Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1311

    Regolament (UE) Nru 1311/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom

    ĠU L 337, 20.12.2011, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1303

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1311/oj

    20.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 337/5


    REGOLAMENT (UE) Nru 1311/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Diċembru 2011

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Il-kriżi globali finanzjarja u r-reċessjoni ekonomika mingħajr preċedent għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabilità finanzjarja, u ħolqu deterjorament qawwi fil-kondizzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u soċjali ta’ diversi Stati Membri. B'mod partikolari, ċerti Stati Membri qed jesperjenzaw diffikultajiet serji jew huma mhedda b'diffikultajiet bħal dawn, notevolment dwar problemi fit-tkabbir ekonomiku u l-istabilità finanzjarja tagħhom, u b'deterjorament f'dak li hu defiċit u dejn tagħhom, grazzi wkoll għall-ambjent ekonomiku u finanzjarju internazzjonali.

    (2)

    Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet biex jilqgħu kontra l-effetti negattivi tal-kriżi, inklużi emendi għall-qafas leġiżlattiv, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali, fuq is-suq tax-xogħol u ċ-ċittadini qed jinħass ma’ kullimkien. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qed tiżdied u għandhom jittieħdu aktar miżuri malajr biex tittaffa din il-pressjoni permezz tal-aħjar użu tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

    (3)

    Skont l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-possibilità li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li jsib ruħu f'diffikultajiet jew ikun mhedded serjament minn diffikultajiet gravi kkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkollux kontroll fuqhom, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabilitą Finanzjarja (3), stabbilixxa dan il-mekkaniżmu bl-għan li jippreserva l-istabilità finanzjarja tal-Unjoni.

    (4)

    Bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE (4) u 2011/344/UE (5), l-Irlanda u l-Portugall rispettivament ingħataw din l-għajnuna finanzjarja.

    (5)

    Il-Greċja kienet diġa għaddejja minn diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħha, diġà qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 407/2010. Għaldaqstant l-għajnuna finanjarja lill-Greċja ma setgħetx tiġi bbażata fuq dak ir-Regolament.

    (6)

    Il-Ftehim bejn il-Kredituri u l-Ftehim għal Faċilità ta’ Self konklużi għall-Greċja nhar it-8 ta’ Mejju 2010, daħlu fis-seħħ nhar il-11 ta’ Mejju 2010. Huwa previst li l-Ftehim bejn il-Kredituri għandu jibqa' fis-seħħ u effettiv kompletament għal tul ta’ programm ta’ tliet snin sakemm ikun hemm xi ammonti pendenti taħt il-Ftehim għal Faċilità ta’ Self.

    (7)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (6) jistipula li l-Kunsill għandu jagħti għajnuna finanzjarja fit-terminu medju meta Stat Membru li ma jħaddanx l-euro jinsab f'diffikultajiet jew huwa serjament mhedded b'diffikultajiet fejn jidħol il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu.

    (8)

    Bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/102/KE (7), 2009/290/KE (8) u 2009/459/KE (9), l-Ungerija, il-Latvja u r-Rumanija rispettivament ingħataw din l-għajnuna finanzjarja.

    (9)

    Il-perijodu li fih l-għajnuna finanzjarja hija disponibbli għall-Irlanda, l-Ungerija, il-Latvja, il-Portugall u r-Rumanija huwa stipulat fid-Deċiżjonijiet rispettivi tal-Kunsill. Il-perijodu li matulu l-għajnuna finanzjarja għall-Ungerija saret disponibbli għalaq nhar l-4 ta’ Novembru 2010.

    (10)

    Il-perijodu li matulu tkun disponibbli l-għajnuna finanzjarja għall-Greċja taħt il-Ftehim bejn il-Kredituri u l-Ftehim għal Faċilità ta’ Self huwa differenti, sa fejn kull Stat Membru li qed jipparteċipa f'dawk l-istrumenti huwa kkonċernat.

    (11)

    Fil-11 ta’ Lulju 2011, il-Ministri tal-finanzi ta’ 17-il Stat Membru taż-Żona tal-Euro ffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES). Taħt dak it-Trattat, li jżomm mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE tal-25 ta’ Marzu 2011, li jemenda l-artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (10). Huwa maħsub li sal-2013, il-MES se jieħu x-xogħol li attwalment qed iwettqu l-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM). L-ESM għaldaqstant għandu diġà jiġi kkunsidrat f'dan ir-Regolament.

    (12)

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011 jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex isseddaq is-sinerġiji bejn il-programmi ta’ self għall-Greċja u l-Fondi tal-Unjoni, biex tappoġġja sforzi ħalli tiżdied ħilet il-Greċja li tassorbi l-fondi mill-Unjoni sabiex tkun tista' tixpruna t-tkabbir u l-impjiegi billi terġa' tiffoka fuq kif ittejjeb il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk il-konklużjonijiet laqgħu u appoġġaw il-preparazzjoni mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ta’ programm komprensiv ta’ assisstenza teknika lill-Greċja. Din l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (11) jikkontribwixxi għal dawn l-isforzi ta’ sinerġija.

    (13)

    Sabiex tkun iffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni biex b'hekk jitħaffu l-investimenti fl-Istati Membri u r-reġjuni, u biex titjieb id-disponibilità tal-fondi biex tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni, huwa neċessarju li tiġi permessa, f'każijiet ġustifikati, temporanjament u mingħajr preġudizzju għall-perijodu ta’ programmar 2014-2020, iż-żieda fil-pagamenti interim u pagamenti tal-bilanċ finali mill-Fondi Strutturali kif ukoll mill-Fond ta’ Koeżjoni, b'ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali fuq ir-rata ta’ kofinanzjament attwali għal kull fus ta’ prijorità ta’ Stati Membri li għaddejjin minn diffikultajiet serji rigward l-istabilità finanzjarja tagħhom, u li talbu biex jibbenefikaw minn din il-miżura. Konsegwentement, il-kontroparti nazzjonali meħtieġa titnaqqas kif adatt. Minħabba n-natura temporanja taż-żieda u sabiex jinżammu r-rati ta’ kofinanzjament oriġinali bħala l-punt ta’ referenza għall-kalkolu tal-ammonti miżjuda temporanjament, it-tibdiliet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ma għandhomx ikunu riflessi fil-pjan finanzjarju inkluż fil-programm operattiv. Madankollu, jista' jagħti l-każ li l-programmi operattivi jkunu jridu jiġu aġġornati sabiex il-Fondi jiġu kkonċentrati fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi u biex il-miri u l-objettivi tagħhom jiġu allinjati mat-tnaqqis tal-finanzjament totali disponibbli.

    (14)

    L-Istat Membru li jagħmel talba lill-Kummissjoni biex igawdi mid-deroga taħt l-artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandu jispeċifika b'mod ċar fit-talba tiegħu id-data li minnha jqis li d-deroga hija ġustifikata. Fit-talba tiegħu l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta t-tagħrif kollu meħtieġ sabiex jiġi stabbilit, permezz ta’ data dwar is-sitwazzjoni makroekonomika u fiskali tiegħu, li m'humiex disponibbli riżorsi għall-kontroparti nazzjonali tiegħu. Għandu wkoll juri li hija meħtieġa żieda ta’ ħlasijiet mid-deroga sabiex tiġi salvagwardjata l-implimentazzjoni kontinwata tal-programmi operazzjonali u li l-problemi ta’ ħila ta’ assorbiment jibqgħu ukoll jekk jintużaw il-limiti massimi applikabbli għal rati ta’ ko-finanzjament stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. L-Istat Membru kkonċernat għandu wkoll jipprovdi r-referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill jew att legali ieħor li jkunu rilevanti li jagħmluh eliġibblili jgawdi mid-deroga. Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk it-tagħrif ippreżentat hux korrett u għandha jkollha 30 jum mill-preżentazzjoni biex tqajjem oġġezzjoni. Sabiex id-deroga tkun effettiva u operazzjonali, għandu jkun hemm il-preżunzjoni li talba ta’ Stat Membru hija ġustifikata jekk il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni. Madankollu, l-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tadotta, bħala att ta’ implimentazzjoni, deċiżjoni dwar kwalunkwe oġġezzjoni għat-talba tal-Istat Membru, f'liema każ il-Kummissjoni għandha tagħti r-raġunijiet tagħha.

    (15)

    Ir-regoli dwar il-kalkoli tal-pagamenti interim u l-pagamenti tal-bilanċ finali għal programmi operattivi tul il-perijodu li fih l-Istati Membri jirċievu l-għajnuna finanzjarja sabiex jindirizzaw diffikultajiet serji li għandhom x'jaqsmu mal-istabilità finanzjarja tagħhom, għandhom jiġu riveduti skont il-każ.

    (16)

    Jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm rappurtar addattat dwar l-użu tal-ammonti miżjuda magħmula disponibbli għall-Istati Membri li jibbenefikaw miż-żieda temporanja f'pagamenti interim u pagamenti tal-bilanċ finali skont id-deroga taħt l-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

    (17)

    Wara tmiem il-perijodu li fih saret disponibbli għajnuna finanzjarja, l-evalwazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jista' jeħtiġilhom jeżaminaw, inter alia, jekk it-tnaqqis fil-kofinanzjament nazzjonali hux se jmur wisq lil hinn mill-miri pprogrammati fil-bidu. Evalwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jwasslu għar-reviżjoni tal-programm operattiv.

    (18)

    Peress li l-kriżi bla preċedent li qed taffettwa s-swieq finanzjarji internazzjonali, u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, li kkawża ħsara serja lill-istabbiltà finanzjarja ta’ diversi Stati Membri, jeħtieġu tweġiba mgħaġġla biex tilqa' kontra l-effetti fuq l-ekonomija kollha kemm hi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun. Filwaqt li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, għandu japplika b'mod retroattiv u jibda mis-sena baġitarja tal-2010 jew mid-data meta l-assistenza finanzjarja saret disponibbli, skont l-istatus tal-Istat Membru rikjedenti, għall-perijodi li matulhom l-Istati Membri rċevew assistenza finanzjarja mill-Unjoni jew minn Stati Membri oħra taż-żona tal-euro sabiex ikunu indirizzati diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom.

    (19)

    Meta tkun prevista żieda temporanja fil-pagamenti interim u l-pagamenti tal-bilanċ finali skont id-deroga taħt l-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, għandha wkoll tiġi kkunsidrata fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri kollha, li għandhom jiġu riflessi b'mod adatt fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, peress li l-għan ewlieni tal-mekkanżimu huwa li jiġu indirizzati diffikultajiet attwali, l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun limitata fiż-żmien. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu għandu jibda fl-1 ta’ Jannar 2010 u t-tul ta’ żmien tiegħu għandu jkun limitat sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    (20)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 77 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 77

    Ir-regoli komuni għall-kalkolu ta’ pagamenti interim u pagamenti tal-bilanċ finali

    1.   Il-pagamenti interim u l-pagamenti tal-bilanċ finali għandhom jiġu kkalkolati bl-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament, stabbilita fid-deċiżjoni dwar il-programm operattiv kkonċernat għal kull fus ta’ prijorità indikat għan-nefqa eliġibbli taħt dak il-fus ta’ prijorità fi ħdan kull dikjarazzjoni tan-nefqa li hija ċċertifikata mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 53 (2), mit-tieni sentenza tal-Artikolu 53(4) u mil-limiti massimi stabbiliti f'Anness III, pagamenti interim u pagamenti tal-bilanċ finali għandhom jiżdiedu b'ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali aktar fuq ir-rata ta’ kofinazjament li tapplika għal kull fus ta’ prijorità, imma li ma jaqbiżx il-100 %, għandhom jiġu applikati fuq l-ammont tan-nefqa eliġibbli ddikjarata reċentement f'kull dikjarazzjoni ċċertifikata ta’ nfiq, sottomessa tul il-perijodu li fih Stat Membru jilħaq kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

    (a)

    assistenza finanzjarja tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja (*) jew, assisstenza finanzjarja tkun disponibbli minn Stati Membri oħra taż-żona tal-euro qabel ma jidħol fis-seħħ dan ir-regolament;

    (b)

    assistenza finanzjarja tkun disponibbli għalih għal perijodu medju skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilita' li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (**);

    (c)

    għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

    3.   Stat Membru li jkun qed ifittex li jgawdi mid-deroga taħt il-paragrafu 2, għandu jippreżenta talba bil-miktub lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Frar 2012 jew fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-Istat Membru jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet imsemmijin fil- paragrafu 2.

    4.   Fit-talba tiegħu ppreżentata skont il-paragrafu 3, l-Istat Membru għandu jiġġustifika l-ħtieġa tad-deroga billi jipprovdi it-taħrif meħtieġ sabiex jiġi stabbilit dan li ġej:

    (a)

    in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ riżorsi għall-kontroparti nazzjonali permezz ta’ data dwar is-sitwazzjoni makroekonomika u fiskali tiegħu;

    (b)

    li ż-żieda tal-pagamenti msemmija fil-paragrafu 2 tkun meħtieġa biex tissalvagwardja l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi;

    (c)

    li l-problemi jippersistu anke jekk jintużaw il-limiti massimi applikabbli għar-rati ta’ kofinanzjament stabbiliti fl-Anness III;

    (d)

    huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2, billi jipprovdi referenza għal Deċiżjoni tal-Kunsill jew att legali ieħor, kif ukoll id-data konkreta ta’ meta l-assistenza finanzjarja saret disponibbli għall-Istat Membru.

    Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk it-tagħrif ippreżentat jiġġustifikax l-għoti ta’ deroga skont il-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tqajjem oġġezzjoni dwar jekk it-tagħrif mogħti hux korrett fi żmien 30 jum mid-data tal-preżentazzjoni tat-talba.

    Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li toġġezzjona għat-talba tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar dan, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, dwar dan u għandha tagħti r-raġunijiet tagħha.

    Jekk il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni għat-talba tal-Istat Membru skont il-paragrafu 3, it-talba għandha titqies bħala ġustifikata.

    5.   It-talba tal-Istat Membru għandha tagħti dettalji wkoll dwar l-użu maħsub tad-deroga prevista fil-paragrafu 2, u għandha tagħti tagħrif dwar miżuri komplementari previsti sabiex il-Fondi jikkonċentraw fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, inkluż, fejn xieraq, modifika tal-programmi operattivi.

    6.   Id-deroga prevista fil-paragrafu 2 m'għandhiex tapplika għal dikjarazzjonijiet ta’ nfiq ippreżentati wara l-31 ta’ Diċembru 2013.

    7.   Sabiex jiġu kkalkulati pagamenti interim pagamenti tal-bilanċ finali wara li l-Istati Membru jieqfu milli jibbenifikaw mill-għajnuna finanzjarja li saret referenza għaliha fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni ma tiħux inkonsiderazzjoni l-ammonti biż-żieda mħallsa skont dan il-paragrafu.

    Madankollu, dawk l-ammonti se jittieħdu inkonsiderazzjoni għall-fini tal-Artikolu 79(1).

    8.   Il-pagamenti interim miżjuda li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 2 għandhom fl-iqsar perijodu ta’ żmien possibbli jkunu disponibbli għall-awtorità amministrattiva u għandhom jintużaw biss biex isiru pagamenti fl-implimentazzjoni tal-programm operattiv.

    9.   Fil-kuntest tar-rappurtar strateġiku skont l-Artikolu 29(1), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni tagħrif xieraq dwar l-użu tad-deroga prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u juru kif l-ammont miżjud ta’ appoġġ ikkontribwixxa għall-promozzjoni tal-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Istat Membru kkonċernat. Dik l-informazzjoni għandha titqies mill-Kummissjoni waqt it-tħejjija tar-rapport strateġiku msemmi fl-Artikolu 30(1).

    10.   Minkejja l-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta’ pagamenti interim u pagamenti tal-aħħar bilanċ m'għandhiex tkun ogħla mill-kontribuzzjoni pubblika u l-ammont massimu ta’ għajnuna mill-Fondi għal kull fus ta’ prijorità kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operattiv.

    11.   Il-paragrafi 2-9 m'għandhomx japplikaw għall-programmi operattivi taħt l-objettiv ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu għandu japplika retroattivament għall-Istati Membri li ġejjin: fil-każ tal-Irlanda, il-Greċja u l-Portugall, b'effett mid-data li fiha l-assistenza finanzjarja ssir disponibbli għal dawk l-Istati Membri jif jingħad fl-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u fil-każ tal-Ungerija, il-Latvja u r-Rumanija, b'effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SZPUNAR


    (1)  L-Opinjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2011.

    (3)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    (4)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

    (5)  ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.

    (6)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

    (7)  ĠU L 37, 6.2.2009, p. 5.

    (8)  ĠU L 79, 25.3.2009, p. 39.

    (9)  ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.

    (10)  ĠU L 91, 6.4.2011, p. 1.

    (11)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.


    Top