Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0448

    2013/448/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Settembru 2013 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2013) 5666) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 240, 7.9.2013, p. 27–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/03/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/448/oj

    7.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 240/27


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta’ Settembru 2013

    dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2013) 5666)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/448/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 10a u 11 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Hija r-regola li l-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet issir permezz ta’ rkantar mill-2013 ’il quddiem, għall-operaturi ta’ installazzjonijiet fl-ambitu tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet (EU ETS). Madankollu, xi operaturi eliġibbli se jibqgħu jirċievu l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas bejn l-2013 u l-2020. L-ammont ta’ kwoti li jirċievi kull wieħed minn dawn l-operaturi jkun iddeterminat skont ir-regoli armonizzati fl-Unjoni kollha li huma stabbiliti fid-Direttiva 2003/87/KE u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (2).

    (2)

    Sat-30 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri kellhom iressqu quddiem il-Kummissjoni l-Miżuri Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni (NIMs) tagħhom li, fost informazzjoni obbligatorja oħra, dawn kellhom jagħtu lista ta’ installazzjonijiet fit-territorju tagħhom koperti mid-Direttiva 2003/87/KE, u l-ammont preliminari ta’ kwoti mingħajr ħlas li għandhom jiġu allokati bejn l-2013 u l-2020 ikkalkulati skont ir-regoli armonizzati madwar l-Unjoni kollha.

    (3)

    L-Artikolu 18 tal-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) jipprevedi l-miżuri tranżizzjonali li japplikaw għall-Kroazja u stabbiliti fl-Anness V ma’ dan l-Att. Skont il-punt 10 ta’ dan l-Anness V, il-Kroazja għandha tiżgura li l-operaturi jikkonformaw mad-Direttiva 2003/87/KE tul is-sena 2013 kollha. Bl-istess mod, l-operaturi ta’ installazzjonijiet eliġibbli jirċievu allokazzjoni mingħajr ħlas għas-sena 2013 kollha biex ikunu jistgħu jikkonformaw bis-sħiħ mal-EU ETS u l-prinċipju tagħha ta’ monitoraġġ, rapportaġġ u verifikazzjoni kull sena tal-emissjonijiet u ċ-ċediment tal-kwoti tal-emissjonijiet. B’konformità ma’ dan, il-Kroazja ressqet in-NIMs lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE.

    (4)

    Il-Kummissjoni pprovdiet mudell elettroniku għat-tressiq tan-NIMs biex tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-dejta. L-Istati Membri kollha ressqu lista ta’ installazzjonijiet f’dan il-format jew f’wieħed simili, tabella bid-dejta kollha rilevanti għal kull installazzjoni u rapport tal-metodoloġija li spjega l-proċess tal-ġbir tad-dejta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

    (5)

    Billi tressaq ambitu wiesa’ ta’ informazzjoni u dejta, il-Kummissjoni l-ewwel ma għamlet kien li vverifikat li n-NIMs kollha kienu sħaħ. F’każijiet fejn il-Kummissjoni sabet li s-sottomissjonijiet ma kinux komprensivi, hi talbet aktar informazzjoni mingħand l-Istati Membri kkonċernati. B’risposta għal dawn it-talbiet, l-awtoritajiet rilevanti ressqu aktar informazzjoni rilevanti biex jimtlew in-NIMs li kienu ressqu.

    (6)

    Wara dan, in-NIMs, u inklużi magħhom l-ammonti totali annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet li għandhom jiġu allokati bejn l-2013 u l-2020, ġew imqabbla mal-kriterji li hemm fid-Direttiva 2003/87/KE, b’mod speċjali l-Artikolu 10a tagħha, u fid-Deċiżjoni 2011/278/UE. filwaqt li tqiesu d-dokumenti gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri approvati mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima fl-14 ta’ April 2011. Fejn kien rilevanti, tqieset il-gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Anness I mad-Direttiva 2003/87/KE.

    (7)

    Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-konformità ddettaljata tan-NIMs ta’ kull Stat Membru. Bħala parti minn dik il-valutazzjoni komprensiva, il-Kummissjoni analizzat il-konsistenza tad-dejta fiha nnifisha u l-konsistenza tad-dejta mar-regoli tal-allokazzjoni armonizzati. Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat l-eliġibbiltà tal-installazzjonijiet għall-allokazzjoni mingħajr ħlas, it-tqassim tal-installazzjonijiet f’installazzjonijiet sekondarji u l-konfini tagħhom. Imbagħad il-Kummissjoni analizzat l-applikazzjoni tal-valuri referenzjarji korretti għall-installazzjonijiet sekondarji rilevanti. Billi d-Deċiżjoni 2011/278/UE tistipula, fil-prinċipju, valur referenzjarju wieħed għal kull prodott għall-valur referenzjarju tal-prodotti tal-installazzjonijiet sekondarji, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari lill-applikazzjoni tal-valur referenzjarju għall-prodott finali li ssawwar skont id-definizzjoni tal-prodott u l-konfini tas-sistema stipulati fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/278/UE. Barra minn hekk, billi hemm impatt sinifikanti fuq l-allokazzjonijiet, il-Kummissjoni analizzat fid-dettall il-kalkolu tal-livelli ta’ attività storiċi tal-installazzjonijiet, il-każi ta’ bidliet sinifikanti fil-kapaċità waqt il-perjodu ta’ bażi, kif ukoll każi ta’ installazzjonijiet li bdew jaħdmu waqt il-perjodu ta’ bażi, il-kalkolu tal-għadd preliminari ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li ġew allokati mingħajr ħlas filwaqt li qieset il-possibbiltà ta’ skambju bejn il-karburant u l-elettriku, l-istatus ta’ tnixxija tal-karbonju, kif ukoll l-esportazzjonijiet ta’ sħanat għal djar privati. Aktar analiżijiet tal-istatistika u kontrolli tal-kredibbiltà bl-użu ta’ indikaturi, bħal, pereżempju, il-propożizzjoni ta’ allokazzjoni skont il-livell storiku ta’ attività mqabbel ma’ valuri referenzjarji, jew livelli storiċi ta’ attività mqabbla mal-kapaċità tal-produzzjoni, għenu biex jidentifikaw irregolaritajiet potenzjali addizzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-allokazzjoni armonizzati.

    (8)

    Abbażi tar-riżultati ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni ddettaljata tal-installazzjonijiet fejn ġew identifikati l-irregolaritajiet potenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-allokazzjoni armonizzati, u talbet aktar kjarifiki mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    (9)

    Fid-dawl tar-riżultati ta’ din il-valutazzjoni tal-konformità, il-Kummissjoni tqis li n-NIMs tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Bulgarija, tal-Kroazja, ta’ Ċipru, tad-Danimarka, tal-Estonja, tal-Finlandja, ta’ Franza, tal-Greċja, tal-Ungerija, tal-Irlanda, tal-Italja, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Lussemburgu, ta’ Malta, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja, tal-Portugall, tar-Rumanija, tas-Slovakkja, tas-Slovenja, ta’ Spanja, tal-Isvezja u tar-Renju Unit, kompatibbli mad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 2011/278/UE. L-installazzjonijiet inklużi fin-NIMs minn dawn l-Istati Membri nstab li huma eliġibbli għall-allokazzjonijiet mingħajr ħlas u ma nstabu ebda nuqqasijiet ta’ konsistenza rigward l-ammonti totali annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas proposti minn kull wieħed minn dawn l-Istati Membri.

    (10)

    Iżda, fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni sabet li ċerti aspetti tan-NIMs sottomessi mill-Ġermanja u mir-Repubblika Ċeka mhumiex kumpatibbli mal-kriterji li hemm fid-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 2011/278/UE meta wieħed iqis id-dokumenti gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri, li ġew approvati mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima fl-14 ta’ April 2011.

    (11)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-Ġermanja pproponiet li seba’ installazzjonijiet għandhom jirċievu żieda fil-livell ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet minħabba li tikkunsidra li dan ikun jevita tbatija bla bżonn. B’konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 2011/278/UE, l-ammonti preliminari ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas li għandhom jitressqu bħala parti min-NIMs jiġu kkalkulati skont ir-regoli armonizzati madwar l-Unjoni. Id-Deċiżjoni 2011/278/UE ma tipprevedix l-aġġustament li tixtieq tagħmel il-Ġermanja abbażi tal-Artikolu 9(5) tal-Att Ġermaniż dwar in-Negozjar ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet b’Effett Serra — TEHG tat-28 ta’ Lulju 2011. Filwaqt li sal-2012, l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet kienet organizzata fuq bażi nazzjonali, mill-2013 ’il quddiem, il-leġiżlatur, b’mod intenzjonat, stabbilixxa r-regoli kompletament armonizzati, biex l-installazzjonijiet kollha jiġu ttrattati bl-istess mod. Kull bidla unilaterali fl-ammonti preliminari tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas ikkalkulati mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni 2011/278/UE tkun iddgħajjef dan l-approċċ armonizzat. Il-Ġermanja ma ġabitx provi li l-allokazzjoni għall-installazzjonijiet ikkonċernati kkalkulata skont id-Deċiżjoni 2011/278/UE kienet b’mod ċar mhux xierqa meta jitqies l-għan li jrid jinkiseb tal-armonizzazzjoni sħiħa tal-allokazzjonijiet. Jekk jiġu allokati aktar kwoti lil xi installazzjonijiet, dan ikun jippreġudika l-kompetizzjoni, jew jhedded li jagħmel hekk, u jkollu effetti transkonfinali minħabba n-negozju madwar l-unjoni fis-setturi kollha koperti mid-Direttiva 2003/87/KE. Fid-dawl tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-Istati Membri u tal-installazzjonijiet fl-EU ETS, il-Kummissjoni ddeċidiet li għalhekk jixraq li toġġezzjona għall-ammonti preliminari ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas lil ċerti installazzjonijiet li hemm fin-NIMs Ġermaniżi u elenkati fil-punt A tal-Anness I.

    (12)

    Il-Kummissjoni ssib li n-NIMs proposti mill-Ġermanja jikkontrovjenu wkoll id-Deċiżjoni 2011/278/UE għaliex l-applikazzjoni tal-valur ta’ referenza għall-metall jaħraq fil-każijiet elenkati fil-punt B tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni mhijiex konsistenti mar-regoli rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li fin-NIMs Ġermaniżi, fil-każi tal-proċessi fil-manifattura tal-azzar bl-ifran bażiċi li jaħdmu bl-ossiġenu (BOF), u fejn il-metall jaħraq mill-forn tal-blast ma jiġix irfinut f’azzar fl-istess installazzjoni, iżda jiġi esportat għal aktar ipproċessar, l-operatur tal-installazzjoni bil-forn tal-blast għall-produzzjoni tal-metall jaħraq ma jingħatax allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Minflok ma jsir hekk, l-allokazzjoni mingħajr ħlas tingħata lill-installazzjoni fejn jiġi rfinut l-azzar.

    (13)

    Il-Kummissjoni tinnota li għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet, il-valuri referenzjarji tal-prodotti huma stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/278/UE fejn tqiesu d-definizzjonijiet tal-prodotti u l-kumplessità tal-proċessi tal-produzzjoni li jippermettu l-verifika tad-dejta tal-produzzjoni u applikazzjoni uniformi tal-valuri referenzjarji għall-prodotti madwar l-Unjoni. Għall-applikazzjoni tal-valuri referenzjarji tal-prodotti, l-installazzjonijiet huma maqsumin f’installazzjonijiet sekondarji, fejn l-installazzjonijiet sekondarji ta’ valur referenzjarju ta’ prodott jiġu ddefiniti bħala inputs, outputs u l-emissjonijiet korrispondenti marbutin mal-produzzjoni ta’ prodott li għalih ġie stabbilit valur referenzjarju fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/278/UE. B’hekk, il-valuri referenzjarji huma stabbiliti għall-prodotti u mhux għall-proċessi. Għalhekk, ġie żviluppat valur referenzjarju għall-metall jaħraq, u l-prodott huwa ddefinit bħala ħadid likwidu ssaturat bil-karbonju għal aktar ipproċessar. Il-fatt li l-konfini tas-sistema għall-valur referenzjarju tal-metall jaħraq stabbiliti fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/278/UE jinkludu l-BOF ma jippermettix lill-Istati Membri li ma jagħtux każ li għandu jkun hemm l-allokazzjonijiet għal prodott partikolari. Dan il-fattur huwa kkorroborat mill-fatt li l-valuri referenzjarji għandhom ikopru l-emissjonijiet diretti kollha li huma marbutin mal-produzzjoni. Madankollu, hija l-produzzjoni tal-metall jaħraq fil-forn tal-blast li prinċiparjament jikkawża l-emissjonijiet, filwaqt li l-proċess tal-irfinar tal-metall jaħraq f’azzar fil-konvertitur BOF jipproduċi relattivament ftit emissjonijiet. Għalhekk, il-valur referenzjarju kien ikun ħafna inqas kieku kien ikopri l-installazzjonijiet li jimpurtaw il-metall jaħraq u jirfinawh f’azzar fil-konvertitur BOF. Barra minn hekk, fid-dawl tal-iskema ġenerali għall-allokazzjoni stabbilita bid-Deċiżjoni 2011/278/UE, b’mod partikolari rigward ir-regoli dwar bidliet sinifikanti fil-kapaċitajiet, l-allokazzjoni proposta mill-Ġermanja ma tistax titqies li hi konsistenti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ssib li minħabba nuqqas ta’ installazzjoni sekondarja korrispondenti li kienet tippermetti l-allokazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, l-installazzjonijiet li jimpurtaw il-metall jaħraq biex ikomplu jipproċessawh ma jistgħux jitqiesu li huma eliġibbli biex jirċievu l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas abbażi tal-valur referenzjarju tal-metall jaħraq għall-ammont tal-metall jaħraq impurtat. Għalhekk, il-Kummissjoni toġġezzjona għall-ammonti totali preliminari ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas proposti għall-installazzjonijiet elenkati fil-punt B tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.

    (14)

    Rigward l-applikazzjoni tal-valur referenzjarju għall-metall jaħraq fin-NIMs proposti mir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni tosserva li l-allokazzjoni għall-installazzjoni elenkata taħt il-punt C bl-identifikatur CZ-existing-CZ-73-CZ-0134-11/M ma tikkorrispondix mal-valur tal-valur referenzjarju tal-metall jaħraq immultiplikat bil-livell rilevanti tal-attività storika marbuta mal-prodott, kif propost fin-NIMs, u għaldaqstant mhijiex konformi mal-Artikolu 10(2)(a) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE. Għalhekk, il-Kummissjoni toġġezzjona għall-allokazzjoni lil din l-installazzjoni sakemm ma jissewwiex dan l-iżball. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-allokazzjoni għall-installazzjoni elenkata taħt il-punt C bl-identifikatur CZ-existing-CZ-52-CZ-0102-05 tqies il-proċessi koperti mill-konfini tas-sistema tal-valur referenzjarju tal-metall jaħraq. Iżda din l-installazzjoni ma tipproduċix il-metall jaħraq, imma timpurtah. Minħabba li mhemmx produzzjoni tal-metall jaħraq fl-installazzjoni bl-identifikatur CZ-existing-CZ-52-CZ-0102-05, u b’hekk mhemmx installazzjoni sekondarja tal-valur referenzjarju korrispondenti tal-prodott li kienet tippermetti d-determinazzjoni tal-allokazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, l-allokazzjoni proposta mhijiex konsistenti mar-regoli tal-allokazzjoni u tista’ tagħti lok għal kalkolu doppju. Għaldaqstant il-Kummissjoni toġġezzjona għall-allokazzjoni lill-installazzjonijiet elenkati fil-punt C tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.

    (15)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-installazzjonijiet imsemmijin fil-punt D tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni jirċievu allokazzjoni abbażi ta’ installazzjoni sekondarja tal-emissjonijiet tal-proċess għall-produzzjoni taż-żingu fil-forn tal-blast u proċessi marbutin ma’ dan. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-emissjonijiet koperti mill-installazzjoni sekondarja tal-emissjonijiet tal-proċessi diġà huma koperti mill-installazzjoni sekondarja tal-valur referenzjali tal-prodott għall-metall jaħraq li abbażi tiegħu waħda mill-installazzjonijiet tirċievi wkoll allokazzjoni, u b’hekk dawn huma kkalkulati darbtejn. L-installazzjoni sekondarja tal-valur referenzjarju tal-prodott għall-metall jaħraq tkopri b’mod ċar l-inputs, l-outputs u l-emissjonijiet korrispondenti marbutin mal-produzzjoni tal-metall jaħraq fil-forn tal-blast u mal-proċessi kollha, inkluż it-trattament tal-gagazza, marbutin ma’ dan, kif stabbilit fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/278/UE. Għalhekk, in-NIMs proposti mill-Ġermanja jmorru kontra l-Artikolu 10(8) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE u l-obbligu li ma jsirux kalkoli tal-emissjonijiet darbtejn, għaliex ċerti emissjonijiet huma magħdudin darbtejn fl-allokazzjoni għal dawn l-installazzjonijiet. Għalhekk il-Kummissjoni toġġezzjona għall-allokazzjoni lil dawn l-installazzjonijiet abbażi ta’ installazzjoni sekondarja tal-emissjonijiet tal-proċessi għall-produzzjoni taż-żingu ġo forn tal-blast u l-proċessi marbutin ma’ dan.

    (16)

    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-lista tal-installazzjonijiet stipulata fin-NIMs Ġermaniżi mhijiex sħiħa u b’hekk tmur kontra l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-lista ma tinkludix l-installazzjonijiet li jipproduċu l-polimeri, b’mod partikolari l-S-PVC u l-E-PVC, u l-monomer tal-klorur tal-vinil (VCM) bil-kwantitajiet tal-kwoti maħsubin biex jiġu allokati lil kull waħda minn dawn l-installazzjonijiet li qegħdin fit-territorju tal-Ġermanja, li għalihom tapplika d-Direttiva u li huma msemmijin fit-taqsima 5.1 tal-gwida tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Anness I mad-Direttiva 2003/87/KE, approvata mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima fit-18 ta’ Marzu 2010. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni taf bil-fehma mressqa mill-Ġermanja, li l-produzzjoni tal-polimeri, b’mod partikolari l-S-PVC u l-E-PVC, u l-VCM mhijiex koperta mill-Anness I mad-Direttiva 2003/87/KE. Il-Kummissjoni tqis li l-polimeri, inklużi l-S-PVC u l-E-PVC u l-VCM, jissodisfaw id-definizzjoni tal-attività rilevanti (il-produzzjoni ta’ ammonti kbar ta’ sustanzi kimiċi) fl-Anness I mad-Direttiva 2003/87/KE. Għaldaqstant, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u s-setturi industrijali kkonċernati, inħarġu l-valuri referenzjarji tal-prodotti għall-S-PVC, l-E-PVC u l-VCM, kif stipulat fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/278/UE.

    (17)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-fatt li l-lista tal-installazzjonijiet Ġermaniża mhijiex sħiħa għandu effetti negattivi fuq l-allokazzjoni abbażi tal-installazzjoni sekondarja tal-valur referenzjarju tas-sħana għall-installazzjonijiet li jesportaw is-sħana lil installazzjonijiet li jipproduċu s-sustanzi kimiċi fi kwantitajiet kbar, elenkati fil-punt E tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni. Filwaqt li huma biss l-esportazzjonijiet tas-sħana lejn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mid-Direttiva 2003/87/KE li jagħtu lok għal allokazzjoni mingħajr ħlas abbażi tal-installazzjoni sekondarja tal-valur referenzjarju tas-sħana, fin-NIMs Ġermaniżi, l-esportazzjonijiet lejn installazzjonijiet li jwettqu attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I mad-Direttiva 2003/87/KE huma meqjusin għall-allokazzjoni għall-installazzjonijiet elenkati fil-punt E tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni. B’konsegwenza ta’ dan, l-allokazzjonijiet proposti għall-installazzjonijiet elenkati fil-punt E tal-Anness I mhumiex konsistenti mar-regoli tal-allokazzjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni toġġezzjona għall-allokazzjoni għall-installazzjonijiet elenkati fil-punt E tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.

    (18)

    B’konformità mal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2003/87/KE, bid-Deċiżjoni 2010/634/UE (4) l-Kummissjoni ppubblikat il-kwantità assoluta għall-Unjoni kollha tal-kwoti għall-perjodu mill-2013 sal-2020. F’dan ir-rigward, il-kwantità meqjusa skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE hija bbażata fuq it-total tal-kwantitajiet tal-kwoti maħruġin mill-Istati Membri li jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Allokazzjoni tagħhom għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2012. Madankollu, wara l-għeluq tal-perjodu ta’ negozjar bejn l-2008 u l-2012, il-Kummissjoni kisbet aktar informazzjoni u dejta aktar preċiża partikolarment dwar il-kwantità ta’ kwoti mogħtijin lil min jidħol ġdid, mir-Riżervi għal Min Jidħol Ġdid tal-Istati Membri, u dwar l-użu tal-kwoti tal-Istati Membri, li jitwarrbu għal proġetti ta’ Implimentazzjoni Konġunta stabbiliti skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/780/KE (5). Barra minn hekk, rigward l-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni skont l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2003/87/KE, u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 4 tiegħu, għandha titqies l-aktar dejta xjentifika riċenti dwar il-potenzjal ta’ effet serra tal-gassijiet b’effett serra, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2011) 3798 u C(2012) 497 biex tiġi aċċettata l-inklużjoni unilaterali ta’ gassijiet b’effett serra addizzjonali u attivitajiet tal-Italja u tar-Renju Unit skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll l-esklużjoni tal-Ġermanja, tar-Renju Unit, ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ Spanja, tas-Slovenja u tal-Italja, mill-EU ETS ta’ installazzjonijiet bi ftit emissjonijiet, b’konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE.

    (19)

    Barra minn hekk, il-kwantità assoluta tal-kwoti tal-Unjoni sħiħa għandhom iqisu l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, kif ukoll it-twessigħ tal-EU ETS għall-Istati taż-ŻEE u tal-EFTA. Skont il-punt 8 tal-Anness III mal-Att dwar il-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-kwantità meqjusa skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE żdiedet, bħala riżultat tal-adeżjoni tal-Kroazja, bl-istess kwantità ta’ kwoti li l-Kroazja se tirkanta skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. L-inkorporazzjoni fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Deċiżjoni 2011/278/UE kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/745/UE (7) bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 152/2012 (8) timplika żieda ġenerali tal-kwantità totali tal-kwoti fl-EU ETS skont l-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2003/87/KE. Għaldaqstant jeħtieġ li jitqiesu ċ-ċifri rilevanti ppreżentati mill-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-Parti A tal-Appendiċi għal dik id-Direttiva fil-Ftehim ŻEE.

    (20)

    Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2010/634/UE għandha tiġi emendata skont dan.

    (21)

    Fl-2014 u f’kull sena ta’ wara din, il-kwantità totali ta’ kwoti ddeterminati għall-2013 abbażi tal-Artikolu 9 u 9a tad-Direttiva 2003/87/KE se tonqos b’fattur lineari ta’ 1,74 % mill-2010, li jammontaw għal 38 264 246 kwoti.

    (22)

    L-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE jillimita l-kwantità massima annwali tal-kwoti li hija l-bażi biex jiġu kkalkulati l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet mhux koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dan il-limitu huwa kompost minn żewġ elementi msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, li kull wieħed minnhom ġie ddeterminat mill-Kummissjoni abbażi tal-kwantitajiet iddeterminati skont l-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2003/87/KE, skont dejta li hija disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru tal-Unjoni u skont informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari dwar is-sehem ta’ emissjonijiet minn ġeneraturi tal-elettriku u installazzjonijiet oħrajn li mhumiex eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas imsemmija fl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll fejn disponibbli l-emissjonijiet ivverifikati fil-perjodu bejn l-2005 u l-2007 minn installazzjonijiet li ddaħħlu fl-EU ETS biss mill-2013 ’il quddiem, filwaqt li tqieset l-aktar dejta xjentifika riċenti rigward il-potenzjal ta’ effett serra tal-gassijiet b’effett serra.

    (23)

    Il-limitu stabbilit mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE ma jistax jinqabeż, u dan jiġi żgurat bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali li, jekk ikun hemm bżonn, inaqqas l-għadd ta’ kwoti mingħajr ħlas fl-installazzjonijiet kollha li huma eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas b’mod uniformi. L-Istati Membri għandhom iqisu dan il-fattur meta jkunu qegħdin jiddeċiedu l-ammonti annwali tal-allokazzjonijiet lill-installazzjonijiet abbażi ta’ allokazzjonijiet preliminari u ta’ din id-Deċiżjoni. L-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE jeħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali, dan isir permezz ta’ tqabbil tas-somma tal-ammonti totali preliminari ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas imressqin mill-Istati Membri, ma’ limitu ffissat bl-Artikolu 10a(5) bil-mod li hu stabbilit fl-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE.

    (24)

    Wara li d-Direttiva 2009/29/KE ddaħħlet fil-Ftehim ŻEE permezz tad-Deċiżjoni Nru 152/2012 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, il-limitu stabbilit mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-regoli armonizzati tal-allokazzjoni u l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali għandhom jiġu applikati fil-pajjiżi ŻEE-EFTA. Għalhekk jeħtieġ li jitqiesu l-ammonti annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas fil-perjodu 2013 sal-2020, stabbiliti bid-deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tal-10 ta’ Lulju 2013 dwar in-NIMs tal-Islanda, tan-Norveġja u tal-Liechtenstein.

    (25)

    Il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE huwa ta’ 809 315 756 kwoti fl-2013. Biex ikkalkulat dan il-limitu, il-Kummissjoni l-ewwel ġabret l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri u l-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA dwar jekk l-installazzjonijiet jikkwalifikaw bħala ġeneraturi tal-elettriku jew bħala installazzjoni oħra koperta mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Imbagħad il-Kummissjoni ddeċidiet is-sehem tal-emissjonijiet fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2007 mill-installazzjonijiet li mhumiex koperti minn dik id-dispożizzjoni, iżda li kienu inklużi fl-EU ETS fil-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2012. Il-Kummissjoni kompliet billi applikat dan is-sehem ta’ 34,78289436 % għall-kwantità li ġiet iddeterminata abbażi tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE (1 976 784 044 kwoti). Mar-riżultat ta’ dan il-kalkolu, il-Kummissjoni żiedet 121 733 050 kwoti, abbażi tal-emissjonijiet annwali medji vverifikati mill-installazzjonijiet rilevanti waqt il-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2007 filwaqt li qieset l-ambitu rivedut tal-EU ETS mill-2013 ’il quddiem. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EEA-EFTA għall-aġġustament tal-limitu massimu. Fejn l-emissjonijiet annwali vverifikati għall-perjodu 2005 sal-2007 ma kinux disponibbli, sa fejn kien possibbli l-Kummissjoni estrapolat iċ-ċifri tal-emissjonijiet rilevanti minn emissjonijiet ivverifikati fis-snin ta’ wara bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ 1,74 % fid-direzzjoni opposta. Il-Kummissjoni kkonsultat mal-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-informazzjoni u d-dejta użata għal dan u ġabet il-konferma mingħandhom. Il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE mqabbel mat-total tal-ammonti annwali preliminari ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas, mingħajr l-applikazzjoni tal-fatturi msemmijin fl-Anness VI mad-Deċiżjoni 2011/278/UE jagħti l-koeffiċjent annwali transettorjali kif stipulat fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.

    (26)

    Billi b’mod ġenerali ċċara l-għadd tal-kwoti li se jiġu allokati mingħajr ħlas b’riżultat ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni iżjed tista’ tagħmel stima tal-ammont tal-kwoti li se jiġu rkantati b’konformità mal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. Meta tqis il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-allokazzjoni rigward il-produzzjoni tas-sħana skont l-Artikolu 10a(4) li tidher fit-tabella hawn taħt, u d-daqs tar-riżerva għal dawk li jidħlu ġodda, il-Kummissjoni tistma li l-għadd ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati fil-perjodu mill-2013 sal-2020 huwa 8 176 193 157.

    (27)

    It-tabella li tidher hawn taħt tistabbilixxi l-allokazzjoni annwali fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana skont l-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87/KE:

    Sena

    Allokazzjoni mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87/KE

    2013

    104 326 872

    2014

    93 819 860

    2015

    84 216 053

    2016

    75 513 746

    2017

    67 735 206

    2018

    60 673 411

    2019

    54 076 655

    2020

    47 798 754

    (28)

    Abbażi tan-NIMs u l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali u l-koeffiċjent lineari, l-Istati Membri għandhom ikomplu biex jiddeterminaw l-għadd annwali finali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull sena fil-perjodu mill-2013 sal-2020. L-għadd annwali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għandu jiġi ddeterminat mill-Istati Membri skont din id-Deċiżjoni, skont id-Direttiva 2003/87/KE, id-Deċiżjoni 2011/278/UE u dispożizzjonijiet rilevanti oħra fil-liġi tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom ikomplu biex jiddeterminaw l-għadd annwali finali ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għal kull sena mill-2013 sal-2020 skont l-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE lil installazzjonijiet fit-territorji tagħhom abbażi tan-NIMs tagħhom, tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali u l-koeffiċjent lineari.

    (29)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas lil installazzjonijiet li jkunu koperti mill-EU ETS abbażi ta’ regoli armonizzati fl-UE kollha ma tagħtix vantaġġ ekonomiku selettiv lil impriżi li jkollu l-potenzjali li jippreġudika l-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Skont il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati li jallokaw il-kwoti mingħajr ħlas u ma għandhomx is-setgħa li, minflok, jagħżlu li jirkantaw il-kwantitajiet rilevanti. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar il-kwoti mingħajr ħlas ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-istat fit-tifsira tal-Artikoli 107 u 108 TFUE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU I

    MIŻURI NAZZJONALI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

    Artikolu 1

    1.   Hija miċħuda r-reġistrazzjoni tal-installazzjonijiet elenkati fl-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni fil-listi ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE li tressqu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u tal-għadd totali annwali preliminari korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil dawn l-installazzjonijiet.

    2.   Jekk Stat Membru jemenda l-ammonti totali annwali preliminari tal-kwoti ta’ emissjonijiet ippreżentati għall-installazzjonijiet fit-territorju tiegħu li qegħdin fil-listi msemmijin fil-paragrafu 1 u elenkati fil-punt A tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni, qabel ma jiddetermina l-ammont annwali totali finali għal kull sena mill-2013 sal-2020, b’konformità mal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, sakemm din l-emenda tkun biex teskludi kull żieda fl-allokazzjonijiet li mhijiex prevista f’dik id-Deċiżjoni, ma jitqajmux oġġezzjonijiet.

    Ma jitqajmux oġġezzjonijiet jekk Stat Membru jemenda l-ammonti annwali totali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet fit-territorju tiegħu li huma fil-listi msemmijin fil-paragrafu 1 u elenkati fil-punt B tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni qabel ma jiddetermina l-ammont annwali totali finali għal kull sena bejn l-2013 u l-2020, b’konformità mal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE sakemm l-emenda tkun biex teskludi kull allokazzjoni abbażi tal-valur referenzjarju tal-metall jaħraq lil installazzjonijiet li jimportaw il-metall jaħraq biex ikompli jiġi pproċessat, kif iddefinit fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/278/UE. Fejn dan iwassal għal żieda fl-ammont totali annwali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet f’installazzjoni li tipproduċi u tesporta l-metall jaħraq lil installazzjoni elenkata fil-punt B tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni, ma jitqajmux oġġezzjonijiet jekk l-Istat Membru kkonċernat jemenda l-ammont annwali totali preliminari ta’ din l-installazzjoni li tipproduċi u tesporta l-metall jaħraq kif jixraq.

    Ma jitqajmux oġġezzjonijiet jekk Stat Membru jemenda l-ammonti totali annwali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet fit-territorju tiegħu li qegħdin fil-listi msemmijin fil-paragrafu 1 u elenkati fil-punt C tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni qabel ma jiddetermina l-ammont annwali totali finali għal kull sena bejn l-2013 u l-2020 b’konformità mal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE sakemm l-emenda tkun biex tikkonforma l-allokazzjoni mal-Artikolu 10(2)(a) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE u teskludi kull allokazzjoni għal proċessi li huma koperti mill-konfini tas-sistema tal-valur referenzjarju tal-prodott għall-metall jaħraq, kif iddefinit fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/278/UE lil installazzjoni li ma tipproduċix, iżda timporta l-metall jaħraq, li inkella iwassal għal kalkolu doppju.

    Ma jitqajmux oġġezzjonijiet jekk Stat Membru jemenda l-ammonti annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet fit-territorju tiegħu li qegħdin fil-listi msemmijin fil-paragrafu 1 u elenkati fil-punt D tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni qabel ma jiddetermina l-ammont totali annwali finali għal kull sena bejn l-2013 u l-2020 b’konformità mal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE sakemm l-emenda tkun biex teskludi kull allokazzjoni abbażi ta’ installazzjoni sekondarja tal-emissjonijiet tal-proċessi għall-produzzjoni taż-żingu fil-forn blast u proċessi marbutin ma’ dan. Fejn dan iwassal għal żieda tal-allokazzjoni preliminari skont il-valur referenzjarju ta’ installazzjoni sekondarja tal-karburant jew tas-sħana f’installazzjoni li jkollha forn tal-blast u tkun elenkata fil-punt D tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni, ma jitqajmux oġġezzjonijiet jekk l-Istat Membru kkonċernat jemenda l-ammont annwali totali preliminari ta’ din l-installazzjoni skont dan.

    Ma jitqajmux oġġezzjonijiet jekk Stat Membru jemenda l-ammonti annwali totali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet fit-territorju tiegħu li huma inklużi fil-listi msemmijin fil-paragrafu 1 u elenkati fil-punt E tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni qabel ma jiddetermina l-ammont annwali totali finali għal kull sena bejn l-2013 u 2020 b’konformità mal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE sakemm l-emenda tkun biex teskludi kull allokazzjoni għas-sħana esportata lil installazzjonijiet li jipproduċu l-polimeri, bħalma huma l-S-PVC u l-E-PVC, u l-VCM.

    3.   Kull emenda msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr, u Stat Membru ma għandux ikompli biex jiddetermina l-ammont annwali totali finali għal kull sena bejn l-2013 u l-2020 b’konformità mal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE sakemm l-emendi jkunu saru aċċettabbli.

    Artikolu 2

    Mingħajr ħsara għall-Artikolu 1, ma jitqajmux oġġezzjonijiet rigward il-listi tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE mressqin mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-ammonti annwali totali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet korrispondenti allokati mingħajr ħlas lil dawn l-installazzjonijiet.

    KAPITOLU II

    IL-KWANTITÀ TOTALI TAL-KWOTI

    Artikolu 3

    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2010/634/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Abbażi tal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jingħataw mill-2013 ’il quddiem u mnaqqsin kull sena b’mod lineari skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE, hija ta’ 2 084 301 856 kwoti.”

    KAPITOLU III

    KOEFFIĊJENT TA’ KORREZZJONI TRANSETTORJALI

    Artikolu 4

    Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u ddeterminat skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE huwa stabbilit fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Settembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Connie HEDEGAARD

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1).

    (3)  ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/634/UE tat-22 ta’ Ottubru 2010 li taġġusta l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-Unjoni għall-2013 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/384/UE (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 34).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/780/KE tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar li jiġi evitat l-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tal-effett tas-serra skont l-iskema Komunitarja tal-iskambju tal-emissjonijiet għall-attivitajiet tal-proġetti skont il-Protokoll ta’ Kyoto 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 16.11.2006, p. 12).

    (6)  Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/745/UE tal-11 ta’ Novembru 2011 li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/2/UE u 2011/278/UE fir-rigward ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (ĠU L 299, 17.11.2011, p. 9).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 152/2012 tas-26 ta’ Lulju 2012 li temenda l-Anness XX (Ambjent) tal-Ftehim taż-ŻEE (ĠU L 309, 8.11.2012, p. 38).


    ANNESS I

    PUNT A

    Identifikatur tal-Installazzjoni kif ippreżentat fin-NIMs

    DE000000000000010

    DE000000000000563

    DE000000000000978

    DE000000000001320

    DE000000000001425

    DE-new-14220-0045

    DE-new-14310-1474

    PUNT B

    Identifikatur tal-Installazzjoni kif ippreżentat fin-NIMs

    DE000000000000044

    DE000000000000053

    DE000000000000056

    DE000000000000059

    DE000000000000069

    PUNT C

    Identifikatur tal-Installazzjoni kif ippreżentat fin-NIMs

    CZ-existing-CZ-73-CZ-0134-11/M

    CZ-existing-CZ-52-CZ-0102-05

    PUNT D

    Identifikatur tal-Installazzjoni kif ippreżentat fin-NIMs

    DE-new-14220-0045

    DE000000000001320

    PUNT E

    Identifikatur tal-Installazzjoni kif ippreżentat fin-NIMs

    DE000000000000005

    DE000000000000762

    DE000000000001050

    DE000000000001537

    DE000000000002198


    ANNESS II

    Sena

    Koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali

    2013

    94,272151  %

    2014

    92,634731  %

    2015

    90,978052  %

    2016

    89,304105  %

    2017

    87,612124  %

    2018

    85,903685  %

    2019

    84,173950  %

    2020

    82,438204  %


    Top