Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1026

    Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

    ĠU L 316, 14.11.2012, p. 34–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1026/oj

    14.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 316/34


    REGOLAMENT (UE) Nru 1026/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Ottubru 2012

    dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 207 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (‘UNCLOS’) u fil-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut Ferm Migratorju tal-4 ta’ Awwissu 1995 (‘UNFSA’), il-ġestjoni ta’ ċerti stokkijiet ta’ ħut kondiviż, transżonali u ferm migratorju teħtieġ il-kooperazzjoni tal-pajjiżi kollha li fihom ikun hemm dawk l-istokk (l-istati tal-kosta) u tal-pajjiżi li l-flotot tagħhom jisfruttaw dak l-istokk (l-istati tas-sajd). Din il-kooperazzjoni tista’ tiġi stabbilita fil-qafas tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (regional fisheries management organizations — (‘RFMOs’) jew, meta l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd ma jkollhom ebda kompetenza għall-istokk inkwistjoni, permezz ta’ arranġamenti ad-hoc fost il-pajjiżi li għandhom interess fis-sajd.

    (2)

    Meta pajjiżi terz b'interess f’sajd li jinvolvi stokk ta’ interess komuni għal dak il-pajjiż u għall-Unjoni jippermetti, mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għall-mudelli tas-sajd eżistenti jew għad-drittijiet, id-doveri u l-interessi ta’ pajjiżi oħrajn u dawk tal-Unjoni, l-attivitajiet tas-sajd li jipperikolaw is-sostenibbiltà ta' dak l-istokk, u meta jonqsu milli jikkooperaw ma' pajjiżi oħrajn, u mal-Unjoni fil-ġestjoni tagħha, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex iħeġġu lil dak il-pajjiż li jikkontribwixxi lejn il-konservazzjoni ta' dak l-istokk.

    (3)

    L-istokkijiet tal-ħut għandhom jiġu kkunsidrati li huma fi stat mhux sostenibbli meta ma jinżammux kontinwament fil-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, jew, jekk dawn il-livelli ma jistgħux jiġu stmati, meta l-istokkijiet ma jinżammux kontinwament fil-limiti bijoloġiċi sikuri.

    (4)

    Jeħtieġ li jiġu definiti l-kundizzjonijiet li bihom pajjiż jista’ jitqies bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli u soġġett għal miżuri skont dan ir-Regolament, inkluż proċess li jagħti lill-pajjiżi kkonċernati d-dritt li jinstemgħu u li jkollhom l-opportunità li jadottaw azzjoni korrettiva.

    (5)

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi definit it-tip ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli u li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ġenerali għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, sabiex ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, u li jkunu ekwitabbli, kost-effettivi u kompatibbli mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    (6)

    Dawn il-miżuri għandhom jimmiraw li jneħħu l-inċentivi għall-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli għal ħut fuq l-istokk ta’ interess komuni. Dan jista’ jinkiseb, inter alia, permezz ta’restrizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ prodotti ta’ ħut maqbuda minn bastimenti li jagħmlu s-sajd fuq stokk ta’ interess komuni taħt il-kontroll tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli, permezz ta' restrizzjoni fuq l-aċċess għall-portijiet għal dawk il-bastimenti, jew permezz ta' prevenzjoni tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew it-tagħmir tas-sajd tal-Unjoni milli jintużaw għal sajd għall-istokk ta’ interess komuni taħt il-kontroll tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli.

    (7)

    Sabiex jiġi żgurata li l-azzjoni tal-Unjoni għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut tkun effettiva u koerenti, huwa importanti li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-miżuri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (3).

    (8)

    Sabiex ikun garantit li l-miżuri adottati kontra pajjiż taħt dan ir-Regolament jkunu ambjentalment sodi, effettivi, proporzjonati u kompatibbli mar-regoli internazzjonali, jeħtieġ li l-adozzjoni tagħhom tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, kummerċjali, ekonomiċi u soċjali mistennija tagħhom.

    (9)

    Jekk il-miżuri adottati kontra pajjiż skont dan ir-Regolament ikunu ineffettivi u dak il-pajjiż ikompli jitqies bħala pajjiż li qed jippermetti s-sajd mhux sostenibbli, jistgħu jiġu adottati iktar miżuri bi qbil ma' dan ir-Regolament.

    (10)

    Il-miżuri adottati kontra pajjiż skont dan ir-Regolament għandhom jieqfu milli jkomplu japplikaw meta l-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli jkun adotta l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni tiegħu għall-konservazzjoni tal-istokk ta’ interess komuni.

    (11)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' pajjiż li jippermetti s-sajd mhux sostenibbli, biex tadotta miżuri fir-rigward ta' tali pajjiż u tiddeċiedi li tali miżuri għandhom jieqfu japplikaw. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (4).

    (12)

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f’każijiet debitament ġustifikati relatati mat-tmiem tal-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri rigward l-attivitajiet u linji politiċi relatati mas-sajd ta' pajjiżi terzi biex tkun żgurata l-konservazzjoni fit-tul ta’ stokkijiet ta’ ħut ta’ interess komuni għall-Unjoni u dawk il-pajjiżi terzi.

    2.   Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament jistgħu japplikaw fil-każijiet kollha meta l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi terzu u l-Unjoni tkun meħtieġa għall-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet ta’ interess komuni, inkluż fejn dik il-kooperazzjoni sseħħ fil-kuntest ta’ xi RFMO jew xi korp simili.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “stokk ta” interess komuni’ tfisser stokk ta’ ħut li d-distribuzzjoni ġeografika tiegħu tagħmlu disponibbli għall-Unjoni u għall-pajjiżi terzi u li l-ġestjoni tiegħu tirrikjedi l-kooperazzjoni bejn tali pajjiżi u l-Unjoni, f'kuntest bilaterali jew multilaterali;

    (b)

    “speċi assoċjata” tfisser kwalunkwe ħut li jappartjenti għall-istess ekosistema tal-istokk ta’ interess komuni u li jkun jippriża minn fuq dak l-istokk, li jkun priża għalih, li jikkompeti miegħu għall-ikel u l-ispazju tal-għajxien jew li jinsab flimkien miegħu fl-istess żona tas-sajd u li jiġi sfruttat jew meħud bi żball fl-istess sajda jew sajd;

    (c)

    “organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd” jew “RFMO” tfisser organizzazzjoni subreġjonali, reġjonali jew simili b’kompetenza, skont il-liġi internazzjonali, li tistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi marittimi ħajjin imqiegħda taħt ir-responsabbiltà tagħha permezz tal-konvenzjoni jew il-ftehim li bihom kienet stabbilita;

    (d)

    “importazzjoni” tfisser l-introduzzjoni ta’ ħut jew prodotti ta’ ħut fit-territorju tal-Unjoni, inkluż għal skopijiet ta’ trasbord f’portijiet li jinsabu fit-territorju tagħha;

    (e)

    “trasbord” tfisser il-ħatt tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut kollha abbord bastiment tas-sajd għal fuq bastiment tas-sajd ieħor;

    (f)

    “stat mhux sostenibbli” tfisser il-kundizzjoni meta l-istokk ma jinżammx kontinwament fil-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, jew ’il fuq minnu, jew jekk dawn il-livelli ma jkunux jistgħu jiġu stmati, meta l-istokk ma jinżammx kontinwament fil-limiti bijoloġiċi sikuri; il-livelli ta’ stokk li jiddeterminaw jekk l-istokk ikunx fi stat mhux sostenibbli iridu jiġu determinati fuq il-bażi tal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli;

    (g)

    “limiti bijoloġiċi sikuri” tfisser il-limiti massimi tad-daqs ta' stokk sa liema limiti l-istokk jista' jkattar lilu nnifsu bi probabilità għolja filwaqt li jagħmluha possibbli li jsir sajd b'rendiment għoli fih;

    (h)

    “pajjiż” tfisser pajjiż terz, inklużi t-territorji li għandhom stat ta' awtogvern jew mgħammra b'kompetenzi fil-żona tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar.

    Artikolu 3

    Pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

    Pajjiż terz jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli meta:

    (a)

    jonqos milli jikkoopera fil-ġestjoni ta’ stokk ta’ interess komuni b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS u tal-UNFSA, jew ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor jew norma oħra tal-liġi internazzjonali; u

    (b)

    jew

    (i)

    ikun naqas milli jadotta il-miżuri neċessarji ta’ ġestjoni tas-sajd; jew

    (ii)

    jadotta miżuri ta' ġestjoni tas-sajd mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet, l-interessi u d-doveri ta’ pajjiżi oħra u l-Unjoni, u dawk il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, meta jitqiesu flimkien ma' miżuri meħuda minn pajjiżi oħra u l-Unjoni, iwasslu għal attivitajiet tas-sajd li jistgħu jirriżultaw fl-istat mhux sostenibbli tal-istokk. Din il-kundizzjoni titqies li ġiet issodisfata anke meta l-miżuri ta' ġestjoni tas-sajd adottati minn dak il-pajjiż ma jkunux wasslu li l-istokk ikun fi stat mhux sostenibbli sempliċiment minħabba miżuri adottati minn oħrajn.

    Artikolu 4

    Miżuri fir-rigward ta' pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

    1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni, il-miżuri li ġejjin fir-rigward ta' pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli:

    (a)

    li jidentifikaw dak il-pajjiż bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli;

    (b)

    li jidentifikaw, meta jkun meħtieġ, il-bastimenti jew flotot speċifiċi ta' dak il-pajjiż li għalihom japplikaw ċerti miżuri;

    (c)

    li jimponu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni ta’ ħutmill-istokk ta’ interess komuni li jkun inqabad taħt il-kontroll ta' dak il-pajjiż, u fuq l-importazzjoni ta' prodotti tal-ħut magħmula minn jew li fihom tali ħut;

    (d)

    li jimponu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni ta’ ħut ta’ kwalunkwe speċi assoċjata, u prodotti ta’ ħut magħmula minn jew li fihom tali ħut, meta jinqabdu waqt li jkun qiegħed isir sajd fuq l-istokk ta’ interess komuni taħt il-kontroll ta' dak il-pajjiż; meta tadotta l-miżura, il-Kummissjoni, bi qbil mal-Artikolu 5(4) ta' dan ir-Regolament, b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità, għandha tiddetermina liema speċijiet u l-qabdiet tagħhom jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura;

    (e)

    li jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu tal-portijiet tal-Unjoni minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' dak il-pajjiż li jistadu għall-istokk ta’ interess komuni u/jew l-ispeċijiet assoċjati u minn bastimenti li jittrasportaw ħut u prodotti tal-ħut mill-istokk ta’ interess komuni u/jew mill-speċijiet assoċjati li nqabdu minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' dak il-pajjiż jew minn bastimenti awtorizzati minnu filwaqt li jtajru bandiera oħra; dawn ir-restrizzjonijiet ma għandhomx japplikaw f’każijiet ta’ force majeure jew periklu skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tal-UNCLOS għal servizzi strettament meħtieġa biex jirrimedjaw dawk is-sitwazzjonijiet;

    (f)

    li jipprojbixxu x-xiri mill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni ta’ kwalunkwe bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' dak il-pajjiż;

    (g)

    li jipprojbixxu l-bdil tal-bandiera ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għall-bandiera ta' dak il-pajjiż;

    (h)

    li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jawtorizzaw il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kiri li permezz tagħhom operaturi ekonomiċi tal-Unjoni jikru l-bastimenti tagħhom lil operaturi ekonomiċi ta' dak il-pajjiż;

    (i)

    li jipprojbixxu l-esportazzjoni lejn dak il-pajjiż ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri jew ta’ tagħmir jew provvisti tas-sajd meħtieġa għas-sajd tal-istokk ta’ interess komuni;

    (j)

    li jipprojbixxu l-konklużjoni ta’ arranġamenti kummerċjali privati bejn l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u dak il-pajjiż sabiex bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru juża l-opportunitajiet ta’ sajd ta' dak il-pajjiż;

    (k)

    li jipprojbixxu operazzjonijiet tas-sajd konġunti li jinvolvu bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru u bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ dak il-pajjiż.

    2.   Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).

    Artikolu 5

    Rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament

    1.   Il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 4 għandhom ikunu:

    (a)

    relatati mal-konservazzjoni tal-istokk ta’ interess komuni;

    (b)

    magħmula effettivi b’rabta mar-restrizzjonijiet fuq is-sajd minn bastimenti tal-Unjoni, jew fuq il-produzzjoni jew il-konsum fi ħdan l-Unjoni, applikabbli għall-ħut, u prodotti tal-ħut magħmula minn jew li jkun fihom tali ħut, tal-ispeċi li għalihom ġew adottati l-miżuri;

    (c)

    proporzjonati mal-objettivi mfittxa u kompatibbli mal-obbligi imposti mill-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija parti kontraenti għalihom u kwalunkwe norma rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali.

    2.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jieħdu kont tal-miżuri diġà meħuda skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

    3.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4 ma għandhomx jiġu applikati b’tali mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikata bejn pajjiżi fejn jipprevalu l-istess kundizzjonijiet, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali.

    4.   Meta tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni, sabiex tiżgura li dawk il-miżuri jkunu ambjentalment sodi, effettivi, proporzjonati u kompatibbli ma' regoli internazzjonali, għandha tevalwa l-effetti ambjentali, kummerċjali, ekonomiċi u soċjali ta’ dawk il-miżuri fuq perjodu ta’ żmien qasir jew twil, kif ukoll il-piż amministrattiv assoċjat mal-implimentazzjoni tagħhom.

    5.   Il-miżuri msemijja fl-Artikolu 4 għandhom jipprevedu sistema xierqa għall-infurzar tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 6

    Proċeduri qabel l-adozzjoni ta’ miżuri fir-rigward tal-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

    1.   Meta l-Kummissjoni tqis li jeħtieġ li tadotta miżuri msemmija fl-Artikolu 4, għandha tinnotifika lill-pajjiż ikkonċernat bl-intenzjoni li tidentifikah bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli. F'tali każijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati immedjatament.

    2.   Dik in-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-identifikazzjoni ta’ dak il-pajjiż bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli u għandha tiddeskrivi l-miżuri possibbli li jistgħu jittieħdu fir-rigward tiegħu skont dan ir-Regolament.

    3.   Qabel tadotta miżuri msemmija fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-pajjiż ikkonċernat b’opportunità raġonevoli li jwieġeb għan-notifika bil-miktub u biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien xahar wara li jirċievi dik in-notifika.

    Artikolu 7

    Perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fir-rigward tal-pajjiżi li ma jippermettux sajd mhux sostenibbli

    1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jieqfu milli japplikaw meta l-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli jadotta miżuri korrettivi neċessarji għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk ta’ interess komuni u dawk il-miżuri korrettivi:

    (a)

    ikunu jew ġew adottati b'mod awtonomu, jew ikun intlaħaq ftehim dwarhom fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet mal-Unjoni u, meta jkun applikabbli, ma’ pajjiżi oħrajn ikkonċernati; u

    (b)

    ma jfixklux l-effett tal-miżuri meħuda mill-Unjoni b’mod awtonomu jew b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn, għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-istokkijiet ikkonċernati ta’ ħut.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu jekk intlaħqitx konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 u, fejn ikun meħtieġ, jipprovdu li l-miżuri adottati fir-rigward ta' pajjiż skont l-Artikolu 4 jieqfu milli jkomplu japplikaw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).

    Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta’ urġenza relatati mat-taqlib ekonomiku jew soċjali mhux previst, il-Kummissjoni għandha minnufih tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(3), sabiex tiddeċiedi li l-miżuri adottati skont l-Artikolu 4 għandhom jieqfu milli jkomplu japplikaw.

    Artikolu 8

    Il-proċedura tal-kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, b’rabta mal-Artikolu 5 tiegħu.

    4.   Ir-riżultati tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(4), għandhom ikunu disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill bi qbil mal-proċedura prevista fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mad-dokumenti msemmija fiha.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. D. MAVROYIANNIS


    (1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 112.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Setembru 2012.

    (3)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    (4)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


    Top