Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0798

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 798/2013 tal- 21 ta’ Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva piretrini Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 224, 22.8.2013, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/798/oj

    22.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 224/9


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 798/2013

    tal-21 ta’ Awwissu 2013

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva piretrini

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-sustanza attiva piretrini ddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (3) skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4). Minn meta d-Direttiva 91/414/KEE nbidlet bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza bdiet titqies approvata skont dak ir-Regolament u tniżżlet fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tas-sustanzi attivi approvati (5).

    (2)

    Skont l-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004, fit-12 ta’ Diċembru 2012 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn il quddiem “l-Awtorità”, tat l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tar-rapport tal-analiżi għall-piretrini (6). L-Awtorità wasslet l-opinjoni tagħha dwar il-piretrini lin-notifikatur. Il-Kummissjoni stednitu jressaq il-kummenti dwar l-abbozz tar-rapport tal-analiżi għall-piretrini. L-abbozz tar-rapport tal-analiżi u l-opinjoni tal-Awtorità rrivedewhom l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u fis-16 ta’ Lulju 2013 ġew finalizzati fil-format ta’ rapport tal-analiżi tal-Kummissjoni għall-piretrini.

    (3)

    Ġie kkonfermat li s-sustanza attiva piretrini trid titqies li ġiet approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (4)

    Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ jiġu emendati l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-piretrini. B’mod partikolari, jixraq li tintalab iktar informazzjoni ta’ konferma.

    (5)

    Għalhekk l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex l-Istati Membri, in-notifikaturi u d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-piretrini jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-emenda tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hu emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

    (3)  ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89.

    (4)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

    (5)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

    (6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tas-sustanza attiva piretrini. The EFSA Journal 2013;11(1):3032. [76 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2013.3032. Jista’ jinstab fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal.


    ANNESS

    Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 246 dwar is-sustanza attiva piretrini tinbidel b’dan li ġej:

    Numru

    Isem Komuni, Numri tal-Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “246

    Piretrini: 8003-34-7

    Nru CIPAC: 32

    Estratt A: estrattivi ta’ Chrysanthemum cinerariaefolium:

    89997-63-7

    Piretrin 1: CAS 121-21-1

    Piretrin 2: CAS 121-29-9

    Ċinerin 1: CAS 25402-06-6

    Ċinerin 2: CAS 121-20-0

    Jasmolin 1: CAS 4466-14-2

    Jasmolin 2: CAS 1172-63-0

    Estratt B:

    Piretrin 1: CAS 121-21-1

    Piretrin 2: CAS 121-29-9

    Ċinerin 1: CAS 25402-06-6

    Ċinerin 2: CAS 121-20-0

    Jasmolin 1: CAS 4466-14-2

    Jasmolin 2: CAS 1172-63-0

    Il-piretrini huma taħlita kumplessa ta’ sustanzi kimiċi.

    Estratt A: ≥ 500 g/kg Piretrini

    Estratt B: ≥ 480 g/kg Piretrini

    fl-1 ta’ Settembru 2009.

    fil-31 ta’ Awwissu 2019.

    PARTI A

    Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala insettiċida.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif jissemmew fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tal-analiżi għall-piretrini (SANCO/2627/2008) u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

    F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu każ l-aktar:

    (a)

    ir-riskju għall-operaturi u għall-ħaddiema;

    (b)

    ir-riskju għall-organiżmi mhux fil-mira.

    Meta jixraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandu jkun fihom l-applikazzjoni ta’ tagħmir adegwat għall-protezzjoni personali u miżuri oħra li jtaffu r-riskju.

    L-applikant għandu jressaq l-informazzjoni ta’ konferma dwar:

    (1)

    l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku, kif manifatturat kummerċjalment, inkluża l-informazzjoni dwar kull impurità rilevanti u l-ekwivalenza tagħha bl-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tat-test użat fl-istudji tat-tossiċità;

    (2)

    ir-riskju mit-teħid man-nifs;

    (3)

    id-definizzjoni tar-residwi;

    (4)

    ir-rappreżentattività tal-akbar komponent ‘piretrin 1’ fejn jidħlu d-destin u l-imġiba fil-ħamrija u fl-ilma.

    Lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lill-Awtorità, l-applikant għandu jressqilhom l-informazzjoni stabbilita fil-punt (1) sal-31 ta’ Marzu 2014 u l-informazzjoni stabbilita fil-punti (2), (3) u (4) tal-31 ta’ Diċembru 2015.”


    Top