-appoġġ ikun immirat għal dawk il-produtturi affettwati mill-projbizzjoni filwaqt li jitqies il-baġit limitat tar-riżorsi, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iqassmu dak l-ammont nazzjonali fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u b'mod mhux diskriminatorju, filwaqt li jevitaw kwalunkwe tfixkil għas-suq u għall-kompetizzjoni. |
(7) |
Minħabba li l-pakkett finanzjarju allokat lil kull Stat Membru kkonċernat se jikkumpensa biss parti limitata tat-telf reali mġarrab mill-produtturi, l-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu permessi jagħtu appoġġ addizzjonali lill-produtturi tal-ħalib, skont l-istess kundizzjonijiet ta' oġġettività, nuqqqas ta' diskriminazzjoni u nuqqas ta' tfixkil għall-kompetizzjoni. |
(8) |
Minħabba li l-pakkett finanzjarju għal kull Stat Membru kkonċernat huwa stabbilit f'euro, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u simultanja, huwa meħtieġ li tiġi ffissata data għall-konverżjoni tal-ammont allokat lil-Litwanja għall-munita nazzjonali tagħha. Huwa għalhekk xieraq li jiġi determinat l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju skont l-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Minħabba l-prinċipju msemmi fl-Artikolu 106(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 106(5)(c) ta' dak ir-Regolament, id-data tal-avveniment operattiv għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. |
(9) |
L-għajnuna prevista f'dan ir-Regolament għandha tingħata bħala miżura ta' appoġġ tas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. |
(10) |
Minħabba raġunijiet ta' baġit, l-Unjoni se tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri b'rabta mal-appoġġ finanzjarju tal-produtturi tal-ħalib meta dawn il-pagamenti jsiru sa ċertu data ta' skadenza. |
(11) |
Sabiex tkun żgurata t-trasparenza u l-monitoraġġ flimkien mal-amministrazzjoni tajba tal-pakketti nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-kriterji oġġettivi użati biex ikunu ddeterminati l-metodi biex jingħata l-appoġġ u l-azzjonijiet meħuda biex jiġi evitat tfixkil għall-kompetizzjoni. |
(12) |
Sabiex ikun żgurat li l-produtturi tal-ħalib jirċievu l-appoġġ malajr kemm jista' jkun, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament minnufih. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-għajnuna mill-Unjoni ta' ammont totali ta' EUR 28 661 259 għandha tkun disponibbli għall-Estonja, għal-Latvja u għal-Litwanja bħala appoġġ immirat għall-produtturi tal-ħalib milquta mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-Unjoni.
L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja għandhom jużaw l-ammonti disponibbli għalihom kif stabbilit fl-Anness fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dejjem jekk il-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx tfixkil għall-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iqisu l-firxa tal-effetti tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet fuq il-produtturi kkonċernati.
L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja għandhom jagħmlu dawk il-pagamenti sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2015.
2. Fir-rigward tal-Litwanja, id-data tal-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stipulati fl-Anness għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja jistgħu jagħtu appoġġ addizzjonali lill-produtturi tal-ħalib li jirċievu l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1, sa massimu daqs l-ammont korrispondenti tagħhom kif stipulat fl-Anness, u skont l-istess kundizzjonijiet ta' oġġettività, nuqqas ta' diskriminazzjoni u nuqqas ta' tfixkil għall-kompetizzjoni.
L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja għandhom iħallsu l-appoġġ addizzjonali sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2015.
Artikolu 3
L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan li ġej:
(a) |
minnufih u mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2015, il-kriterji oġġettivi użati biex ikunu ddeterminati l-metodi biex jingħata appoġġ immirat u l-miżuri meħuda biex ikun evitat it-tfixkil għall-kompetizzjoni; |
(b) |
mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2015, l-ammonti totali tal-għajnuna mħallsa u l-għadd u t-tip ta' benefiċjarji. |
Artikolu 4
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, is-26 ta' Novembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
ANNESS
Stat Membru |
Miljuni ta' EUR |
L-Estonja |
6,868253 |
Il-Latvja |
7,720114 |
Il-Litwanja |
14,072892 |