Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0801

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 tat- 22 ta’ Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1275/2008 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfi, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 642/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 225, 23.8.2013, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/801/oj

    23.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 225/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 801/2013

    tat-22 ta’ Awwissu 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1275/2008 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfi, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 642/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttivao2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikoluo15(1) tagħha,

    Wara li kkonsultat il-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprovdi għal miżura ta’ implimentazzjoni, peress li waħda mill-miżuri prijoritarji hija li titnaqqas il-ħela mill-konsum bil-modalità standby għal grupp ta’ prodotti.

    (2)

    Il-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità standby ta’ netwerk kien ġie indirizzat permezz tal-istudju tekniku, ambjentali u ekonomiku dwar il-ħela fil-modalitajiet standby u mitfi li sar fl-2006/2007. Mill-istudju ġie konkluż li l-konnettività ta’ netwerks kienet se ssir karatteristika komuni tat-tagħmir tad-dar u tal-uffiċċju. Fil-21 ta’ Ġunju 2008, il-Kumitat Regolatorju dwar l-Ekodisinn tal-Prodotti li jużaw l-Enerġija rrakkomanda li l-kwistjoni tal-konsum tal-elettriku fil-modalità standby ta’ netwerk tiġi indirizzata fi proċess separat; dan, minħabba n-nuqqas ta’ dejta disponibbli f’dak iż-żmien.

    (3)

    Il-Pjan ta’ Ħidma 2009-2011 għall-Ekodisinn identifika l-kwistjoni tal-modalità standby ta’ netwerk bħala waħda mill-prijoritajiet. Għalhekk, fl-2010/2011 il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija li stħarreġ l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-modalità standby ta’ netwerk. L-istudju tfassal flimkien mal-partijiet interessati mill-UE u minn pajjiżi mhux membri tal-UE, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (4)

    Mill-istudju ħareġ li l-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju mibjugħ fil-Komunità relatat ma’ kundizzjonijiet li jippermettu l-użu tal-modalità standby ta’ netwerk kien jammonta għal 54 TWh fl-2010, li jikkorrispondi għal 23 Mt ta’ emissjonijiet ta’ CO2 Jekk ma jittieħdux miżuri speċifiċi, huwa mbassar li sal-2020, il-konsum sejjer jiżdied għal 90 TWh. Il-konklużjoni tal-istudju kienet li l-konsum tal-elettriku relatat mal-modalità standby ta’ netwerk jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti. Dan ir-Regolament għandu jżid il-penetrazzjoni fis-suq tat-teknoloġiji li jipproduċu effiċjenza enerġetika mtejba fir-rigward tal-modalità standby ta’ netwerk, li huwa stmat li għandu jwassal għal frankar ta’ enerġija li jlaħħaq għal 36 TWh fl-2020 u għal 49 TWh fl-2025, meta mqabbel ma’ xenarju ta’ “kollox jibqa’ kif inhu”.

    (5)

    B’mod partikolari, l-istudju sab li l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-enerġija li tiswiċċja t-tagħmir għal kundizzjoni ta’ standby ta’ netwerk meta ma jkunx qiegħed iwettaq funzjoni ewlenija hija essenzjali biex jinkiseb l-iffrankar potenzjali. It-tagħmir, riattivat permezz ta’ kmand estern jew intern, jista’ jkun f’modalità attiv għal perjodu ta’ żmien limitat ikun xi jkunu l-funzjonijiet ewlenin tiegħu, eż., li jippermetti l-manutenzjoni jew it-tniżżil ta’ softwer. Il-ġestjoni tal-enerġija għandha tiżgura li l-modalità tal-prodott tmur lura għall-kundizzjoni ta’ standby ta’ netwerk wara li x-xogħol ikun tlesta.

    (6)

    Mill-istudju preparatorju ġie konkluż li, għall-modalità standby ta’ netwerk, kien meħtieġ li jsir divrenzjar tar-rekwiżiti skont id-disponibbiltà tan-netwerk. Għal din ir-raġuni, ġie identifikat għadd limitat ta’ tagħmir HiNA, li jinkludi r-router, is-swiċċ ta’ netwerk, il-punt ta’ aċċess għan-netwerk bla fili, il-hub u l-modem, li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jipproċessa t-traffiku tan-netwerk. Minħabba li r-reazzjoni tat-tagħmir fuq it-traffiku li jkun dieħel hija mistennija li ssir b’mod immedjat, il-kundizzjoni ta’ standby ta’ netwerk tista’ titqies ekwivalenti għall-modalità inattiv.

    (7)

    Peress li l-funzjonalitajiet fil-kundizzjonijiet ta’ standby u ta’ standby ta’ netwerk huma konnessi ma’ xulxin u l-ambitu tal-applikazzjoni tal-prodott huwa ekwivalenti, fl-14 ta’ Settembru 2011 il-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn esprima l-appoġġ tiegħu għall-opinjoni li r-rekwiżiti tal-ekodisinn fir-rigward tal-modalità standby ta’ netwerk għandhom jiġu stabbiliti f’att li emenda r-Regolament eżistenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 (3).

    (8)

    Ir-rekwiżiti għall-modalitajiet standby u mitfi, u għall-modalità standby ta’ netwerk għandhom jiġu riveduti flimkien. Peress li d-data tar-reviżjoni stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 tippreċedi d-dħul fis-seħħ tal-ewwel stadju tar-rekwiżiti tal-modalità standby ta’ netwerk, id-data tar-reviżjoni tar-Regolament għandha tiġi posposta b’sena.

    (9)

    Peress li t-televixins li huma suġġetti għal miżura ta’ implimentazzjoni għall-ekodisinn speċifika għall-prodott ġew eżentati mill-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-modalità standby ta’ netwerk fir-rigward ta’ televixins huma inklużi fir-Regolament (KE) Nru 642/2009 (4). Fl-istudju tekniku, ambjentali u ekonomiku dwar il-modalità standby ta’ netwerk ġie stmat li r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-modalità standby ta’ netwerk tat-televixins għandhom iwasslu għal frankar ta’ 10 TWh sal-2020.

    (10)

    Għall-magni tal-kafè, il-Forums ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn (5) tas-16 ta’ Diċembru 2011 u tat-18 ta’ April 2012 esprimew l-appoġġ tagħhom għall-opinjoni li għandha tiġi adottata miżura ta’ implimentazzjoni speċifika għall-prodott, iżda r-rekwiżiti fir-rigward tal-modalità standby tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008 għandhom isiru aktar speċifiċi għall-magni tal-kafè.

    (11)

    Dan ir-regolament jintroduċi speċifikazzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ rekwiżiti tal-ġestjoni tal-enerġija għall-magni tal-kafè fir-rigward tal-ħin predefinit tad-dewmien, li warajh it-tagħmir jiġi swiċċjat awtomatikament għall-modalità standby/mitfi.

    (12)

    Mill-istudju tekniku, ambjentali u ekonomiku dwar il-magni tal-kafè tad-dar, li sar fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, jirriżulta li jekk jitnaqqas il-ħin predefinit tad-dewmien li warajh il-magna tal-kafè tiswiċċja awtomatikament għall-modalità standby/mitfi, dan għandu jwassal għal frankar annwali addizzjonali ta’ aktar minn 2 TWh sal-2020. Dan l-iffrankar ma ġiex meqjus fl-istimi tal-iffrankar li saru għar-Regolament (KE) Nru 1275/2008,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1275/2008

    Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    It-titolu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “ ‘Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalitajiet standby u mitfi u fil-modalità standby ta’ netwerk

    (2)

    L-Artikolu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Suġġett u ambitu

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn relatati mal-konsum tal-elettriku fil-modalitajiet standby u mitfi, u f’modalità standby ta’ netwerk, għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju.

    Dan ir-Regolament mhux applikabbli għal tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħed fis-suq bi provvisti tal-enerġija esterni b’vultaġġ baxx biex jaħdem kif suppost.”

    (3)

    Fl-Artikolu 2, jiddaħħlu dawn id-definizzjonijiet:

    “10.

    “netwerk” tfisser infrastruttura tal-komunikazzjoni b’topoloġija ta’ konnessjonijiet, arkitettura, inkluż il-komponenti fiżiċi, prinċipji organizzattivi, proċeduri u formati tal-komunikazzjonijiet (protokolli);

    11.

    “standby ta’ netwerk” tfisser il-kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun jista’ jerġa’ jħaddem funzjoni permezz ta’ kmand mill-bogħod li jingħata minn konnessjoni ta’ netwerk;

    12.

    “kmand mogħti mill-bogħod” tfisser sinjal li jiġi minn barra t-tagħmir, permezz ta’ netwerk;

    13.

    “port tan-netwerk” tfisser interfaċċja fiżika, bil-fili jew bla fili, tal-konnessjoni tan-netwerk li tkun fit-tagħmir u li permezz tagħha, it-tagħmir ikun jista’ jiġi attivat mill-bogħod;

    14.

    “port tan-netwerk loġiku” tfisser it-teknoloġija ta’ netwerk li tiffunzjona fuq port tan-netwerk fiżiku;

    15.

    “port tan-netwerk fiżiku” tfisser mezz fiżiku (ħardwer) ta’ port tan-netwerk. Port tan-netwerk fiżiku jista’ jieħu żewġ teknoloġiji ta’ netwerk jew aktar;

    16.

    “disponibbiltà tan-netwerk” tfisser il-kapaċità tat-tagħmir li jerġa’ jħaddem funzjonijiet wara li kmand mogħti mill-bogħod jiġi rikonoxxut minn port tan-netwerk;

    17.

    “tagħmir imqabbad ma’ netwerk” tfisser kwalunkwe tagħmir li jista’ jiġi kkonnettjat ma’ netwerk u li jkollu port tan-netwerk wieħed jew aktar;

    18.

    “tagħmir imqabbad ma’ netwerk b’disponibbiltà ta’ netwerk għolja” (tagħmir HiNA) tfisser tagħmir b’waħda jew aktar minn dawn il-funzjonalitajiet, iżda mhux b’aktar, bħala l-funzjonalità/funzjonalitajiet ewlenija/ewlenin: router, swiċċ ta’ netwerk, punt ta’ aċċess għan-netwerk bla fili, hub, modem, telefown VoIP, vidjofown;

    19.

    “tagħmir imqabbad ma’ netwerk b’funzjonalità ta’ disponibbiltà ta’ netwerk għolja” (tagħmir b’funzjonalità HiNA) tfisser tagħmir bil-funzjonalità ta’ router, swiċċ ta’ netwerk, punt ta’ aċċess għan-netwerk bla fili jew kombinazzjoni tagħhom inkluża, iżda li ma jkunx tagħmir HiNA;

    20.

    router” tfisser apparat tan-netwerk li l-funzjoni primarja tiegħu hija li jiddetermina liema tkun l-aħjar mogħdija li minnha għandu jgħaddi t-traffiku tan-netwerk. Ir-routers jibagħtu pakketti minn netwerk għall-ieħor, abbażi tal-informazzjoni dwar il-livell tan-netwerk (L3);

    21.

    “swiċċ ta’ netwerk” tfisser apparat tan-netwerk li l-funzjoni primarja tiegħu hija li jiffiltra, jibgħat u jqassam frames abbażi tal-indirizz ta’ destinazzjoni ta’ kull frame. L-iswiċċis kollha jiffunzjonaw, mill-anqas, fil-livell tal-konnessjoni tad-dejta (L2);

    22.

    “punt ta’ aċċess għan-netwerk bla fili” tfisser apparat li l-funzjoni primarja tiegħu hija li jipprovdi konnettività IEEE 802.11 (Wi-Fi) lil diversi klijenti;

    23.

    hub” tfisser apparat tan-netwerk li jkollu diversi portijiet u li jintuża għall-konnessjoni ta’ segmenti ta’ Netwerk ta’ Żona Lokali (LAN – Local Area Network);

    24.

    “modem” tfisser apparat li l-funzjoni primarja tiegħu hija li jittrażmetti u jirċievi sinjali analogi modulati diġitalment fuq netwerk bil-fili;

    25.

    “tagħmir li jipprintja” tfisser tagħmir li jagħti output fuq il-karta minn input elettroniku. It-tagħmir li jipprintja jista’ jkollu funzjonijiet addizzjonali u jista’ jiġi kkummerċjalizzat bħala apparat jew prodott multifunzjonali;

    26.

    “tagħmir li jipprintja b’format kbir” tfisser tagħmir li jipprintja ddisinjat biex jipprintja fuq materjal ta’ format A2 jew akbar, inkluż tagħmir iddisinjat biex jieħu materjal kontinwu wiesa’ mill-anqas 406 mm;

    27.

    “sistema ta’ telepreżenza” tfisser sistema dedikata li tintuża għal vidjokonferenzi u kollaborazzjonijiet b’definizzjoni għolja li tinkludi interfaċċja tal-utent, kamera b’definizzjoni għolja, unità tal-wiri, sistema tal-awdjo u kapaċitajiet tal-ipproċessar għall-kodifikazzjoni (encoding) u d-dekodifikazzjoni (decoding) tal-vidjo u tal-awdjo;

    28.

    “magna tal-kafè tad-dar” tfisser tagħmir mhux għall-użu kummerċjali li jagħmel il-kafè;

    29.

    “magna tal-kafè tad-dar bi drip-filter” tfisser magna tal-kafè tad-dar li tipperkola l-kafè;

    30.

    “element tat-tisħin” tfisser komponent tal-magna tal-kafè li juża l-enerġija elettrika biex isaħħan l-ilma;

    31.

    “tisħin minn qabel tat-tazza” tfisser funzjoni li ssaħħan minn qabel it-tazez, li wara, jinħażnu fuq il-magna tal-kafè;

    32.

    “ċiklu tat-tisjir” tfisser il-proċess li jrid jitwettaq biex jiġi prodott il-kafè;

    33.

    “tindif awtomatiku” tfisser proċess li l-magna tal-kafè twettaq biex tnaddaf il-parti ta’ ġewwa tagħha. Dan il-proċess jista’ jkun tlaħliħa ħafifa jew proċess ta’ ħasil bl-użu ta’ addittivi speċifiċi;

    34.

    “tneħħija tal-ġebla” tfisser proċess li l-magna tal-kafè twettaq biex tneħħi għalkollox, jew parzjalment, il-formazzjoni ta’ ġebla fuq il-parti ta’ ġewwa tagħha;

    35.

    “klijent desktop ħafif” tfisser kompjuter li jiddependi minn konnessjoni ma’ riżorsi informatiċi mill-bogħod (eż., server informatiku, workstation mill-bogħod) biex jikseb funzjonalità primarja u ma jkollux mezz ta’ ħżin ta’ memorja rotazzjonali integrat fil-prodott. L-unità ewlenija ta’ klijent desktop ħafif għandha tkun maħsuba għall-użu f’post fiss (eż., fuq desk) u mhux li tkun tista’ tinġarr. Il-klijenti desktop ħfief jistgħu jibagħtu l-informazzjoni kemm lil unità tal-wiri esterna kif ukoll, fejn din tkun inkluża fil-prodott, lil unità interna.

    36.

    “workstation” tfisser kompjuter bi prestazzjoni għolja li jintuża minn utent wieħed, għal xogħol ta’ grafika, CAD (Kompjuter Aided Design), żvilupp ta’ softwer, applikazzjonijiet finanzjarji u xjentifiċi, fost kompiti oħra ta’ kalkolu intensiv, u li jkollu dawn il-karatteristiċi:

    (a)

    ikollu żmien medju ta’ bejn il-ħsarat (MTBF - mean time between failures) ta’ mill-anqas 15 000 siegħa;

    (b)

    ikollu kodiċi tal-korrezzjoni ta’ żbalji (ECC - error-correcting code) u/jew memorja bbaferjata;

    (c)

    jissodisfa tlieta minn dawn il-ħames karatteristiċi:

    (1)

    ikollu appoġġ tal-enerġija supplimentari għal grafiki tal-ogħla livell (jiġifieri, alimentazzjoni ta’ enerġija supplimentari ta’ 12 V, 6-pin, PCI-E);

    (2)

    is-sistema tiegħu jkollha fili għal × 4 PCI-E, jew għal aħjar, fuq il-motherboard apparti s-slot(s) tal-grafiki u/jew l-appoġġ għal PCI-X;

    (3)

    ma jappoġġax grafiki b’aċċess uniformi għall-memorja (UMA - uniform memory access);

    (4)

    jinkludi ħames slottijiet PCI, PCI-E jew PCI-X, jew aktar;

    (5)

    huwa kapaċi li jagħti appoġġ ta’ proċessuri multipli għal żewġ CPUs jew aktar (irid ikun kapaċi jappoġġja pakketti/sokits tas-CPU li jkunu fiżikament separati, jiġifieri kapaċità li mhijiex issodisfata minn CPU uniku b’nuklei multipli);

    37.

    workstation mobbli” tfisser kompjuter bi prestazzjoni għolja li jintuża minn utent wieħed, l-aktar għal xogħol ta’ grafika, CAD, żvilupp ta’ softwer, applikazzjonijiet finanzjarji u xjentifiċi, fost kompiti oħra ta’ kalkolu intensiv, għajr għal-logħob, u li jkun iddisinjat speċifikament biex ikun jista’ jinġarr u jitħaddem għal perjodi ta’ ħin twal kemm jekk imqabbad ma’ provvista ta’ enerġija AC kif ukoll jekk le. Il-workstations mobbli jużaw unità ta’ wiri integrata u jistgħu jitħaddmu b’batterija integrata jew bi provvista tal-enerġija portabbli oħra. Il-biċċa l-kbira tal-workstations mobbli jużaw provvista tal-enerġija esterna u ħafna minnhom ikollhom tastiera u mezz għall-ippuntar integrati.

    Workstation mobbli jkollu dawn il-karatteristiċi:

    (a)

    ikollu żmien medju ta’ bejn il-ħsarat (MTBF - mean time between failures) ta’ mill-anqas 13 000 siegħa;

    (b)

    ikollu kard tal-grafika diskreta (dGfx) li tissodisfa l-klassifikazzjoni ta’ G3 (b’Wisa’ tad-Dejta FB > 128-bit), G4, G5, G6 jew G7;

    (c)

    jappoġġja l-inklużjoni ta’ tliet mezzi interni ta’ ħżin jew aktar;

    (d)

    jappoġġja mill-inqas 32 GB ta’ memorja tas-sistema;

    38.

    “server żgħir” tfisser tip ta’ kompjuter li s-soltu juża komponenti ta’ kompjuter desktop fl-għamla ta’ kompjuter desktop iżda li primarjament ikun iddisinjat biex jaħżen id-dejta ta’ kompjuters oħrajn u jwettaq funzjonijiet bħall-għoti ta’ servizzi ta’ infrastruttura tan-netwerk u l-ilqugħ ta’ dejta/midja, u li jkollu l-karatteristiki li ġejjin:

    (a)

    ikun iddisinjat f’għamla ta’ pedestall, torri, jew għamla oħra simili għal dik tal-kompjuter desktop b’tali mod li l-ipproċessar kollu tad-dejta, il-ħżin, u l-interfaċċja tan-netwerk ikunu miġbura f’kaxxa waħda;

    (b)

    ikun iddisinjat biex jaħdem 24 siegħa kuljum u 7 ijiem fil-ġimgħa;

    (c)

    ikun primarjament iddisinjat biex jopera f’ambjent b’utenti multipli simultanjament filwaqt li jservi diversi utenti permezz ta’ unitajiet ta’ klijenti f’netwerk

    (d)

    fejn imqiegħed fis-suq b’sistema operatorja, is-sistema operatorja tkun mfassla għal server tad-dar jew applikazzjonijiet ta’ server ta’ livell baxx;

    (e)

    ma jitqiegħedx fis-suq b’kard tal-grafika diskreta (dGfx) li tissodisfa kwalunkwe klassifikazzjoni oħra ħlief dik tal-G1;

    39.

    “server informatiku” tfisser prodott ta’ kompjuterizzazzjoni li jipprovdi servizzi u jimmaniġġja riżorsi imqabbda b’netwerk ma’ apparati klijenti, bħal kompjuters desktop, kompjuters notebook, terminals ħfief desktop, telefowns tal-protokoll tal-Internet (IP), jew servers informatiċi oħrajn. Server informatiku tipikament jitqiegħed fis-suq għall-użu f’ċentri tad-dejta u f’ambjenti ta’ uffiċċji/korporattivi. Server informatiku primarjament isir aċċess għalih permezz ta’ konnessjonijiet tan-netwerk, u mhux permezz ta’ apparati ta’ input dirett mill-utent, bħat-tastiera jew il-maws;

    Server informatiku jkollu dawn il-karatteristiċi:

    (a)

    ikun iddisinjat biex jappoġġja sistemi operatorji (OS) tas-servers informatiċi u/jew ipervisuri, u jkun mmirat biex iħaddem applikazzjonijiet għall-intrapriżi installati mill-utent;

    (b)

    jappoġġja l-kodiċi tal-korrezzjoni tal-iżbalji (ECC) u/jew il-memorja bbaferjata (li tinkludi kemm moduli ta’ memorja bbaferjata dual in-line (DIMMs – dual in-line memory modules) kif ukoll konfigurazzjonijiet baferjati on board (BOB- buffered on board));

    (c)

    jitqiegħed fis-suq bi provvista/i tal-enerġija AC-DC wieħed jew aktar;

    (d)

    il-proċessuri kollha jkollhom aċċess għal sistema kondiviża tal-memorja u huma indipendentement viżibbli għal OS waħda jew ipervisur wieħed.”

    (4)

    L-Artikolu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Rekwiżiti tal-ekodisinn

    Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn relatati mal-konsum tal-elettriku fil-modalitajiet standby u mitfi, u fil-modalità standby ta’ netwerk, huma stabbiliti fl-Anness II.”

    (5)

    L-Artikolu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament, fid-dawl tal-progress teknoloġiku li jseħħ, u tippreżenta r-riżultati tar-reviżjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Jannar 2016. B’mod partikolari, din ir-reviżjoni għandha tindirizza l-ambitu u r-rekwiżiti għall-modalità standby/mitfi u l-adegwatezza u l-livell tar-rekwiżiti għall-modalità standby ta’ netwerk fir-rigward tat-tielet stadju tal-implimentazzjoni (2019).

    Ir-reviżjoni tista’ tindirizza, inter alia, tagħmir u prodotti professjonali li jkunu mgħammra b’muturi elettriċi mħaddma bi kmand mill-bogħod.”

    (6)

    L-Artikolu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Punt 1 tal-Anness II għandu japplika mis-7 ta’ Jannar 2010.

    Il-Punt 2 tal-Anness II għandu japplika mis-7 ta’ Jannar 2013.

    Il-Punt 3 tal-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

    Il-Punt 4 tal-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2017.

    Il-Punt 5 tal-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

    Il-Punt 6 tal-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

    Il-Punt 7 tal-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli fl-Istati Membri kollha.”

    (7)

    L-Anness II huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-punt 2, paragrafu d, huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    Ġestjoni tal-enerġija għat-tagħmir kollu li mhux tagħmir imqabbad ma’ netwerk

    It-tagħmir għandu, sakemm ikun xieraq skont l-użu maħsub, joffri funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija jew funzjoni simili. Meta tagħmir ma jkunx qed jipprovdi l-funzjoni ewlenija tiegħu, u meta prodott(i) ieħor/oħra li jużaw l-enerġija ma jkunux jiddependu mill-funzjonijiet tiegħu, il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-enerġija għandha tiswiċċja awtomatikament it-tagħmir wara l-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli xieraq għall-użu maħsub tat-tagħmir, għal:

    modalità standby, jew

    modalità mitfi, jew

    kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-konsum tal-enerġija applikabbli għall-modalità mitfi u/jew il-modalità standby meta t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn.

    Il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija għandha tiġi attivata.”

    (b)

    Dan it-test ta’ hawn taħt jiġi miżjud bħala l-punti ġodda 3, 4, 5, 6 u 7.

    3.   Mill-1 ta’ Jannar 2015:

    (a)

    Il-possibbiltà ta’ diżattivazzjoni ta’ konnessjoni(jiet) ta’ netwerk bla fili

    Kwalunkwe tagħmir imqabbad ma’ netwerk li jista’ jiġi kkonnettjat ma’ netwerk bla fili għandu joffri lill-utent il-possibbiltà li jiddiżattiva l-konnessjoni(jiet) man-netwerk bla fili. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal prodotti li għall-użu maħsub tagħhom jiddependu fuq konnessjoni waħda ma’ netwerk bla fili u li ma jkollhomx konnessjoni ma’ netwerk bil-fili.

    (b)

    Il-ġestjoni tal-enerġija għal tagħmir imqabbad ma’ netwerk

    It-tagħmir għandu, sakemm ikun xieraq skont l-użu maħsub, joffri funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija jew funzjoni simili. Meta tagħmir ma jkunx qed jipprovdi l-funzjoni ewlenija tiegħu, u meta prodott(i) ieħor/oħra li jużaw l-enerġija ma jkunux jiddependu mill-funzjonijiet tiegħu, il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-enerġija għandha tiswiċċja awtomatikament it-tagħmir wara l-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli xieraq għall-użu maħsub tat-tagħmir, għal kundizzjoni ta’ modalità ta’ standby ta’ netwerk.

    F’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija tista’ tiswiċċja t-tagħmir f’modalità standby/mitfi awtomatikament jew f’kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti applikabbli tal-konsum tal-enerġija għall-modalità standby u/jew mitfi.

    Il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, għandha tkun disponibbli għall-portijiet tan-netwerk kollha tat-tagħmir imqabbad ma’ netwerk.

    Il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, għandha tkun attivata, sakemm ma jkunux diżattivati l-portijiet tan-netwerk kollha. F’dak il-każ, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, għandha tiġi attivata jekk xi wieħed mill-portijiet tan-netwerk ikun attivat.

    Il-perjodu ta’ żmien predefinit li jgħaddi minn meta l-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, tiswiċċja t-tagħmir awtomatikament f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk ma għandux ikun itwal minn 20 minuta.

    (c)

    It-tagħmir imqabbad ma’ netwerk li jkollu modalità standby waħda jew aktar għandu jissodisfa r-rekwiżiti għal dawn il-modalità/jiet standby meta l-portijiet tan-netwerk ikunu kollha diżattivati.

    (d)

    It-tagħmir imqabbad ma’ netwerk li ma jkunx tagħmir HiNA għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 2(d) meta l-portijiet tan-netwerk jkunu kollha diżattivati.

    (e)

    Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk:

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tagħmir HiNA jew ta’ tagħmir b’funzjonalità HiNA f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-tagħmir jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 12,00 W.

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tagħmir ieħor imqabbad ma’ netwerk f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-tagħmir jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 6,00 W.

    Il-limiti tal-konsum tal-enerġija stipulati fil-punt (e) ma għandhomx ikunu applikabbli għal:

    i.

    tagħmir li jipprintja bi provvista tal-elettriku ta’ potenza nominali ogħla minn 750 W;

    ii.

    tagħmir li jipprintja b’format kbir;

    iii.

    sistemi ta’ telepreżenza;

    iv.

    klijenti desktop ħfief;

    v.

    workstations;

    vi.

    workstations mobbli;

    vii.

    servers żgħar;

    viii.

    servers tal-kompjuters.

    4.   Mill-1 ta’ Jannar 2017:

    Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3(a) u 3(b), għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet:

    (a)

    It-tagħmir imqabbad ma’ netwerk li jkollu modalità standby waħda jew aktar għandu jissodisfa r-rekwiżiti għal dawk il-modalitajiet standby meta l-portijiet tan-netwerk bil-fili jkunu kollha skonnettjati u meta l-portijiet tan-netwerk bla fili jkunu kollha diżattivati.

    (b)

    It-tagħmir imqabbad ma’ netwerk li ma jkunx tagħmir HiNA għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 2(d) meta l-portijiet tan-netwerk bil-fili jkunu kollha skonnettjati u meta l-portijiet tan-netwerk bla fili jkunu kollha diżattivati.

    (c)

    Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni li tipprovdi modalità “standby ta’ netwerk”:

     

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tagħmir HiNA jew ta’ tagħmir b’funzjonalità HiNA f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-tagħmir jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 8,00 W.

     

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tagħmir ieħor imqabbad ma’ netwerk f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-tagħmir jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 3,00 W.

     

    Il-limiti tal-konsum tal-enerġija stipulati fil-punt (c) ma għandhomx ikunu applikabbli għal:

    i.

    tagħmir li jipprintja b’format kbir;

    ii.

    klijenti desktop ħfief;

    iii.

    workstations;

    iv.

    workstations mobbli;

    v.

    servers żgħar;

    vi.

    servers tal-kompjuters.

    5.   Mill-1 ta’ Jannar 2019:

    Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 3(a), 3(b), 4(a), 4(b) u 4(c), id-dispożizzjoni li ġejja għandha tkun applikabbli għal tagħmir imqabbad ma’ netwerk li ma jkunx tagħmir HiNA jew li ma jkunx tagħmir b’funzjonalità HiNA:

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tagħmir imqabbad ma’ netwerk li ma jkunx tagħmir HiNA jew tagħmir li ma jkunx tagħmir b’funzjonalità HiNA, f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-tagħmir jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 2,00 W.

    6.   Mill-1 ta’ Jannar 2015:

    Għall-magni tal-kafè, il-ħin predefinit tad-dewmien, li warajh, il-prodott jiġi swiċċjat awtomatikament għall-modalitajiet u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Anness II, punt 2, paragrafu d) għandu jkun kif ġej:

    għal magni tal-kafè tad-dar bi drip-filter li jżommu l-kafè f’buqar iżolat, massimu ta’ ħames minuti minn tmiem l-aħħar ċiklu tat-tisjir, jew massimu ta’ 30 minuta minn tmiem il-proċess ta’ tneħħija tal-ġebla jew ta’ tindif awtomatiku tal-magna;

    għal magni tal-kafè tad-dar bi drip-filter li jżommu l-kafè f’buqar mhux iżolat, massimu ta’ 40 minuta minn tmiem l-aħħar ċiklu tat-tisjir, jew massimu ta’ 30 minuta minn tmiem il-proċess ta’ tneħħija tal-ġebla jew ta’ tindif awtomatiku tal-magna;

    għal magni tal-kafè tad-dar li mhumiex tat-tip bi drip-filter, massimu ta’ 30 minuta minn tmiem l-aħħar ċiklu tat-tisjir, jew massimu ta’ 30 minuta minn meta jiġi attivat l-element tat-tisħin, jew massimu ta’ 60 minuta minn meta tiġi attivata l-funzjoni “tisħin minn qabel tat-tazza”, jew massimu ta’ 30 minuta minn tmiem il-proċess ta’ tneħħija tal-ġebla jew ta’ tindif awtomatiku tal-magna, sakemm ma jfaqqax xi allarm li jeħtieġ l-intervent tal-utent biex ma ssirx xi ħsara jew xi aċċident.

    Sad-data indikata hawn fuq, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti fl-Anness II.2.d mhumiex applikabbli.

    7.   Rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-prodott

    Mill-1 ta’ Jannar 2015, din l-informazzjoni li tikkonċerna t-tagħmir imqabbad ma’ netwerk għandha tintwera fuq il-websajts aċċessibbli għall-pubbliku tal-manifatturi:

    (a)

    għal kull tagħmir fil-modalità standby u/jew mitfi u fil-kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-tagħmir jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija jew ta’ funzjoni simili:

    id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watts, imqarrba sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali,

    il-perjodu ta’ żmien li jgħaddi minn meta l-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, tiswiċċja t-tagħmir awtomatikament fil-modalità standby u/jew mitfi u/jew f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby;

    (b)

    il-konsum tal-enerġija tal-prodott f’modalità ta’ standby ta’ netwerk jekk il-portijiet tan-netwerk bil-fili jkunu kollha konnettjati u l-portijiet tan-netwerk bla fili jkunu kollha diżattivati;

    (c)

    struzzjonijiet dwar kif issir id-diżattivazzjoni ta’ portijiet tan-netwerk bla fili.

    Il-konsum tal-enerġija tal-prodott f’modalità ta’ standby ta’ netwerk kif imsemmi fil-punt (b) u l-istruzzjonijiet imsemmija fil-punt (c) għandhom ikunu inklużi wkoll fil-manwal tal-utent.”

    (c)

    Il-punt 3 huwa ssostitwit b’dan il-punt 8:

    “8.   Il-kejl

    Il-konsum tal-elettriku msemmi fil-punti 1(a), 1(b), 2(a), 2(b), 3(e), 4(c) u 5 u l-ħinijiet tad-dewmien imsemmija fil-punt 6 għandhom jiġu ffissati bi proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati rikonoxxuti b’mod ġenerali.”

    (d)

    Il-punt 4 huwa ssostitwit b’dan il-punt 9:

    “9.   Informazzjoni li trid tingħata mill-manifatturi

    Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 4, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dawn l-elementi:

    (a)

    għal kull modalità standby u/jew mitfi:

    id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watts, imqarrba sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali,

    il-metodu tal-kejl użat,

    deskrizzjoni ta’ kif intgħażlet jew ġiet ipprogrammata l-modalità tal-apparat,

    is-sekwenza tal-istadji li jwasslu għall-kundizzjoni fejn l-apparat jibdel għal modalitajiet oħra awtomatikament,

    kwalunkwe noti dwar kif jaħdem it-tagħmir, eż., informazzjoni dwar kif l-utent għandu jiswiċċja t-tagħmir għal kundizzjoni ta’ standby ta’ netwerk,

    jekk ikun applikabbli, il-ħin predefinit tad-dewmien li warajh, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, tkun swiċċjat it-tagħmir fil-modalità jew kundizzjoni ta’ konsum baxx applikabbli;

    (b)

    għal tagħmir imqabbad ma’ netwerk:

    l-għadd u t-tip ta’ portijiet tan-netwerk u, għajr għall-portijiet tan-netwerk bla fili, il-post fejn dawn il-portijiet ikunu fuq it-tagħmir; b’mod partikolari għandu jiġi ddikjarat jekk l-istess port fiżiku tan-netwerk jiħux żewġ, jew aktar, tipi ta’ portijiet tan-netwerk;

    jekk il-portijiet tan-netwerk jiġux diżattivati kollha qabel il-konsenja,

    jekk it-tagħmir jikkwalifikax bħala tagħmir HiNA jew tagħmir b’funzjonalità HiNA; dan ma għandux jitqies li jkun il-każ, meta ma tingħata ebda informazzjoni;

    u għal kull tip ta’ port tan-netwerk:

    il-ħin predefinit tad-dewmien, li warajh, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, tiswiċċja t-tagħmir f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk,

    il-kmand li jintuża għar-riattivazzjoni tat-tagħmir,

    l-ispeċifikazzjonijiet (massimi) tal-prestazzjoni,

    il-konsum (massimu) tal-enerġija tat-tagħmir f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li l-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, tiswiċċja t-tagħmir fiha, f’każ li dan il-port biss jintuża għall-attivazzjoni mill-bogħod,

    il-protokoll ta’ komunikazzjoni użat mit-tagħmir;

    Jekk ma tingħata ebda informazzjoni, it-tagħmir ma jitqiesx li jkun tagħmir imqabbad ma’ netwerk sakemm ma jipprovdix il-funzjonalitajiet ta’ router, swiċċ ta’ netwerk, punt ta’ aċċess għan-netwerk bla fili (li ma jkunx terminal), hub, modem, telefown VoIP, vidjofown.

    (c)

    il-parametri tal-ittestjar għall-kejl:

    temperatura ambjentali,

    vultaġġ tal-ittestjar f’V u frekwenza f’Hz,

    distorsjoni armonika totali mis-sistema ta’ provvista tal-elettriku,

    informazzjoni u dokumentazzjoni dwar l-istrumentazzjoni, l-immuntar u ċ-ċirkwiti użati għall-ittestjar tal-elettriku;

    (d)

    il-karatteristiċi tat-tagħmir rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1(c), jew ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2(c) u/jew 2(d) u/jew 3(b), kif applikabbli, inkluż il-ħin li jittieħed biex tintlaħaq awtomatikament il-modalità standby, jew il-modalità mitfi, jew kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-konsum tal-elettriku applikabbli għall-modalità mitfi u/jew modalità standby.

    B’mod partikolari, jekk applikabbi, għandha tingħata ġustifikazzjoni teknika għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1(c), jew ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2(c) u/jew 2(d) u/jew 3(b), ma jixirqux għall-użu maħsub tat-tagħmir. Il-ħtieġa li tinżamm konnessjoni waħda jew aktar man-netwerk jew li t-tagħmir jistenna għal kmand mogħti mill-bogħod, mhix mejqusa bħala ġustifikazzjoni teknika għall-eżenzjoni mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2(d), fil-każ ta’ tagħmir li mhux definit bħala tagħmir imqabbad ma’ netwerk mill-manifattur.”

    (8)

    Dan li ġej jiżdied mal-Anness III:

    “Fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, punt 2(d), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura applikabbli msemmija hawn fuq biex ikejlu l-konsum tal-enerġija wara li l-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, tkun swiċċjat it-tagħmir fil-modalità jew kundizzjoni applikabbli.

    Fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, punti 3(c) u 4(a), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura applikabbli msemmija hawn fuq, wara li jkunu diżattivaw u/jew skonnettjaw, kif applikabbli, il-ports tan-netwerk kollha tal-unità.

    Fit-twettiq tal-verifiki (spezzjonijiet) tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, punti 3 u 4, kif applikabbli.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw unità waħda biss kif ġej:

     

    Jekk it-tagħmir ikollu, kif indikat fid-dokumentazzjoni teknika, tip ta’ port tan-netwerk wieħed u żewġ portijiet jew aktar ta’ dak it-tip ikunu disponibbli, għandu jintgħażel wieħed minn dawn il-portijiet b’mod aleatorju u dak il-port jiġi kkonnettjat man-netwerk xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port. F’każ li jkun hemm diversi portijiet tan-netwerk bla fili tal-istess tip, jekk ikun possibbli, il-portijiet tan-netwerk bla fili l-oħra għandhom jiġu diżattivati. Fil-każ ta’ diversi portijiet tan-netwerk bil-fili tal-istess tip, sabiex jiġu verifikati r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness II, jekk ikun possibbli, il-portijiet tan-netwerk l-oħra għandhom jiġu diżattivati. Jekk ikun disponibbli port tan-netwerk wieħed biss, dak il-port għandu jiġi kkonnettjat man-netwerk xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port.

     

    L-unità titqiegħed fil-modalità mixgħul. Hekk kif l-unità fil-modalità mixgħul tkun qiegħda taħdem sew, din tkun tista’ taqleb għall-kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk u l-konsum tal-enerġija jiġi mkejjel. Imbagħad it-tagħmir jingħata l-kmand xieraq, li jgħaddi mill-port tan-netwerk, u jiġi verifikat jekk it-tagħmir ġiex riattivat.

     

    Jekk it-tagħmir ikollu, kif indikat fid-dokumentazzjoni teknika, aktar minn tip ta’ port tan-netwerk wieħed, il-proċedura li ġejja għandha tiġi ripetuta għal kull tip ta’ port tan-netwerk. Jekk ikunu disponibbli żewġ tipi ta’ portijiet tan-netwerk jew aktar, għandu jintgħażel port wieħed għal kull tip ta’ port tan-netwerk b’mod aleatorju u dak il-port jiġi kkonnettjat man-netwerk xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port.

     

    F’każ li għal ċertu tip ta’ port tan-netwerk ikun disponibbli tip ta’ port wieħed biss, dak il-port jiġi kkonnettjat man-netwerk xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port. Jekk ikun possibbli, il-portijiet tan-netwerk bla fili li ma jintużawx għandhom jiġu diżattivati. Fil-każ tal-verifika tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness II, jekk ikun possibbli, il-portijiet tan-netwerk bil-fili li ma jintużawx għandhom jiġu diżattivati.

     

    L-unità titqiegħed fil-modalità mixgħul. Hekk kif l-unità fil-modalità mixgħul tkun qiegħda taħdem sew, din tkun tista’ taqleb għall-kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk u l-konsum tal-enerġija jiġi mkejjel. Imbagħad it-tagħmir jingħata l-kmand xieraq, li jgħaddi mill-port tan-netwerk, u jiġi vverifikat jekk it-tagħmir ġiex riattivat. F’każ li port fiżiku tan-netwerk wieħed jintuża ma’ żewġ tipi jew aktar ta’ portijiet (loġiċi) tan-netwerk fl-istess ħin, din il-proċedura għandha tiġi ripetuta għal kull tip ta’ port loġiku tan-netwerk, filwaqt li l-portijiet loġiċi tan-netwerk l-oħra jkunu diżattivati.

     

    Il-mudell għandu jitqies bħala konformi ma’ dan ir-Regolament jekk ir-riżultati għal kull tip ta’ port tan-netwerk ma jkunux ogħla mill-valur limitu b’aktar minn 10 %.

     

    Jekk dan ma jkunx il-każ, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra. Il-mudell għandu jitqies bħala konformi ma’ dan ir-Regolament jekk il-medja tar-riżultati għal kull tip ta’ port tan-netwerk ta’ dawn it-tliet testijiet ma tkunx ogħla mill-valur limitu b’aktar minn 10 %.

     

    Jekk dan ma jkunx il-każ, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi.

     

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħtu r-riżultati tat-testijiet u l-informazzjoni l-oħra rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta tittieħed id-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-mudell.

    Minbarra l-proċeduri stabbiliti hawn fuq, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw proċeduri ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati rikonoxxuti b’mod ġenerali, inkluż metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (*)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.”"

    (9)

    Fl-Anness IV wara l-aħħar sentenza jiżdied dan li ġej:

    “Standby ta’ netwerk: 3 W għal tagħmir HiNA; 1 W jew inqas għal tagħmir li mhux tagħmir HiNA.”

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 642/2009

    Ir-Regolament (KE) Nru 642/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, jiżdiedu d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “12.

    “netwerk” tfisser infrastruttura tal-komunikazzjoni b’topoloġija ta’ konnessjonijiet, arkitettura, inkluż il-komponenti fiżiċi, prinċipji organizzattivi, proċeduri u formati tal-komunikazzjonijiet (protokolli);

    13.

    “port tan-netwerk” tfisser interfaċċja fiżika, bil-fili jew bla fili, tal-konnessjoni tan-netwerk li tkun fit-televixin u li permezz tagħha, it-televixin ikun jista’ jiġi attivat mill-bogħod;

    14.

    “televixin imqabbad ma’ netwerk” tfisser televixin li jista’ jiġi kkonnettjat ma’ netwerk u li jkollu port tan-netwerk wieħed jew aktar;

    15.

    “disponibbiltà tan-netwerk” tfisser il-kapaċità tat-televixin li jerġa’ jħaddem funzjonijiet wara li kmand mogħti mill-bogħod jiġi rikonoxxut minn port tan-netwerk;

    16.

    “kmand mogħti mill-bogħod” tfisser sinjal li jiġi minn barra t-televixin, permezz ta’ netwerk;

    17.

    “standby ta’ netwerk” tfisser il-kundizzjoni li fiha t-televixin ikun jista’ jerġa’ jħaddem funzjoni permezz ta’ kmand mill-bogħod li jingħata minn konnessjoni ta’ netwerk;

    18.

    “televixin imqabbad ma’ netwerk b’funzjonalità ta’ disponibbiltà ta’ netwerk għolja” (televixin b’funzjonalità HiNA) tfisser televixin bil-funzjonalità ta’ router, swiċċ ta’ netwerk, punt ta’ aċċess għan-netwerk bla fili (li ma jkunx terminal) jew kombinazzjoni tagħhom inkluża;

    19.

    router” tfisser apparat tan-netwerk li l-funzjoni primarja tiegħu hija li jiddetermina liema tkun l-aħjar mogħdija li minnha għandu jgħaddi t-traffiku tan-netwerk. Ir-routers jibagħtu pakketti minn netwerk għall-ieħor, abbażi tal-informazzjoni dwar il-livell tan-netwerk (L3);

    20.

    “swiċċ ta’ netwerk” tfisser apparat tan-netwerk li l-funzjoni primarja tiegħu hija li jiffiltra, jibagħtu u jqassam frames abbażi tal-indirizz ta’ destinazzjoni ta’ kull frame. L-iswiċċis kollha jiffunzjonaw, mill-anqas, fil-livell tal-konnessjoni tad-dejta (L2);

    21.

    “punt ta’ aċċess għan-netwerk bla fili” tfisser apparat li l-funzjoni primarja tiegħu hija li jipprovdi konnettività IEEE 802.11 (Wi-Fi) lil diversi klijenti.”

    (2)

    L-Anness I huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Dan li ġej jiżdied bħala l-punt 3 l-ġdid:

    “3.   KONSUM TAL-ENERĠIJA FIL-MODALITà STANDBY TA’ NETWERK

    Għal televixins imqabbda ma’ netwerk, għandhom japplikaw dawn ir-rekwiżiti:

    1.

    Mill-1 ta’ Jannar 2015:

    (a)

    Il-possibbiltà ta’ diżattivazzjoni ta’ konnessjoni(jiet) ta’ netwerk bla fili

    Jekk televixin imqabbad ma’ netwerk ikollu l-kapaċità li jikkonnettja ma’ netwerk bla fili, l-utent għandu jkollu l-possibbiltà li jiddiżattiva l-konnessjoni(jiet) tan-netwerk bla fili. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal prodotti li għall-użu maħsub tagħhom jiddependu fuq konnessjoni waħda ma’ netwerk bla fili u li ma jkollhomx konnessjoni ma’ netwerk bil-fili.

    (b)

    Il-ġestjoni tal-enerġija għal televixins imqabbda ma’ netwerk:

    It-televixins imqabbda ma’ netwerk għandhom jipprovdu funzjoni bil-karetteristiċi li ġejjin:

     

    Wara mhux aktar minn 4 sigħat li t-televixin ikun ilu f’modalità mixgħul mill-ħin tal-aħħar interazzjoni tal-utent u/jew bdil ta’ stazzjon, it-televixin għandu jiġi swiċċjat awtomatikament minn modalità mixgħul għal kundizzjoni ta’ standby ta’ netwerk jew għal kwalunkwe kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti applikabbli tal-konsum tal-enerġija għal kundizzjonijiet li jipprovdu l-modalità standby ta’ netwerk.

     

    It-televixins għandhom juru messaġġ li javża qabel ma sseħħ il-bidla awtomatika mill-modalità mixgħul għall-kundizzjoni/modalitajiet applikabbli. Din il-funzjoni għandha tkun issettjata bħala n-norma predefinita.

     

    F’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija tista’ tiswiċċja t-televixin f’modalità standby/mitfi awtomatikament jew f’kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti applikabbli tal-konsum tal-enerġija għall-modalità mitfi u/jew il-modalità standby.

     

    Il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, għandha tkun disponibbli għall-portijiet tan-netwerk kollha tat-televixin imqabbad ma’ netwerk.

     

    Il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, għandha tkun attivata, sakemm ma jkunux diżattivati l-portijiet tan-netwerk bla fili kollha. F’dak il-każ, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, għandha tiġi attivata jekk xi wieħed mill-portijiet tan-netwerk ikun attivat.

    (c)

    It-televixin imqabbad ma’ netwerk li jkollu modalità standby waħda jew aktar għandu jissodisfa r-rekwiżiti għal dawn il-modalità/jiet standby meta l-portijiet tan-netwerk bla fili jkunu kollha diżattivati.

    (d)

    Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk:

     

    Il-konsum tal-enerġija ta’ televixin b’funzjonalità HiNA f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-televixin jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 12,00 W.

     

    Il-konsum tal-enerġija ta’ televixins mingħajr funzjonalità HiNA f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-televixin jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 6,00 W.

    2.

    Mill-1 ta’ Jannar 2017:

    Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 (a) u 1 (b), għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet:

    (a)

    Televixin imqabbad ma’ netwerk li jkollu modalità standby waħda jew aktar għandu jissodisfa r-rekwiżiti għal dawk il-modalitajiet standby meta l-portijiet tan-netwerk bil-fili jkunu kollha skonnettjati u meta l-portijiet tan-netwerk bla fili jkunu kollha diżattivati.

    (b)

    Televixin imqabbad ma’ netwerk għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.2(d) meta l-portijiet tan-netwerk bil-fili jkunu kollha skonnettjati u meta l-portijiet tan-netwerk ikunu kollha diżattivati.

    (c)

    Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk:

     

    Il-konsum tal-enerġija ta’ televixin b’funzjonalità HiNA f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-televixin jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 8,00 W.

     

    Il-konsum tal-enerġija ta’ televixins mingħajr funzjonalità HiNA f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-televixin jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 3,00 W.

    3.

    Fl-1 ta’ Jannar 2019:

    Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1(a), 1(b), 2(a), 2(b) u 2(c), id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu applikabbli għal televixins imqabbda ma’ netwerk li ma jkunux tagħmir HiNA jew li ma jkunux televixins b’funzjonalità HiNA:

    Il-konsum tal-enerġija ta’ televixins mingħajr funzjonalità HiNA f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li t-televixin jiġi swiċċjat fiha permezz tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, ma għandux ikun ogħla minn 2,00 W.’

    (b)

    Il-punt 3 jsir il-punt 4.

    (c)

    Il-punt 4 jsir il-punt 5.

    (d)

    Il-punt 5 jsir il-punt 6.

    (e)

    Fil-punt 5.1 (il-punt 6.1 il-ġdid), jiżdied dan li ġej wara l-punt (d), bħala l-punt (e):

    “(e)

    għal standby ta’ netwerk

    l-għadd u t-tip ta’ portijiet tan-netwerk u, għajr għall-portijiet tan-netwerk bla fili, il-post fejn dawn il-portijiet ikunu fit-televixin; b’mod partikolari għandu jiġi nnotat jekk l-istess port fiżiku tan-netwerk jiħux żewġ, jew aktar, tipi ta’ portijiet tan-netwerk;

    jekk il-portijiet tan-netwerk jiġux diżattivati kollha qabel il-konsenja;

    jekk it-televixin jikkwalifikax bħala televixin b’funzjonalità HiNA; meta ma tingħata ebda informazzjoni, it-televixin ma jitqiesx bħala tagħmir ĦiNA jew televixin b’funzjonalità HiNA.”

    (f)

    Fil-punt 5.1 (il-punt 6.1 il-ġdid), jiżdied dan li ġej wara l-punt (e), bħala l-punt (f):

    “(f)

    għal kull tip ta’ port tan-netwerk:

    il-ħin predefinit tad-dewmien, li warajh, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, tiswiċċja t-televixin f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk,

    il-kmand li jintuża għar-riattivazzjoni tat-tagħmir,

    l-ispeċifikazzjonijiet (massimi) tal-prestazzjoni,

    il-konsum (massimu) tal-enerġija tat-televixin f’kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk li l-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, tiswiċċja t-tagħmir fiha, f’każ li dan il-port biss jintuża għall-attivazzjoni mill-bogħod.

    Meta ma tingħata ebda informazzjoni, it-televixin jitqies li mhux televixin imqabbad ma’ netwerk.’

    (g)

    Il-punt 5.1 (e) jsir il-punt 6.1 (g) l-ġdid

    (h)

    Fil-punt 5.2, (il-punt 6.2 il-ġdid), it-tieni inċiż huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “—

    għal kull modalità standby u/jew mitfi u fil-kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk, id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watts, imqarrba sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali;”

    (3)

    Fl-Anness II, il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Kejl tal-konsum tal-enerġija fil-modalità standby/mitfi, u fil-kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk

    Il-kejl tal-konsum tal-enerġija msemmi fl-Annness I, Parti 2 u 3 għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    Il-konsum tal-enerġija msemmi fil-punti 2.1(a), 2.1(b), 2.2(a), 2.2(b), 3.1(d) u 3.2(c) għandu jiġi ffissat bi proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati rikonoxxuti b’mod ġenerali.”

    (4)

    L-Anness III huwa sostitwit kif ġej:

    “ANNESS III

    PROĊEDURA TA’ VERIFIKA

    A.   Proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-partijiet 1, 2, 4 u 5 tal-Anness I.

    (1)

    Fit-twettiq tal-verifiki (spezzjonijiet) tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, partijiet 1, 2, 4 u 5.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw unità ta’ televixin waħda biss.

    Il-mudell għandu jitqies bħala konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, jekk:

    (a)

    ir-riżultat għall-konsum tal-enerġija fil-modalità mixgħul ma jkunx ogħla mill-valur limitu stabbilit fl-Anness I, il-punti 1 u 2 tal-Parti 1 b’aktar minn 7 %; u

    (b)

    ir-riżultat għall-konsum tal-enerġija fil-kundizzjonijiet mitfi/standby, kif applikabbli, ma jkunx ogħla mill-valuri limitu stabbiliti fl-Anness I, il-punti 1(a), 1(b), 2(a) u 2(b) tal-Parti 2 b’aktar minn 0,10 Watt; u

    (c)

    ir-riżultat għall-proporzjon tal-luminanza massima stabbilit fl-Anness I, il-Parti 5 ma jkunx inqas minn 60 %.

    Jekk ir-riżultati msemmija fil-punt 1(a) jew 1(b) jew 1(c) ma jintlaħqux, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell.

    (2)

    Wara li jkunu ġew ittestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell, il-mudell għandu jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, jekk:

    (a)

    il-medja tar-riżultati għal dawn it-tliet unitajiet għall-konsum tal-enerġija fil-modalità mixgħul ma tkunx ogħla mill-valur limitu applikabbli stabbilit fl-Anness I, il-punti 1 u 2 tal-Parti 1 b’aktar minn 7 %; u

    (b)

    il-medja tar-riżultati għal dawn it-tliet unitajiet għall-kundizzjonijiet li jipprovdu modalità mitfi/standby, kif applikabbli, ma tkunx ogħla mill-valuri limitu stabbiliti fl-Anness I, il-punti 1(a), 1(b), 2(a) u 2(b) tal-Parti 2 b’aktar minn 0,10 Watt; u

    (c)

    il-medja tar-riżultati għal dawn it-tliet unitajiet għall-proporzjon tal-luminanza massima stabbilit fl-Anness I, il-Parti 5 ma tkunx inqas minn 60 %.

    Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 2(a) u 2(b) u 2(c) ma jintlaħqux, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi mar-rekwiżiti.

    B.   Proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-parti 3 tal-Anness I

    Fit-twettiq tal-verifiki (spezzjonijiet) tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, punti 1(d) u 2(c) tal-Parti 3, kif applikabbli. Dawn l-awtoritajiet għandhom jużaw il-proċedura ta’ hawn taħt, wara li jkunu ddiżattivaw jew skonnettjaw, kif applikabbli, il-portijiet tan-netwerk kollha tal-unità.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw unità waħda biss kif ġej:

    Jekk it-televixin ikollu, kif indikat fid-dokumentazzjoni teknika, tip ta’ port tan-netwerk wieħed u żewġ portijiet jew aktar ta’ dak it-tip ikunu disponibbli, għandu jintgħażel wieħed minn dawn il-portijiet b’mod aleatorju u dak il-port jiġi kkonnettjat man-netwerk xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port. F’każ li jkun hemm diversi portijiet tan-netwerk bla fili tal-istess tip, jekk ikun possibbli, il-portijiet tan-netwerk bla fili l-oħra għandhom jiġu diżattivati. Fil-każ ta’ diversi portijiet tan-netwerk bil-fili tal-istess tip, sabiex jiġu verifikati r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness I, jekk ikun possibbli, il-portijiet tan-netwerk l-oħra għandhom jiġu diżattivati. Jekk ikun disponibbli port tan-netwerk wieħed biss, dak il-port għandu jiġi kkonnettjat man-netwerk xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port.

    L-unità titqiegħed fil-modalità mixgħul. Hekk kif l-unità fil-modalità mixgħul tkun qiegħda taħdem sew, din tkun tista’ taqleb għall-kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk u l-konsum tal-enerġija jiġi mkejjel. Imbagħad it-televixin jingħata l-kmand xieraq, li jgħaddi mill-port tan-netwerk, u jiġi vverifikat jekk it-televixin ġiex riattivat.

    Meta t-televixin ikollu, kif indikat fid-dokumentazzjoni teknika, aktar minn tip ta’ port tan-netwerk wieħed, il-proċedura li ġejja għandha tiġi ripetuta għal kull tip ta’ port tan-netwerk. Jekk ikunu disponibbli żewġ tipi ta’ portijiet tan-netwerk jew aktar, għandu jintgħażel port wieħed għal kull tip ta’ port tan-netwerk b’mod aleatorju u dak il-port jiġi kkonnettjat man-netwerk xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port.

    F’każ li għal ċertu tip ta’ port tan-netwerk ikun disponibbli tip ta’ port wieħed biss, dak il-port jiġi kkonnettjat man-netwerk xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port. Jekk ikun possibbli, il-portijiet tan-netwerk bla fili li ma jintużawx għandhom jiġu diżattivati. Fil-każ tal-verifika tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness II, jekk ikun possibbli, il-portijiet tan-netwerk bil-fili li ma jintużawx għandhom jiġu diżattivati.

    L-unità titqiegħed fil-modalità mixgħul. Hekk kif l-unità fil-modalità mixgħul tkun qiegħda taħdem sew, din tkun tista’ taqleb għall-kundizzjoni li tipprovdi modalità standby ta’ netwerk u l-konsum tal-enerġija jiġi mkejjel. Imbagħad it-televixin jingħata l-kmand xieraq, li jgħaddi mill-port tan-netwerk, u jiġi vverifikat jekk it-televixin ġiex riattivat.

    F’każ li port fiżiku tan-netwerk wieħed jintuża ma’ żewġ tipi jew aktar ta’ portijiet (loġiċi) tan-netwerk fl-istess ħin, din il-proċedura għandha tiġi ripetuta għal kull tip ta’ port loġiku tan-netwerk, filwaqt li l-portijiet loġiċi tan-netwerk l-oħra jkunu diżattivati.

    Il-mudell għandu jitqies bħala konformi ma’ dan ir-Regolament jekk ir-riżultati għal kull tip ta’ port tan-netwerk ma jkunux ogħla mill-valur limitu b’aktar minn 7 %.

    Jekk dan ma jkunx il-każ, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra. Il-mudell għandu jitqies bħala konformi ma’ dan ir-Regolament jekk il-medja tar-riżultati għal kull tip ta’ port tan-netwerk ta’ dawn it-tliet testijiet ma tkunx ogħla mill-valur limitu b’aktar minn 7 %.

    Jekk dan ma jkunx il-każ, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħtu r-riżultati tat-testijiet u l-informazzjoni l-oħra rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta tittieħed id-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-mudell.

    Verifika tal-konformità

    Għall-fini tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura stabbilita fl-Anness II u proċeduri ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Awwissu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

    (2)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

    (3)  ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45.

    (4)  ĠU L 191/42, 23.7.2009, p. 42.

    (5)  ĠU L 190.18.7.2008, p. 22.

    (**)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.”


    Top