Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1166

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1166/2013 tat- 18 ta’ Novembru 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva diklorprop-P Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 309, 19.11.2013, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1166/oj

19.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1166/2013

tat-18 ta’ Novembru 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva diklorprop-P

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/74/KE (2) inkludiet id-diklorprop-P bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3), bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li n-notifikatur, li proprju fuq talba tiegħu d-diklorprop-P ġie inkluż f’dak l-Anness, jipprovdi aktar informazzjoni ta’ konferma dwar il-metaboliżmu tal-annimali u l-valutazzjoni tar-riskju fuq espożizzjoni akuta u ta’ medda qasira ta’ żmien għall-għasafar u fuq espożizzjoni akuta għall-mammiferi erbivori.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u jinsabu elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

In-notifikatur ressaq informazzjoni addizzjonali bil-għan li tiġi kkonfermata l-valutazzjoni tar-riskju għall-għasafar u l-mammiferi għall-użu fiċ-ċereali, il-bwar u l-uċuħ tar-raba’ taż-żerriegħa tal-ħaxix lid-Danimarka, l-Istat Membru relatur, fil-perjodu ta’ żmien previst li titressaq.

(4)

Id-Danimarka vvalutat l-informazzjoni addizzjonali mressqa min-notifikatur. Hija ressqet il-valutazzjoni tagħha, fil-forma ta’ addendum tal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ‘il quddiem magħrufa bħala “l-Awtorità”, fit-22 ta’ Lulju 2011.

(5)

Il-Kummissjoni kkonsultat l-Awtorità li ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tad-diklorprop-P fit-13 ta’ Novembru 2012 (5).

(6)

Fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta min-notifikatur, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni ulterjuri ta’ konferma li kienet meħtieġa, ma ġietx ipprovduta kompletament u li ma setax jiġi eskluż ir-riskju għoli għall-għasafar u l-mammiferi ħlief billi jiġu imposti aktar restrizzjonijiet.

(7)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport tal-analiżi għad-diklorprop-P.

(8)

Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva diklorprop-P trid titqies li ġiet approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Madankollu, sabiex titnaqqas l-espożizzjoni tal-għasafar u tal-mammiferi huwa xieraq li titkompla r-restrizzjoni tal-użi ta’ din is-sustanza attiva u li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi għat-taffija tar-riskji għall-protezzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet.

(9)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(10)

L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-diklorprop-P.

(11)

Fejn l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta’ grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-diklorprop-P, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn sena wara l-irtirar jew l-emenda tal-awtorizzazzjoni rispettiva.

(12)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Miżuri Tranżizzjonali

Fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-diklorprop-P bħala sustanza attiva sad-9 ta’ Ġunju 2014.

Artikolu 3

Perjodu ta’ Grazzja

Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux iktar tard mid-9 ta’ Ġunju 2015.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/74/KE tal-21 ta’ Awwissu 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tad-dichlorprop-P, il-metconazole, il-pyrimethanil u t-triclopyril bħala sustanzi attivi (ĠU L 235, 30.8.2006, p. 17).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1)

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  EFSA Journal 2012; 10(11):2950. Disponibbli fuq l-Internet: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm


ANNESS

Il-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 133, diklorprop-P, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 tinbidel b’dan li ġej:

“PARTI A

Jista’ jiġi awtorizzat biss l-użu bħala erbiċida biss.

Fir-rigward taċ-ċereali, tista’ tiġi awtorizzata biss l-applikazzjoni fir-rebbiegħa u f’rati li ma jaqbżux it-800 g tas-sustanza attiva għal kull ettaru għal kull applikazzjoni.

L-użu fuq il-bwar ma għandux jiġi awtorizzat.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar id-diklorprop-P, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-23 ta’ Mejju 2006.

F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod partikolari l-protezzjoni tal-għasafar, il-mammiferi, l-organiżmi akkwatiċi u l-pjanti mhux fil-mira.

Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju.”


Top