EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0156

2014/156/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u tal-pixxispad fil-Mediterran u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana (notifikata bid-dokument C(2014) 1717)

ĠU L 85, 21.3.2014, p. 15–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018; Imħassar b' 32018D1986

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/156/oj

21.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 85/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Marzu 2014

li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u tal-pixxispad fil-Mediterran u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana

(notifikata bid-dokument C(2014) 1717)

(2014/156/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 japplika għall-attivitajiet kollha li tkopri l-PKS imwettqa fit-territorju tal-Istati Membri jew fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istat Membru tal-bandiera, minn ċittadini tal-Istati Membri, u jistabbilixxi b’mod partikulari li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar isiru b’mod mhux diskriminatorju fejn jidħlu s-setturi, il-bastimenti jew il-persuni, u skont ġestjoni tar-riskju.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (2) jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni mill-Unjoni ta’ pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn (Thunnus thynnus) li tirrakkomanda l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“ICCAT”).

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (3) jistipula r-regoli li jikkonċernaw miżuri tekniċi, pjanijiet ta’ ġestjoni u miżuri speċifiċi għal speċijiet tassew migratorji, għall-finijiet tal-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin.

(4)

F’Mejju 2013 waqt is-37 Laqgħa Annwali tagħha, il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) approvat ir-Rakkomandazzjoni tal-GFCM 37/2013/1 (4) dwar pjan multiannwali ta’ ġestjoni għas-sajd tal-istokkijiet pelaġiċi żgħar fis-sottożona ġeografika nru 17 tal-GFCM (il-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana) u dwar miżuri tranżizzjonali ta’ konservazzjoni għas-sajd tal-istokkijiet pelaġiċi żgħar fis-sottożona ġeografika nru 18 (il-Baħar Adrijatiku tan-Nofsinhar).

(5)

Fil-Laqgħa Annwali tagħha tal-2011, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni [11-03] (5) għal miżuri ta’ ġestjoni għall-pixxispad tal-Mediterran Id-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjonijiet li approvaw l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd huma vinkolanti għall-Istati Membri u għalhekk huma rilevanti għal din id-Deċiżjoni, li tindirizza l-mod kif l-Istati Membri għandhom jippjanaw, jiskedaw u jagħmlu l-kontroll u l-ispezzjoni tagħhom tal-attivitajiet li jsiru fl-ambitu tal-PKS.

(6)

L-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, tiddetermina s-sajd li se jkun soġġett għal programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni. Dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri kif ukoll il-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni li jridu jiġu stabbiliti skont ġestjoni tar-riskju u jridu jiġu riveduti minn żmien għal żmien wara analiżi tar-riżultati miksuba. L-Istati Membri kkonċernati huma obbligati jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi umani u materjali u l-perjodi u ż-żoni fejn dawn għandhom jintużaw.

(7)

L-Artikolu 95(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistipula li l-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni li jridu jiġu stabbiliti skont ġestjoni tar-riskju. Għal dan il-għan, jixraq li jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju għall-attivitajiet ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ verifika ħalli l-analiżijiet tar-riskju u l-valutazzjonijiet globali tal-informazzjoni rilevanti ta’ kontroll u spezzjoni jkunu jistgħu jsiru f’waqthom. Il-kriterji komuni għandhom l-għan li jiżguraw approċċ armonizzat għall-ispezzjoni u l-verifika f’kull Stat Membru u li jistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha.

(8)

Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkun stabbilit għall-perjodu mis-16 ta’ Marzu 2014 sal-15 ta’ Marzu 2018 u għandhom jimplimentawh il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja.

(9)

L-Artikolu 98(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (6) jipprevedi li mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet misjuba fil-pjanijiet multiannwali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jagħżlu miri għall-ispezzjoni, bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli u, soġġett għal strateġija ta’ kontroll u ta’ infurzar ibbażata fuq ir-riskju, għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ spezzjoni meħtieġa b’mod oġġettiv ħalli jevitaw iż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, il-kummerċjalizzazzjoni u l-istokkjar ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw minn attivitajiet li mhumiex konformi mar-regoli tal-PKS.

(10)

L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (7) (“l-EFCA”) tikkoordina l-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni bi pjan ta’ eżerċizzju konġunt, li jagħti effett lill-għanijiet, lill-prijoritajiet, lill-proċeduri u lill-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni stipulati fil-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, u tidentifika l-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni li jistgħu jinġabru minn kull Stat Membru kkonċernat. Għalhekk għandhom jiġu ċċarati r-relazzjonijiet bejn il-proċeduri li jiddefinixxihom il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u dawk li jiddefinixxihom il-pjan ta’ eżerċizzju konġunt.

(11)

Sabiex jiġu armonizzati l-proċeduri ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, tal-pixxispad fil-Mediterran, u l-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana, u sabiex ikun żgurat li jirnexxu l-pjanijiet multiannwali u l-miżuri ta’ ġestjoni għal dawn l-istokkijiet u s-sajd tagħhom, jixraq li jitfasslu regoli għall-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li għandhom iwettqu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, inkluż l-aċċess reċiproku għal dejta rilevanti. Għal dak il-għan, il-punti ta’ riferiment u l-għanijiet fil-mira għandhom jiddeterminaw l-intensità u l-prijoritajiet tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni.

(12)

Meta applikabbli, għandhom isiru attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza bejn l-Istati Membri kkonċernati, skont il-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunt li tistabbilixxi l-EFCA bil-għan li ttejjeb l-uniformità fil-prattiki ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza u sabiex tgħin fl-iżvilupp tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri.

(13)

Ir-riżultati miksuba bl-applikazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jiġu evalwati b’rapporti annwali ta’ evalwazzjoni li kull Stat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-EFCA.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ġew stabbiliti flimkien mal-Istati Membri kkonċernati. Għalhekk din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lil dawn l-Istati Membri.

(15)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett u definizzjonijiet

Din id-Deċiżjoni li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni li japplika għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u tal-pixxispad fil-Mediterran u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana.

Minn hawn ‘il quddiem, il-Lvant tal-Atlantiku, il-Mediterran u l-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana jissejħu “iż-żoni kkonċernati”.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“l-Adrijatiku tat-Tramuntana” tfisser iż-żona definita hekk fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(b)

“Il-Mediterran” tfisser is-sottożoni 37.1, 37.2 u 37.3 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO).

(c)

“Il-Lvant tal-Atlantiku” tfisser iż-Żoni VII, VIII, IX, u X tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) kif jiddefinixxu l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u t-Taqsima 34.1.2 tal-FAO.

Artikolu 2

Il-kamp ta’ applikazzjoni

1.   B’mod partikolari, il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkopri dawn l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet tas-sajd skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 fiż-żoni kkonċernati;

(b)

l-attivitajiet relatati mas-sajd, inklużi t-tkabbir, l-użin, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-prodotti tas-sajd;

(c)

is-sajd sportiv u rikreattiv;

(d)

l-importazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (10);

(e)

l-esportazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 2(13) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

2.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu japplika sal-15 ta’ Marzu 2018.

3.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jimplimentawh il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja (“l-Istati Membri kkonċernati”).

KAPITOLU II

L-GĦANIJIET, IL-PRIJORITAJIET, IL-PROĊEDURI U L-PUNTI TA’ RIFERIMENT

Artikolu 3

L-għanijiet

1.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiżgura l-implimentazzjoni uniformi u effettiva tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli għall-istokkijiet msemmija fl-Artikolu 1.

2.   B’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li jsiru skont dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jimmiraw li jiżguraw il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-ġestjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u kwalunkwe kundizzjoni speċifika assoċjata magħha, inkluż il-monitoraġġ tal-utilizzazzjoni tal-kwota u tar-reġim tal-isforz fiż-żoni kkonċernati;

(b)

l-obbligi ta’ rappurtar li japplikaw għall-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata u rrappurtata;

(c)

l-obbligu li jinħattu l-qabdiet kollha tal-istokkijiet u taż-żoni kkonċernati b’din id-Deċiżjoni li huma soġġetti għal obbligu ta’ ħatt l-art skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(d)

id-dispożizzjonijiet speċifiċi li approvawhom l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd fir-rigward tal-istokkijiet u ż-żoni kkonċernati b’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Il-prijoritajiet

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom iwettqu attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd u tal-attivitajiet relatati mas-sajd minn operaturi oħra skont strateġija ta’ ġestjoni tar-riskju, f’konformità mal-Artikolu 4(18) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 98 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

2.   Kull bastiment tas-sajd, grupp ta’ bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, għal kull stokk imsemmi fl-Artikolu 1, għandu jkun soġġett għal kontroll u għal spezzjonijiet skont il-livell ta’ prijorità attribwit skont il-paragrafu 3.

3.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jattribwixxi l-livell ta’ prijorità skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju li ssir skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 5.

Artikolu 5

Il-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jevalwaw ir-riskji rigward l-istokkijiet u ż-żona/i koperta, skont it-tabella stabbilita fl-Anness I.

2.   Skont l-esperjenza tal-passat u permezz tal-informazzjoni kollha disponibbli u rilevanti, il-valutazzjoni tar-riskju ta’ kull Stat Membru għandha tqis kemm hu probabbli li jkun hemm nuqqas ta’ konformità u x’inhuma l-konsegwenza/i potenzjali kieku dan kellu jiġri. Billi jgħaqqad dawn l-elementi, kull Stat Membru għandu jistma livell tar-riskju (“baxx ħafna”, “baxx”, “medju”, “għoli” jew “għoli ħafna”) għal kull kategorija ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2).

3.   Meta bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru kkonċernat jew bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz, jopera fiż-żona/i msemmija fl-Artikolu 1, dan għandu jkun attribwit livell tar-riskju skont il-paragrafu 3. Jekk ma tingħatax informazzjoni u l-awtoritajiet tal-bandiera tiegħu ma jkunux ipprovdew, fil-qafas tal-Artikolu 9, ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess imwettqa skont l-Artikolu 4(2) u l-paragrafu 3 li twassal għal livell differenti tar-riskju, dan għandu jitqies bħala bastiment tas-sajd b’livell tar-riskju “għoli ħafna”.

Artikolu 6

L-istrateġija ta’ ġestjoni tar-riskju

1.   Skont il-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, kull Stat Membru kkonċernat għandu jiddefinixxi strateġija ta’ ġestjoni tar-riskju ffukata fuq l-iżgurar tal-konformità. Din l-istrateġija għandha tinkludi l-identifikazzjoni, id-deskrizzjoni u l-allokazzjoni ta’ strumenti ta’ kontroll u mezzi oħra ta’ spezzjoni xierqa u kosteffettivi, b’rabta man-natura u l-livell stmat ta’ kull riskju, kif ukoll il-kisba tal-punti ta’ riferiment fil-mira.

2.   L-istrateġija ta’ ġestjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi koordinata fil-livell reġjonali bi pjan ta’ eżerċizzju konġunt kif jiddefinixxi l-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.

Artikolu 7

Ir-rabta mal-proċeduri tal-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunt

1.   Fil-qafas ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt, fejn applikabbli, kull Stat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-EFCA r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu mwettqa skont l-Artikolu 5(3) u, b’mod partikolari, lista tal-livelli tar-riskju stmati flimkien ma’ miri korrispondenti għall-ispezzjoni.

2.   Meta jixraq, il-livelli tar-riskju u l-listi tal-miri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati bl-informazzjoni li tinġabar waqt l-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza. L-EFCA għandha tiġi informata minnufih malli jsir xi aġġornament.

3.   L-EFCA għandha tuża l-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri kkonċernati biex tikkoordina l-istrateġija ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livell reġjonali, skont l-Artikolu 6(2).

Artikolu 8

Il-punti ta’ riferiment fil-mira

1.   Mingħajr preġudizzju għall-punti ta’ riferiment fil-mira definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-punti ta’ riferiment fil-mira għal bastimenti tas-sajd, nases jew operaturi oħra b’livelli tar-riskju “għoli” u “għoli ħafna”, huma stipulati fl-Anness II.

2.   Għal xi speċijiet ikkonċernati minn din id-Deċiżjoni, l-għanijiet ta’ kontroll għal kull livell tar-riskju huma stabbiliti fl-Anness II.

3.   Il-punti ta’ riferiment fil-mira għal bastimenti tas-sajd, nases jew operaturi oħra b’livelli tar-riskju “baxx ħafna”, “baxx” u “medju” għandhom jiddeterminawhom l-Istati Membri kkonċernati bil-programmi ta’ azzjoni nazzjonali għall-kontroll li jissemmew fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u bil-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 95(4) ta’ dak ir-Regolament.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw alternattivament punti ta’ riferiment fil-mira differenti, espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità mtejba, diment li:

(a)

analiżi dettaljata tal-attivitajiet tas-sajd jew tal-attivitajiet relatati mas-sajd u tal-kwistjonijiet tal-infurzar relatati tiġġustifika l-ħtieġa li jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment fil-mira fil-forma ta’ livelli ta’ konformità mtejba,

(b)

il-punti ta’ riferiment espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità mtejba jiġu notifikati lill-Kummissjoni, u diment li din ma toġġezzjonax għalihom fi żmien 90 jum, ma jkunux diskriminatorji, u ma jaffettwawx l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri bbażati fuq ir-riskju li jiddefinixxi l-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

5.   Kull punt ta’ riferiment u kull għan fil-mira għandu jiġi eżaminat kull sena skont ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) u, meta xieraq, għandu jiġi rivedut skont dan fil-qafas tal-evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 13(4).

6.   Meta applikabbli, pjan ta’ eżerċizzju konġunt għandu jagħti effett lill-punti ta’ riferiment fil-mira msemmija f’dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

L-IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 9

Koperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkoperaw flimkien fl-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

2.   Meta jixraq, kull Stat Membru ieħor għandu jikkopera mal-Istati Membri kkonċernati.

3.   L-Istati Membri jistgħu jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

Artikolu 10

Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza

1.   Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-kontroll tas-sajd tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza fl-ilmijiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom u, meta jixraq fit-territorju tagħhom. Meta applikabbli, dawn l-attivitajiet għandhom isiru fil-qafas tal-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunt imsemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.

2.   Għall-fini tal-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza, l-Istati Membri kkonċernati għandhom:

(a)

jiżguraw li l-uffiċjali mill-Istati Membri kkonċernati l-oħra jkunu mistiedna jieħdu sehem fl-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza;

(b)

jistabbilixxu proċeduri operattivi konġunti li jkunu applikabbli għad-dgħajjes tas-sorveljanza tagħhom;

(c)

joħolqu punti tal-kuntatt kif jissemma fl-Artikolu 80(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, meta xieraq.

3.   L-Uffiċjali u l-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza.

Artikolu 11

L-iskambju tad-dejta

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, kull Stat Membru kkonċernat għandu jiżgura l-iskambju elettroniku dirett tad-dejta kif jissemma fl-Artikolu 111 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Anness XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 ma’ Stati Membri kkonċernati oħra u mal-EFCA.

2.   Id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata mal-attivitajiet tas-sajd u mal-attivitajiet relatati mas-sajd li jsiru fiż-żona/i li jkopri dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

Artikolu 12

Informazzjoni

1.   Sakemm issir l-implimentazzjoni sħiħa tat-Titolu XII tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u skont il-format stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-EFCA b’mezzi elettroniċi, din l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni, id-data, u t-tip ta’ kull operazzjoni ta’ kontroll jew spezzjoni li saret;

(b)

l-identifikazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd (in-numru tar-reġistru tal-flotta tal-Unjoni), nassa, vettura jew operatur (isem il-kumpanija) soġġett għal kontroll jew spezzjoni;

(c)

meta jixraq, it-tip ta’ rkaptu tas-sajd spezzjonat; u,

(d)

meta jinstab ksur serju jew bosta:

(i)

it-tip(i) ta’ ksur serju;

(ii)

il-qagħda dwar is-segwitu tal-ksur serju (b’mod partikolari jekk il-każ ikunx qed jiġi investigat, pendenti, fl-appell); u

(iii)

is-sanzjoni(jiet) imposta bħala segwitu tal-ksur serju: il-livelli tal-multi, il-valur tal-ħut u/jew irkaptu konfiskat, il-punti assenjati skont l-Artikolu 126(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, jew tip ieħor ta’ sanzjonijiet.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi komunikata għal kull kontroll jew spezzjoni u għandha tibqa’ tiġi elenkata u aġġornata f’kull rapport sakemm tintemm l-azzjoni skont il-liġijiet tal-Istat Membru kkonċernat. Meta ma tkunx ittieħdet azzjoni wara li jinstab ksur serju, għandha tingħata spjegazzjoni.

3.   Għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u tal-pixxispad fil-Mediterran, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tintbagħat lill-Kummissjoni u lill-EFCA b’mezzi elettroniċi fil-15 ta’ Settembru u għandha tiġi aġġornata sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

4.   Għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tintbagħat lill-Kummissjoni u lill-EFCA b’mezzi elettroniċi fil-15 ta’ April u għandha tiġi aġġornata sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.   Sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja rilevanti, kull Stat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-EFCA rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-effettività tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li saru skont dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

2.   Għallinqas, ir-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV. Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jinkludu wkoll azzjonijiet oħra bħal sessjonijiet ta’ taħriġ jew informazzjoni mfassla biex iħallu impatt fuq il-konformità mill-bastimenti tas-sajd jew minn operaturi oħrajn.

3.   Għall-valutazzjoni annwali tagħha tal-effettività tal-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunt li jissemmew fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005, l-EFCA għandha tqis ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Darba fis-sena, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura sabiex tiġi evalwata l-konvenjenza, l-adegwatezza u l-effettività tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u l-impatt globali tiegħu fuq il-konformità mill-bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra, skont ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-punti ta’ riferiment u l-għanijiet fil-mira li jistabbilixxi l-Anness II jistgħu jiġu riveduti skont dan.

Artikolu 14

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemeda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni GFCM 37/2013/1 dwar pjan multiannwali ta’ ġestjoni għas-sajd tal-istokkijiet pelaġiċi żgħar fil-GFCM-GSA nru 17 (il-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana) u dwar miżuri tranżizzjonali ta’ konservazzjoni għas-sajd tal-istokkijiet pelaġiċi żgħar fil-GSA nru 18 (il-Baħar Adrijatiku tan-Nofsinhar).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT għal miżuri ta’ ġestjoni għall-pixxispad tal-Mediterran fil-qafas tal-ICCAT.

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta’ April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1), li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999.

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).


ANNESS I

Il-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju

Kull bastiment tas-sajd, grupp ta’ bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, għal kull stokk jew qasam imsemmi fl-Artikolu 1, għandu jkun soġġett għal kontroll u għal spezzjonijiet skont il-livell ta’ prijorità attribwit. Il-livell ta’ prijorità għandu jingħata skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn kull Stat Membru kkonċernat, jew minn xi Stat Membru ieħor għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4), skont din il-proċedura:

Deskrizzjoni tar-riskju

[skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Indikatur

[skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Fażi fil-katina tas-sajd/tal-kummerċjalizzazzjoni (Meta u fejn jidher ir-riskju)

Punti li għandhom jitqiesu

[skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Okkorrenza fis-sajd (*)

Konsegwenza/i potenzjali (*)

Livell tar-riskju (*)

[Nota: ir-riskji li identifikaw l-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-għanijiet definiti fl-Artikolu 3]

 

 

Il-livelli ta’ qabdiet/ħatt l-art imqassmin skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet, u l-irkapti,

Id-disponibbiltà tal-kwota għall-bastimenti tas-sajd, imqassmin skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet u l-irkapti,

L-użu ta’ kaxex standardizzati,

Il-livell u l-varjazzjoni fil-prezz tas-suq għall-prodotti tas-sajd li nħattu l-art (l-ewwel bejgħ),

L-għadd ta’ spezzjonijiet li saru qabel u l-għadd ta’ ksur li nstab għall-bastiment tas-sajd u/jew għal operatur ieħor ikkonċernat,

L-obbligu ta’ ħatt l-art mill-1 ta’ Jannar 2015 skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013

Il-kuntest, u/jew il-periklu potenzjali, ta’ frodi b’rabta mal-port/mal-lok/maż-żona u mal-mestier.

Xi informazzjoni jew sejba importanti rilevanti oħra.

Frekwenti/

Medju/

Rari jkun hemm każijiet/jew

Mhux sinifikanti

Serju

Sinifikanti

Aċċettabbli/jew Marġinali

baxx ħafna/baxx/medju/għoli/jew għoli ħafna


(*)  

Nota: Għall-valutazzjoni tal-Istati Membri. Skont l-esperjenza tal-passat u permezz tal-informazzjoni kollha disponibbli, il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis kemm hu probabbli li jkun hemm nuqqas ta’ konformità u x’inhi l-konsegwenza potenzjali kieku dan kellu jiġri.


ANNESS II

IL-PUNTI TA’ RIFERIMENT FIL-MIRA

1.   Il-livell ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar (inkluż sorveljanza mill-ajru, fejn applikabbli)

Fuq bażi annwali, għandhom jintlaħqu dawn il-punti ta’ riferiment u l-għanijiet fil-mira għal spezzjonijiet fuq il-baħar ta’ bastimenti tas-sajd impenjati fis-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, tal-pixxispad fil-Mediterran u tal-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq il-baħar ikunu rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd u jkunu parti mill-istrateġija ta’ ġestjoni tar-riskju:

Il-punti ta’ riferiment fis-sena (*)

Il-livell tar-riskju stmat għal bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 5(2)

għoli

għoli ħafna

Sajd Nru 1 għat-tonn

Spezzjonijiet fuq il-baħar ta’ mill-inqas [2,5] % tal-vjaġġi tas-sajd li jagħmlu bastimenti tas-sajd li għandhom “riskju għoli” u li jistadu għall-ħut ikkonċernat

Spezzjonijiet fuq il-baħar ta’ mill-inqas [5] % tal-vjaġġi tas-sajd li jagħmlu bastimenti tas-sajd li għandhom “riskju għoli ħafna” u li jistadu għall-ħut ikkonċernat

Għanijiet

Kwalunkwe livell tar-riskju

Sajd Nru 1 għat-tonn

Minkejja l-punti ta’ riferiment li ġew stabbiliti hawn fuq rigward l-operazzjonijiet tat-trasferiment, l-għan għandu jkun li jsir massimu ta’ spezzjonijiet.

Sajd Nru 2 għall-pixxispad

Fl-ispezzjonijiet fuq il-baħar għandha tingħata prijorità lill-konformità mal-miżuri tekniċi u l-perjodi ta’ għeluq

Sajd Nru 3 għas-sardin u l-inċova

Spezzjonijiet fuq il-baħar ta’ mill-inqas 20 % tal-bastimenti tas-sajd li jimmiraw għall-istokkijiet ikkonċernati fl-istaġun tas-sajd rispettiv.

2.   Il-livell ta’ spezzjonijiet fuq l-art (inklużi kontrolli u spezzjonijiet dokumentati fil-portijiet jew fl-ewwel bejgħ)

Fuq bażi annwali, għandhom jintlaħqu dawn il-punti ta’ riferiment fil-mira u l-għanijiet għal spezzjonijiet fuq l-art (inklużi kontrolli u spezzjonijiet dokumentati fil-portijiet jew fl-ewwel bejgħ) ta’ bastimenti tas-sajd u operaturi oħra impenjati fis-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, tal-pixxispad fil-Mediterran u tal-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq l-art ikunu rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd/kummerċjalizzazzjoni u jkunu parti mill-istrateġija ta’ ġestjoni tar-riskju:

Il-punti ta’ riferiment fis-sena (**)

Il-livell tar-riskju stmat għal bastimenti tas-sajd u/jew għal operaturi oħra (l-ewwel xerrej)

għoli

għoli ħafna

Sajd Nru 1 għat-tonn

Spezzjonijiet fil-port ta’ mill-inqas [10] % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn fuq bastimenti tas-sajd b’livell tar-riskju “għoli”

Spezzjonijiet fil-port ta’ mill-inqas [15] % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn fuq bastimenti tas-sajd b’livell tar-riskju “għoli ħafna”

Sajd Nru 3 għas-sardin u l-inċova

Spezzjonijiet fil-port ta’ mill-inqas [10] % tal-kwantitajiet li jinħattu l-art minn fuq bastimenti tas-sajd b’livell tar-riskju “għoli”

Spezzjonijiet fil-port ta’ mill-inqas [15] % tal-kwantitajiet li jinħattu l-art minn fuq bastimenti tas-sajd b’livell tar-riskju “għoli ħafna”

Għanijiet

Kwalunkwe livell tar-riskju

Sajd Nru 2 għall-pixxispad

Fl-ispezzjonijiet fuq l-art għandha tingħata prijorità lill-konformità mal-miżuri tekniċi u l-perjodi ta’ għeluq

B’mod partikolari, l-ispezzjonijiet li jsiru wara ħatt l-art jew wara t-trażbord għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu ta’ kontroverifika komplementari biex tiġi verifikata l-affidabbiltà tal-informazzjoni reġistrata u rappurtata dwar il-qabdiet u ħatt l-art.

3.   Il-livell ta’ spezzjonijiet fuq nases u installazzjonijiet tal-farms

Fuq bażi annwali, għandhom jintlaħqu dawn il-punti ta’ riferiment fil-mira għal spezzjonijiet fuq nases u installazzjonijiet tal-farms relatati mal-istokkijiet tat-tonn fiż-żoni kkonċernati, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq l-art ikunu rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd/kummerċjalizzazzjoni u jkunu parti mill-istrateġija ta’ ġestjoni tar-riskju:

Il-punti ta’ riferiment fis-sena (***)

Il-livell tar-riskju stmat għal nases u/jew għal operaturi oħra (l-operatur tal-farm jew l-ewwel xerrej)

Kwalunkwe livell tar-riskju

Sajd Nru 1 għat-tonn

Spezzjoni ta’ 100 % tal-operazzjonijiet tat-tqegħid fil-gaġeġ u tat-trasferiment u installazzjonijiet tal-farms, inkluż ir-rilaxx tal-ħut.


(*)  espress f’ % ta’ vjaġġi tas-sajd fiż-żona li jagħmlu bastimenti tas-sajd li għandhom riskju għoli/għoli ħafna fis-sena

(**)  espress f’ % tal-kwantitajiet li jinħattu l-art minn fuq bastimenti tas-sajd b’riskju għoli/għoli ħafna fis-sena

(***)  espress f’ % tal-kwantitajiet involuti f’operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ minn nases u installazzjonijiet tal-farms b’riskju għoli/għoli ħafna fis-sena, inklużi t-trasferimenti u r-rilaxxi


ANNESS III

INFORMAZZJONI PERJODIKA DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM SPEĊIFIKU TA’ KONTROLL U SPEZZJONI

Il-format għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni li trid tingħata skont l-Artikolu 12 għal kull spezzjoni li għandha tiddaħħal fir-rapport:

Isem l-element

Il-kodiċi

Deskrizzjoni u kontenut

Identifikazzjoni tal-ispezzjoni

II

Kodiċi ISO alfa2 tal-pajjiż + 9 ċifri, eż: DK201200000

Data tal-ispezzjoni

DA

SSSS-XX-JJ

Tip ta’ spezzjoni jew kontroll

IT

Fuq il-baħar, fuq l-art, it-trasport, it-trasferiment, it-trasferiment tal-kontroll, it-tqegħid fil-gaġeġ, il-ħażna, it-trażbord, ir-rilaxx, id-dokument (li jrid jiġi indikat)

Identifikazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd, vettura jew operatur

ID

In-numru tar-reġistru tal-flotta tal-Unjoni u n-numru tar-reġistrazzjoni ICCAT (jekk applikabbli), u isem il-bastiment tas-sajd, in-nases, l-identifikazzjoni tal-vettura, u/jew isem il-kumpanija tal-operatur, inklużi l-installazzjonijiet tal-farms.

Tip ta’ rkaptu tas-sajd

GE

Il-kodiċi tal-irkaptu skont il-Klassifikazzjoni Statistika Standard Internazzjonali tal-Irkaptu tas-Sajd

Ksur

SI

I = iva, L = le

Tip ta’ ksur serju misjub

TS

Deskrizzjoni tal-ksur b’indikazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata.

Jekk applikabbli, it-tip ta’ ksur serju misjub, b’riferenza għan-numru (il-kolonna tax-xellug) fl-Anness XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. Barra minn hekk, kull ksur serju msemmi fl-Artikolu 90(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament ta’ Kontroll għandu jiġi identifikat rispettivament bin-numri “13”, “14” u “15”. Barra minn hekk (jekk applikabbli), kull ksur serju msemmi fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 302/2009 għandu jiġi identifikat rispettivament bl-ittri “a”, ”b”,…“p”.

Ammont ta’ ħut ikkonċernat, skont l-ispeċi

AF

Indika l-kwantitajiet ikkonċernati ta’ kull speċi abbord jew (għat-tonn ħaj) fil-gaġeġ (għat-tonn: il-piż u l-għadd)

Il-qagħda attwali tas-segwitu

FU

Indika l-qagħda attwali: PENDENTI, FL-APPELL jew MAGĦLUQ

Multa

SF

Multa f’EUR, eż: 500

Konfiska

SC

QABDA/IRKAPTU/IEĦOR għal konfiska fiżika. L-ammont sekwestrat f’każ ta’ valur tal-qabda/irkaptu f’EUR, eż: 10 000

Oħrajn

SO

F’każ ta’ rtirar tal-liċenzja/awtorizzazzjoni, indika LI jew AU + l-għadd ta’ jiem, eż: AU30

Punti

SP

L-għadd ta’ punti assenjati, eż: 12

Rimarki

RM

F’każ li ma tittieħed ebda azzjoni meta jinstab ksur serju, tingħata spjegazzjoni għalfejn fil-forma ta’ test liberu.


ANNESS IV

IL-KONTENUT TAR-RAPPORTI TA’ EVALWAZZJONI

Mill-inqas ir-rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom jinkludu din l-informazzjoni:

I.   Analiżi ġenerali tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru kkonċernat)

Deskrizzjoni tar-riskji li identifika l-Istat Membru kkonċernat u kontenut dettaljat tal-istrateġija tiegħu ta’ ġestjoni tar-riskju, inkluża deskrizzjoni tal-proċess ta’ rieżami u ta’ reviżjoni.

Paragun tat-tip ta’ għodod ta’ kontroll u spezzjoni użati u l-għadd ta’ mezzi ta’ spezzjoni impenjati/l-għadd ta’ mezzi pprovduti fl-eżekuzzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, inklużi t-tul u l-oqsma ta’ eżerċizzju;

Paragun tat-tip ta’ għodod ta’ kontroll u spezzjoni użati u l-għadd ta’ attivitajiet imwettqa ta’ kontroll u spezzjoni (imla skont l-informazzjoni mibgħuta skont l-Anness III)/l-għadd taż ksur serju misjub u, meta possibbli, analiżi dwar ir-raġunijiet li waslu għal dan il-ksur;

Sanzjonijiet imposti għal ksur serju (imla skont l-informazzjoni mibgħuta skont l-Anness III).

Analiżi ta’ azzjonijiet oħra (b’mod separat minn dawk ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar, eżempju sessjonijiet ta’ taħriġ jew informazzjoni) maħsuba biex iħallu impatt fuq il-konformità minn bastimenti tas-sajd u/jew minn operaturi oħra [EŻEMPJU: l-għadd ta’ titjib fl-irkaptu selettiv użat, l-għadd ta’ kampjuni ta’ merluzz/ħut żgħir eċċ.]

II.   Analiżi dettaljata tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru kkonċernat)

Analiżi tal-attivitajiet ta’ spezzjoni fuq il-baħar (inkluża s-sorveljanza mill-ajru, meta jixraq), b’mod partikolari:

paragun tal-bastimenti ta’ spezzjoni provduti/impenjati,

ir-rata ta’ ksur serju fuq il-baħar,

il-proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar fuq bastimenti tas-sajd b’livell tar-riskju “baxx ħafna”, “baxx”, jew “medju” li jwassal għal ksur serju wieħed jew aktar;

il-proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar fuq bastimenti tas-sajd b’livell tar-riskju “għoli” jew “għoli ħafna” li jwassal għal ksur serju wieħed jew aktar;

it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet/evalwazzjoni tal-effett deterrenti.

Analiżi tal-attivitajiet ta’ spezzjoni fuq l-art (inklużi l-kontrolli u l-ispezzjonijiet dokumentati fil-portijiet jew fl-ewwel bejgħ, jew it-trażbordi), b’mod partikolari:

paragun tal-unitajiet ta’ spezzjoni fuq l-art provduti/impenjati,

ir-rata ta’ ksur serju fuq l-art,

il-proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq l-art fuq bastimenti tas-sajd u/jew operaturi tas-sajd b’livell tar-riskju “baxx ħafna”, “baxx”, jew “medju” li jwassal għal ksur serju wieħed jew aktar;

il-proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq l-art fuq bastimenti tas-sajd b’livell tar-riskju “għoli” jew “għoli ħafna” li jwassal għal ksur serju wieħed jew aktar;

it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet/evalwazzjoni tal-effett deterrenti.

Analiżi tal-attivitajiet ta’ spezzjoni (inklużi l-kontrolli u l-ispezzjonijiet dokumentati) imwettqa f’installazzjonijiet tan-nases u f’installazzjonijiet tat-tismin u t-trobbija fil-farms, b’mod partikolari:

Għall-operazzjonijiet tat-tqegħid fil-gaġeġ

paragun tal-l-ispezzjonijiet provduti/impenjati,

ir-rata ta’ ksur serju fejn jidħlu l-operazzjonijiet tat-trasferiment, it-tqegħid fil-gaġeġ u r-rilaxx,

it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet/evalwazzjoni tal-effett deterrenti.

Għall-installazzjonijiet tan-nases

paragun tal-ispezzjonijiet provduti, meta wieħed iqis li 100 % tal-operazzjonijiet tal-ħsad u t-trasferiment għandhom jiġu spezzjonati f’installazzjonijiet tan-nases, inklużi t-trasferimenti lejn l-irziezet u l-gaġeġ tat-trasport.

ir-rata ta’ ksur serju f’installazzjonijiet tan-nases,

it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet/evalwazzjoni tal-effett deterrenti.

Analiżi tal-punti ta’ riferiment fil-mira espressi f’termini tal-livelli ta’ konformità (meta applikabbli), b’mod partikolari:

paragun tal-mezzi ta’ spezzjoni provduti/impenjati;

ir-rata u x-xejra ta’ ksur serju (meta mqabbla mas-sentejn (2) ta’ qabel);

il-proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq bastimenti tas-sajd/operaturi li jwasslu għal ksur serju wieħed jew aktar;

it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet/evalwazzjoni tal-effett deterrenti.

Analiżi ta’ attivitajiet oħra ta’ spezzjoni u kontroll: ir-trażbord, is-sorveljanza mill-ajru, l-importazzjoni/esportazzjoni, eċċ., kif ukoll azzjonijiet oħra bħal sessjonijiet ta’ taħriġ jew informazzjoni maħsuba biex iħallu impatt fuq il-konformità min-naħa tal-bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra

III.   Proposta/i sabiex titjieb l-effettività tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru kkonċernat)


Top