Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0054

2013/54/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Jannar 2013 li tawtorizza lir-Repubbliak tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 22, 25.1.2013, p. 15–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 23/03/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/54/oj

25.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Jannar 2013

li tawtorizza lir-Repubbliak tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2013/54/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 2012, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi regola mill-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tkun tippermetti lis-Slovenja teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż il-EUR 50 000.

(2)

B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, b’ittra datata t-18 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li saret mis-Slovenja. Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.

(3)

Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ċerti Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali tal-ammonti bir-rata tal-kambju fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni. Is-Slovenja talbet li l-limitu massimu korrispondenti tagħha, li huwa stabbilit bħala EUR 25 000 skont il-punt 15 tal-Artikolu 287, jiżdied għal EUR 50 000.

(4)

Limitu massimu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar hu miżura ta’ simplifikazzjoni peress li dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT għan-negozji ż-żgħar. L-iskema speċjali hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli.

(5)

Fil-proposta tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2004 għal Direttiva li temenda d-Direttiva 77/338/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, bil-ħsieb li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali għall-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT sa ammont massimu ta’ EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mis-Slovenja hi konformi ma’ dik il-proposta.

(6)

Il-miżura ta’ deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa tas-Slovenja miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubbliak tas-Slovenja hija awtorizzata teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temendaw l-ammonti tal-limiti massimi ta’ fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema data tiġi l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


Top