Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1297

    Regolament (UE) Nru 1297/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom, mar-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati Membri, u mar-regoli dwar il-pagamenti tal-bilanċ finali

    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 253–255 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Impliċitament imħassar minn 32013R1303

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1297/oj

    20.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 347/253


    REGOLAMENT (UE) Nru 1297/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta' Diċembru 2013

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom, mar-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati Membri, u mar-regoli dwar il-pagamenti tal-bilanċ finali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Il-kriżi globali finanzjarja u r-reċessjoni ekonomika mingħajr preċedent u persistenti għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabilità finanzjarja, u ħolqu deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri. B'mod partikolari, ċerti Stati Membri qed jesperjenzaw diffikultajiet serji jew huma mhedda b'diffikultajiet bħal dawn, partikolarment bi problemi fit-tkabbir ekonomiku u l-istabilità finanzjarja tagħhom, u b'deterjorament fil-pożizzjoni tad-defiċit u d-dejn tagħhom, b'riżultat ukoll tal-ambjent ekonomiku u finanzjarju internazzjonali.

    (2)

    Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet biex jilqgħu kontra l-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja, inklużi emendi fil-qafas leġiżlattiv, l-impatt ta' dik il-kriżi fuq l-ekonomija reali, fuq is-suq tax-xogħol u ċ-ċittadini qed jinħass ma' kullimkien. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qed tiżdied u għandhom jittieħdu urġentement aktar miżuri biex tittaffa din il-pressjoni permezz tal- użu massimali u ottimali tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni (“il-Fondi”). Minħabba l-persistenza tad-diffikultajiet finanzjarji, huwa neċessarju li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-miżuri adottati bir-Regolament (UE) Nru 1311/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dawk il-miżuri ġew adottati skont l-Artikolu 122(2) u l-Artikoli 136 u 143 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, biex tingħata għajnuna għall-aċċelerazzjoni tal-investimenti fl-Istati Membri u r-reġjuni, u biex titjieb id-disponibbiltà tal-finanzjament għall-ekonomija, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (5) ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1311/2011 biex jippermetti ż-żieda ta' pagamenti interim mill-Fondi b'ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali aktar mir-rata ta' kofinanzjament reali għal kull assi ta' prijorità għall-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom u għamlu talba biex jibbenefikaw minn din il-miżura.

    (4)

    L-Artikolu 77(6) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jippermetti l-applikazzjoni ta’ rata miżjuda ta’ kofinanzjament sal-31 ta’ Diċembru 2013. Madankollu, peress li l-Istati Membri għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom, it-tul tal-applikazzjoni ta’ rata miżjuda ta’ kofinanzjament ma għandux ikun limitat sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    (5)

    F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 u kif provdut fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandha tapplika r-rata ta' kofinanzjament miżjuda b'10 punti perċentwali fir-rigward tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 sat-30 ta' Ġunju 2016, meta l-possibilità taż-żieda għandha tiġi eżaminata mill-ġdid. Peress li l-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020 jaħbtu flimkien, jeħtieġ li jkun żgurat trattament koerenti u uniformi tal-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja matul iż-żewġ perjodi. Għaldaqstant, dawk l-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja għandhom jibbenefikaw ukoll miż-żieda fir-rata ta' kofinanzjament sa tmiem il-perijodu ta' eliġibbiltà u jkollhom dritt għaliha fit-talbiet tagħhom għal bilanċ finali anki jekk l-assistenza finanzjarja ma tkunx baqgħet tiġi pprovduta.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu l-għan li jikkontribwixxi biex tinkiseb konċentrazzjoni adegwata tal-fondi ta' koeżjoni fir-reġjuni u l-Istati Membri l-inqas żviluppati. Bħala kontribut għat-tnaqqis tad-disparitajiet fil-medja tal-intensitajiet tal-għajnuna per capita, il-limitar massimu tat-trasferiment (capping) mill-Fondi għal kull Stat Membru individwali skont ir-Regolamenti futuri għandu jiġi ffissat għal 2,35 % tal-PDG tal-Istat Membru. Il-limitar massimu se jkun applikat fuq bażi annwali, u, jekk applikabbli, se jnaqqas proporzjonalment it-trasferimenti kollha (ħlief għar-reġjuni l-aktar żviluppati u l-mira tal-Kooperazzjoni territorjali Ewropea) lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jinkiseb il-livell massimu ta’ trasferimenti. Għall-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni qabel l-2013 u li t-tkabbir reali medju tal-PDG tagħhom fil-perijodu 2008-2010 kien aktar baxx minn – 1 %, il-livell massimu ta’ trasferiment għandu jiġi ffissat għal 2,59 % tal-PDG tagħhom.

    (7)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jillimita l-allokazzjonijiet għal kull Stat Membru għal 110 % tal-livell tagħhom f'termini reali għall-perjodu 2007-2013. L-Istati Membri affettwati minn dan il-limitar massimu jeħtieġ li jkomplu jiġu protetti mir-riskju ta’ diżimpenn awtomatiku tal-allokazzjonijiet fil-perjodu 2007-2013.

    (8)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2013, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tesplora soluzzjonijiet prattiċi fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżimpenn awtomatiku tal-Fondi mill-pakkett nazzjonali tal-2007-2013 għar-Rumanija u s-Slovakkja, inkluża l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

    (9)

    Il-Kunsill Ewropew enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat livell u profil maniġġabbli għall-ħlasijiet fl-intestaturi kollha sabiex jiġu llimitati l-impenji baġitarji pendenti, partikolarment billi jiġu applikati regoli għad-diżimpenn awtomatiku fl-intestaturi kollha. Għalhekk, dispożizzjonijiet li jirrilaxxaw ir-regoli ta’ diżimpenn għall-Istati Membri affettwati mil-limitu massimu stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom ikunu bbilanċjati fid-dawl tal-effetti tagħhom fuq l-impenji baġitarji pendenti.

    (10)

    L-iskadenza għall-kalkolu tad-diżimpenn awtomatiku tal-impenji tal-baġit annwali għas-snin 2011 u 2012 għandha tiġi estiża b’sena iżda l-impenn tal-baġit tal-2012, li se jkun għadu miftuħ sal-31 ta' Diċembru 2015, għandu jiġi ġġustifikat sal-31 ta' Diċembru 2015. Dik l-estensjoni għandha tgħin sabiex jitjieb l-assorbiment tal-fondi impenjati għal programmi operazzjonali fl-Istati Membri li huma affettwati minn limitar massimu fuq l-allokazzjonijiet futuri tal-politika ta’ koeżjoni tagħhom għal 110 % tal-livell tagħhom f’termini reali għall-perjodu 2007-2013. Din il-flessibilità hija meħtieġa sabiex jiġi indirizzat ritmu anqas mgħaġġel milli kien mistenni tal-implimentazzjoni tal-programmi li qed jaffettwa lil dawk l-Istati Membri b’mod partikolari.

    (11)

    Meta jiġi stabbilit l-ammont tal-bilanċ finali li għandu jitħallas lill-programmi operazzjonali għandhom jiġu applikati aġġustamenti limitati tal-ammont massimu ta' għajnuna mill-Fondi għal kull assi prioritarju sabiex jiġi ottimizzat l-assorbiment tal-Fondi.

    (12)

    Minħabba n-natura bla preċedent tal-kriżi, hija meħtieġa l-adozzjoni rapida ta’ miżuri ta’ appoġġ u għalhekk huwa xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (13)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 1083/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 77 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    “2.   B'deroga mill-Artikolu 53(2), mit-tieni sentenza tal-Artikolu 53(4) u mil-limiti massimi stipulati fl-Anness III, il-pagamenti interim u l-pagamenti tal-bilanċ finali għandhom jiżdiedu b'ammont li jikkorrispondi għal 10 punti perċentwali ogħla mir-rata ta' kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju, imma m'għandhomx jaqbżu l-100 %, li għandhom jiġu applikati għall-ammont ta' nfiq eliġibbli li jkun għadu kif ġie ddikjarat mill-ġdid f'kull dikjarazzjoni ċċertifikata tal-infiq imressqa sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, meta, wara 21 ta’ Diċembru 2013, Stat Membru jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ikun hemm għajnuna finanzjarja disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (*), jew ikun hemm għajnuna finanzjarja disponibbli għalih minn Stati Membri oħra taż-żona tal-euro qabel id-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament;

    (b)

    ikun hemm għajnuna finanzjarja għal żmien medju disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (**);

    (c)

    ikun hemm għajnuna finanzjarja disponibbli għalih skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (*)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1)."

    (**)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-pagamenti tal-Istati Membri (OJ L 53, 23.2.2002, p. 1).”;"

    (b)

    Jitħassar il-paragrafu 6;

    (c)

    Jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “12.   B'deroga mill-paragrafu 10, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta' pagamenti tal-bilanċ finali għal kull assi prijoritarju ma għandhiex taqbeż, b'aktar minn 10 %, l-ammont massimu ta' għajnuna mill-Fondi għal kull assi prijoritarju kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operazzjonali. Madankollu, l-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta' pagamenti tal-bilanċ finali ma għandhiex taqbeż il-kontribuzzjoni pubblika ddikjarata u l-ammont massimu ta' għajnuna minn kull Fond lil kull programm Operazzjonali kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operazzjonali.”;

    (2)

    L-Artikolu 93 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2b.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u mill-paragrafu 2, għall-Istati Membri li l-allokazzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni tagħhom fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 huma limitati għal 110 % tal-livell tagħhom f’termini reali għall-perjodu 2007-2013, l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 hija l-31 ta’ Diċembru tat-tielet sena wara s-sena tal-impenn tal-baġit annwali mill-2007 sal-2012 skont il-programmi operazzjonali tagħhom.”;

    (b)

    Fil-paragrafu 3, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

    “L-ewwel subparagrafu huwa bla preġudizzju għall-applikazzjoni tal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 2b tal-impenn tal-baġit tal-2012 għall-Istati Membri msemmija f'dak il-paragrafu.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. LEŠKEVIČIUS


    (1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2013

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1311/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 5).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top