Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0504

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 504/2014 tal- 15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 145, 16.5.2014, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/504/oj

    16.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 145/28


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 504/2014

    tal-15 ta' Mejju 2014

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-sustanza attiva żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella kienet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (3) f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 24b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 (4). Mindu d-Direttiva Nru 91/414/KEE nbidlet bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza titqies li ġiet approvata skont dak ir-Regolament u hija elenkata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5).

    (2)

    F'konformità mal-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, ippreżentat lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni għaż-żjut tal-pjanti/iż-żejt taċ-ċitronella (6) fis-16 ta' Diċembru 2011. L-Awtorità wasslet l-opinjoni tagħha lin-notifikatur dwar iż-żjut tal-pjanti/iż-żejt taċ-ċitronella. Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur iressaq il-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni dwar iż-żjut tal-pjanti/iż-żejt taċ-ċitronella. L-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni flimkien mal-opinjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u l-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni ġie ffinalizzat fit-3 ta' Ottubru 2013 fil-format tar-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni għaż-żjut tal-pjanti/iż-żejt taċ-ċitronella.

    (3)

    Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (4)

    Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, kif ukoll fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, huwa meħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni jiġu emendati. B'mod partikolari, jixraq li tintalab aktar informazzjoni ta' konferma.

    (5)

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żjut tal-pjanti/iż-żejt taċ-ċitronella.

    (7)

    Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żjut tal-pjanti/iż-żejt taċ-ċitronella, fejn l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Miżuri tranżitorji

    F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u meta meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żjut tal-pjanti/iż-żejt taċ-ċitronella bħala sustanza attiva sal-5 ta' Diċembru 2014.

    Artikolu 3

    Il-perjodu ta' grazzja

    Kwalunkwe perjodu ta' grazzja mogħti mill-Istati Membri b'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mill-5 ta' Diċembru 2015.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta' Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba' stadju tal-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (6)  Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju bħala pestiċida tas-sustanza attiva żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella. EFSA Journal 2012; 10(2):2518. [42 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2012.2518 Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.


    ANNESS

    Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 240 dwar is-sustanza attiva żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella tinbidel b'dan li ġej:

    Numru

    Isem Komuni,

    Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità

    Data tal-approvazzjoni:

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “240

    Żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella

    Nru tas-CAS: 8000-29-1

    Nru CIPAC 905

    Iż-Żejt taċ-Ċitronella hija taħlita kumplessa ta' sustanzi kimiċi.

    Il-komponenti ewlenin huma:

     

    Ċitronellal (3,7-dimetil-6-ottenal).

     

    Ġeranjol ((E)-3,7-dimetil-2,6-ottadien-1-ol).

     

    Ċitronellol (3,7-dimetil-6-ottan-2-ol).

     

    Aċetat tal-ġeranil (aċetat tat-3,7-dimetil-6-otten-1il).

    Il-kwantità totali tal-impuritajiet li ġejjin ma għandhiex taqbeż 0,1 % tal-materja teknika: metil ewġenol u metil-isoewġenol

    fl-1 ta' Settembru 2009.

    fil-31 ta' Awwissu 2019.

    PARTI A

    L-użu bħala erbiċida biss jista' jkun awtorizzat.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar iż-żejt taċ-ċitronella (SANCO/2621/2008), u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, għandhom jiġu meqjusa.

    Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

    lill-protezzjoni ta' operaturi, ħaddiema, persuni fil-qrib u residenti, filwaqt li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta' użu jinkludu l-applikazzjoni ta' tagħmir ta' protezzjoni personali adegwat, fejn xieraq;

    lill-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'kundizzjonijiet vulnerabbli tal-ħamrija;

    lir-riskju għall-organiżmi li mhumiex fil-mira.

    In-notifikatur għandu jressaq informazzjoni ta' konferma dwar:

    (a)

    l-ispeċifikazzjoni teknika;

    (b)

    id-dejta li tqabbel is-sitwazzjonijiet ta' esponiment fl-ambjent naturali taż-żjut tal-pjanti/taż-żejt taċ-ċitronella u tal-metil ewġenol u l-metil isoewġenol b'rabta mal-esponiment mill-użu ta' żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Din id-dejta għandha tkopri l-esponiment uman kif ukoll l-esponiment ta' organiżmi mhux fil-mira;

    (c)

    il-valutazzjoni tal-esponiment tal-ilma ta' taħt l-art mill-metaboliti potenzjali taż-żjut tal-pjanti/żejt taċ-ċitronella, b'mod partikolari għall-metil ewġenol u l-metil isoewġenol.

    In-notifikatur għandu jissottometti din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sat-30 ta' April 2016.”


    Top