Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0164

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 164/2012 tal- 24 ta’ Frar 2012 li jemenda l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż

ĠU L 53, 25.2.2012, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R0787

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/164/oj

25.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 164/2012

tal-24 ta’ Frar 2012

li jemenda l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż [alkoħoliku] (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Renju Unit applikat biex tirreġistra “Somerset Cider Brandy”, bħala indikazzjoni ġeografika, fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dak ir-Regolament. Is-“Somerset Cider Brandy” huwa spirtu taċ-ċidru li tradizzjonalment jiġi prodott fil-kontea ta’ Somerset fir-Renju Unit. Dan jikkostitwixxi prodott distint immaturat fil-btieti u ddistillat miċ-ċidru magħmul esklussivament mit-tuffieħ imkabbar f’dik il-kontea.

(2)

L-applikazzjoni biex jiġi rreġistrat l-isem “Somerset Cider Brandy” kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) għall-fini tal-proċedura ta’ oġġezzjoni, skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(3)

Spanja ressqet oġġezzjoni biex ikun irreġistrat il-prodott “Somerset Cider Brandy” minħabba li fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwa previst li xarba spirituża [alkoħolika] li tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet għal prodott iddefinit fil-kategoriji 1 sa 46 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament trid iġġorr id-denominazzjoni tal-bejgħ mogħtija f’dak l-Anness. B’mod partikolari, il-punt 10 tal-Anness II jiddefinixxi “spirtu taċ-ċidru” bħala xarba spirituża [alkoħolika] prodotta permezz tad-distillazzjoni taċ-ċidru, u l-punt 5 ta’ dak l-Anness jiddefinixxi “brandy” bħala xarba spirituża [alkoħolika] prodotta mill-ispirtu tal-inbejjed. Barra minn hekk, ġie indikat li l-użu tat-terminu “brandy” bħala parti minn indikazzjoni ġeografika relatata mal-ispirtu taċ-ċidru tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tan-natura proprja tal-prodott.

(4)

Is-“Somerset Cider Brandy” huwa ferm stabbilit fir-Renju Unit u ilu magħruf għal perjodu ta’ żmien sinifikanti bħala “cider brandy”. Il-prodott igawdi reputazzjoni kbira u jifforma parti essenzjali mill-patrimonju tal-kontea ta’ Somerset. Jekk il-produtturi jintalbu jimmodifikaw l-użu tat-terminu, dan ma jkunx proporzjonat mal-għan li t-terminu “brandy” jkun riservat biss għall-ispirti tal-inbejjed peress li jagħmel ħsara lill-ekonomija reġjonali tal-kontea ta’ Somerset filwaqt li ma jkunx jikkorrispondi mal-aspetattivi tal-konsumaturi kkonċernati, li huma midħla ma’ dik it-tip ta’ xarba.

(5)

Is-“Somerset Cider Brandy” mhux magħruf ħafna mal-kumplament tal-Unjoni. Biex il-konsumatur isir konxju tan-natura proprja tal-prodott fl-Istati Membri kollha u b’hekk jiġi evitat kull riskju ta’ konfużjoni, għandu jkun stipulat l-obbligi biex fuq it-tikketta tal-bejgħ korrispondenti jkollu d-denominazzjoni “spirtu taċ-ċidru”. Fid-dawl ta’ dak li ssemma’ hawn fuq, l-isem “Somerset Cider Brandy” għandu jiġi reġistrat bħala indikazzjoni ġeografika fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(6)

L-indikazzjoni ġeografika “Vodka tal-ħxejjex mit-Tramuntana tal-pjanura ta’ Podlasie aromatizzat b’estratt ta’ ħaxix tal-biżonti/Wódka ziołowa z Niziny Północnopodlaskiej aromatyzowana ekstraktem z trawy żubrowej” hija reġistrata fil-kategorija ta’ prodott Nru 15 tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 110/2008, li tikkorrispondi għall-“vodka”. Madankollu, il-klassifikazzjoni xierqa għal dan il-prodott, skont l-ispeċifikazzjonijiet tagħha, għandha tkun “vodka aromatizzata”. Għaldaqstant, għandha tiddaħħal kategorija ta’ prodott ġdid Nru 31 “vodka aromatizzata” għal din l-indikazzjoni ġeografika fl-Anness III għal dak ir-Regolament.

(7)

L-indikazzjoni ġeografika “Irish Cream” hija reġistrata fil-kategorija ta’ prodott Nru 32 tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 bħala prodott li joriġina fl-Irlanda Huwa neċessarju li jkun iċċarat li indikazzjoni ġeografika bħal din tkopri wkoll il-prodott korrispondenti manifatturat fl-Irlanda ta’ Fuq.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat b’dan il-mod.

(9)

Biex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni mir-regoli previsti fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 għal dawk f’dan ir-Regolament, il-kummerċjalizzazzjoni tal-istokkijiet eżistenti għandhom jitħallew sakemm dawn jispiċċaw u l-użu tat-tikketti stampati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament għandu jitħalla sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż [alkoħoliku],

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-kategorija ta’ prodott Nru 10 “Spirtu tas-sidru u spirtu tal-perry”, għandha tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja:

 

Somerset Cider Brandy  (*)

Ir-Renju Unit

(2)

fil-kategorija ta’ prodott Nru 15 “Vodka”, titħassar is-sitt annotazzjoni li ġejja:

 

“Vodka tal-ħxejjex mill-Pjanura tat-Tramuntana ta’ Podlasie aromatizzata b’estratt tal-ħaxix tal-biżonti/Wódka ziołowa z Niziny Północnopodlaskiej aromatyzowana ekstraktem z trawy żubrowej

Il-Polonja”

(3)

wara l-kategorija ta’ prodott Nru 30 “Xarbiet spirituż b’togħma morra/bitter”, tiddaħħal l-annotazzjoni relatata mal-kategorija ta’ prodott Nru 31 “Vodka aromatizzata”.

“31.   

Vodka aromatizzata

 

Vodka tal-ħxejjex mill-Pjanura tat-Tramuntana ta’ Podlasie aromatizzata b’estratt tal-ħaxix tal-biżonti/Wódka ziołowa z Niziny Północnopodlaskiej aromatyzowana ekstraktem z trawy żubrowej

Il-Polonja”

(4)

fil-kategorija ta’ prodott Nru 32, l-annotazzjoni relatata mal-“Irish Cream” tinbidel ma’ dan li ġej:

 

Irish Cream  (**)

L-Irlanda

Artikolu 2

Ix-xorb spirituż [alkoħoliku] li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 kif emendat mill-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament jista’ jitkompla jitqiegħed fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

It-tikketti stampati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jitħallew jintużaw sal-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(2)  ĠU C 242, 9.10.2009, p. 22.

(*)  L-indikazzjoni ġeografika “Somerset Cider Brandy” għandha tkun akkumpanjata mid-denominazzjoni tal-bejgħ “spirtu taċ-ċidru”.”

(**)  L-indikazzjoni ġeografika Irish Cream tkopri l-likur korrispondenti prodott fl-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq.”


Top