Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0760R(01)

    Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK tat- 13 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja ( ĠU L 335, 14.12.2013 )

    ĠU L 67, 12.3.2015, p. 33–34 (HU, MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/760/corrigendum/2015-03-12/oj

    12.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 67/33


    Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK tat-13 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 335 tal-14 ta' Diċembru 2013 )

    F'paġna 50, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK għandha taqra kif ġej:

    “DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/760/PESK

    tat-13 ta' Diċembru 2013

    li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

    (2)

    Jeħtieġ li fid-Deċiżjoni 2013/255/PESK jiġu introdotti eżenzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet imwettqa mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) għall-eliminazzjoni tal-armi kimiċi fis-Sirja skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) 2118 (2013).

    (3)

    Jeħtieġ ukoll li jiġu applikati restrizzjonijiet għall-kummerċ ta' oġġetti li jappartjenu lill-patrimonju kulturali tas-Sirja li kienu tneħħew illegalment mis-Sirja, bil-għan li jiġi ffaċilitat ir-ritorn sikur ta' dawk l-oġġetti.

    (4)

    L-eżenzjoni, taħt id-Deċiżjoni 2013/255/PESK, mill-iffriżar tal-assi għal finijiet umanitarji għandha tiġi emendata sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta' għajnuna umanitarja lis-Sirja u biex jiġi evitat ir-riskju ta' użu ħażin ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi rilaxxati. F'dan il-kuntest, il-fondi għandhom jiġu rilaxxati lin-NU bil-għan li titwassal għajnuna fis-Sirja skont il-Pjan ta' Rispons għall-Għajnuna Umanitarja fis-Sirja (SHARP).

    (5)

    Barra dan, jeħtieġ li tiżdied eżenzjoni taħt l-iffriżar tal-assi biex ikun jista' jsir l-ipproċessar ta' pagamenti minn jew lil persuna jew entità mhux deżinjata dovuti f'konnessjoni ma' kuntratt kummerċjali speċifiku għal provvisti mediċi, ikel, kenn, sanità jew iġjene għal użu ċivili.

    (6)

    Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

    (7)

    Id-Deċiżjoni 2013/255/PESK għandha tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2013/255/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    ‘3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-provvista, it-trasport jew l-esportazzjoni ta' ċerti tagħmir, oġġetti u teknoloġija li jistgħu jintużaw għar-repressjoni interna jew għall-fabbrikazzjoni u manutenzjoni ta' prodotti li jistgħu jintużaw għar-repressjoni interna jew għall-forniment ta' assistenza teknika jew finanzjarja relatata, fejn Stat Membru jiddetermina każ b'każ li dawn huma maħsuba għal:

    (a)

    skopijiet alimentari, agrikoli, mediċi jew skopijiet umanitarji oħra, jew għall-benfiċċju tal-Persunal tan-NU, jew persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha;

    (b)

    attivitajiet imwettqa f'konformità mal-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2118(2013) u d-deċiżjonijiet relatati tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW, b'mod konsistenti mal-għan tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu tal-Armi Kimiċi u l-Qerda tagħhom (Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi) u wara konsultazzjoni mal-OPCW.’

    ;

    (2)

    fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    ‘3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-importazzjoni jew it-trasport ta' armi kimiċi jew materjal relatat mis-Sirja jew li joriġinaw fis-Sirja, imwettqa skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2118(2013) u d-deċiżjonijiet relatati tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW, b'mod konsistenti mal-għan tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.’

    ;

    (3)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    ‘Artikolu 13a

    Għandhom ikunu pprojbiti l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasferiment jew il-forniment ta' servizzi ta' senserija għal proprjetà kulturali u oġġetti oħrajn ta' importanza arkeoloġika, storika, kulturali, ta' rarità xjentifika, u reliġjuża li jkunu tneħħew illegalment mis-Sirja, jew fejn jeżisti suspett raġonevoli li dawn tneħħew illegalment mis-Sirja, fid-9 ta' Mejju 2011 jew wara dik id-data. Il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika jekk jintwera li l-oġġetti kulturali jkunu qed jintbagħtu lura b'mod sikur lis-sidien leġittimi tagħhom fis-Sirja.

    L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom jiġu koperti b'dan l-Artikolu.’

    ;

    (4)

    fl-Artikolu 28(3), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    ‘(e)

    meħtieġa għal skopijiet umanitarji, bħall-għoti jew l-iffaċilitar tal-għoti ta' assistenza, inklużi provvisti mediċi, ikel, ħaddiema umanitarji u assistenza relatata, u sakemm, fil-każ tar-rilaxx ta' fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi, il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu rilaxxati lin-NU għall-iskop li titwassal jew jiġi ffaċilitat it-twassil ta' għajnuna fis-Sirja skont il-Pjan ta' Rispons għall-Għajnuna Umanitarja fis-Sirja (SHARP).’

    ;

    (5)

    fl-Artikolu 28(3), jiżdied il-punt li ġej:

    ‘(g)

    meħtieġa għall-evakwazzjonijiet mis-Sirja.’

    ;

    (6)

    fl-Artikolu 28, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    ‘12.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għat-trasferiment mill-Bank Kummerċjali tas-Sirja, jew permezz tiegħu, ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi rċevuti minn barra l-Unjoni u ffriżati wara d-data tad-deżinjazzjoni tiegħu jew għal trasferiment ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi mill-Bank Kummerċjali tas-Sirja, jew permezz tiegħu, rċevuti minn barra l-Unjoni wara d-data tad-deżinjazzjoni tiegħu fejn tali trasferiment ikun marbut ma' pagament minn istituzzjoni finanzjarja mhux deżinjata dovuta f'konnessjoni ma' kuntratt kummerċjali speċifiku għal provvisti mediċi, ikel, kenn, sanità jew iġjene għal użu ċivili, sakemm l-Istat Membru jkun iddetermina, każ b'każ, li l-pagament ma jkunx irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.’

    .

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. MAZURONIS”


    (1)  ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.


    Top