This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0738
Commission Regulation (EU) No 738/2010 of 16 August 2010 laying down detailed rules on payments to German producer organisations in the hops sector
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 738/2010 tas- 16 ta’ Awwissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar pagamenti lil organizzazzjonijiet tal-produtturi Ġermaniżi fis-settur tal-ħops
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 738/2010 tas- 16 ta’ Awwissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar pagamenti lil organizzazzjonijiet tal-produtturi Ġermaniżi fis-settur tal-ħops
ĠU L 216, 17.8.2010, p. 11–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2023
17.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 216/11 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 738/2010
tas-16 ta’ Awwissu 2010
li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar pagamenti lil organizzazzjonijiet tal-produtturi Ġermaniżi fis-settur tal-ħops
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 102a(3), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 102a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda bosta Regolamenti tal-Kunsill (2) jipprovdi għal pagament annwali lil organizzazzjonijiet tal-produtturi Ġermaniżi rikonoxxuti fis-settur tal-ħops. L-ammonti mogħtija mill-organizzazzjonijiet tal-produttur għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw il-miżuri adottati sabiex jiksbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 122(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. |
(2) |
Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni ordnata tal-pagamenti, il-Ġermanja għandha tadotta regoli ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet minn organizzazzjonijiet tal-produtturi, li jinkludu dati ta’ skadenza, u tiżgura li l-applikazzjonijiet kollha jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa li tippermetti lill-awtorità kompetenti Ġermaniża tivverifika jekk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi humiex intitolati għal pagamenti. |
(3) |
Sabiex jiġi żgurat li l-pagamenti jsiru b’mod ġust, l-ammonti li għandhom jitħallsu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi pro-rata, b’rabta mal-erjas tal-ħops tal-membri tagħhom. |
(4) |
Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji, il-pagamenti li jsiru mill-aġenzija tal-pagament Ġermaniża kompetenti għandhom jiġu allokati f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. |
(5) |
Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, ma għandhom isiru l-ebda pagamenti qabel ma jitwettqu l-verifiki fir-rigward tal-kriterji tal-eliġibbiltà. Dawn il-miżuri ta’ kontroll għandhom jinvolvu verifika amministrattiva ssupplimentata b’kontrolli fuq il-post. Ammonti mħallsa b’mod mhux dovut għandhom jiġu rkuprati u għandhom jiġu ddeterminati sanzjonijiet sabiex jiskoraġġixxu lill-applikanti minn imġieba ta’ frodi u negliġenza serja. |
(6) |
L-Artikolu 63(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (3) li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa integra l-pagamenti parzjalment akkoppjati fis-settur tal-ħops fl-iskema tal-pagament uniku mill-1 ta’ Jannar 2010. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-pagamenti, l-ewwel pagament tal-għajnuna tal-Unjoni skont l-Artikolu 102a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u skont dan ir-Regolament għandu jsir mhux aktar mit-30 ta’ April 2011. |
(7) |
Sabiex jiġi ffaċilitat t-twettiq tal-ewwel pagament, huwa xieraq li l-awtorità kompetenti Ġermaniża titħalla tipproċedi, fis-sena li tippreċedi dak il-pagament, bl-identifikazzjoni tal-benifiċjarji potenzjali u l-erjas tal-ħop potenzjalment eliġibbli. |
(8) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ambitu u l-użu tat-termini
1. Dan ir-Regolament jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 102a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-pagament lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-ħops fil-Ġermanja msemmija f’dak l-Artikolu.
2. It-termini użati f’dan ir-Regolament għandu jkollhom l-istess tifsira li għandhom fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.
Artikolu 2
Applikazzjonijiet għall-għajnuna
1. L-organizzazzjoni tal-produtturi li qed tfittex li tibbenifika mill-pagament imsemmi fl-Artikolu 102a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tressaq applikazzjoni lill-awtorità kompetenti Ġermaniża kull sena, sa data li għandha tiġi stabbilita mill-Ġermanja u li ma għandhiex tkun aktar tard mit-30 ta’ Settembru.
2. Meta tistabbilixxi d-data msemmija fil-paragrafu 1, il-Ġermanja għandha tqis il-perjodu taż-żmien li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja xierqa tal-pagament, inkluż ir-rekwiżit li jitwettqu verifiki effettivi.
3. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkompanjati minn dokumenti ta’ appoġġ li juru:
(a) |
l-identità u l-evidenza ta’ rikonoxximent tal-organizzazzjoni tal-produtturi; |
(b) |
it-total tal-erjas eliġibbli msemmija fl-Artikolu 3; |
(c) |
id-dettalji li jippermettu l-identifikazzjoni tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi u l-erjas eliġibbli li jikkoltivaw; |
(d) |
il-miżuri implimentati, dawk ikkompletati jew dawk li għadhom għaddejjin u n-nefqa korrispondenti mġarrba jew allokata matul is-sena kalendarja tal-applikazzjoni tal-għajnuna bil-għan li jinkisbu l-għanijiet imesmmija fl-Artikolu 122(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. |
Artikolu 3
Intitolament għall-għajnuna
1. L-ammonti mħallsa lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħops għandhom jiġu allokati biex jiffinanzjaw il-miżuri biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
2. L-ammont li għandu jitħallas lil kull organizzazzjoni tal-produtturi għandu jiġi kkalkolat pro-rata abbażi tal-erjas eliġibbli tal-ħops tal-membri tagħha kif speċifikat fil-paragrafi 3 sa 6.
3. L-erjas eliġibbli tal-ħops huma erjas tal-ħop fil-Ġermanja li fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoniji msemmija fl-Artikolu 2 jkunu miżrugħa kompletament u li jkun għaddew mill-operazzjonijiet normali ta’ kultivazzjoni skont l-istandards lokali.
4. L-erjas msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu ġew miżrugħa b’densità uniformi ta’ mhux anqas minn 1 500 pjanta għal kull ettaru fil-każ ta’ trabbit doppju għax-xeblik, jew 2 000 pjanta għal kull ettaru fil-każ ta’ trabbit singolu għax-xeblik;
5. L-erjas msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu biss l-erjas delimitati b’linja li tgħaqqad il-parti ta’ barra tal-arbli. Fejn fuq dik il-linja jkun hemm il-pjanti tal-hops, tista’ tiżdied ma’ kull naħa ta’ dik l-erja strippa addizzjonali b’wisa’ li tikkorispondi mal-wisa’ medja ta’ passaġġ f’dak il-pakkett agrikolu. L-istrippa addizjonali ma tistgħax tagħmel parti minn passaġġ bi dritt pubbliku ta’ aċċess. Iż-żewġ strixxi tat-truf tar-ringili tal-ħops li huma meħtieġa għall-manuvrar ta’ makkinarju agrikolu jistgħu jiġu inklużi fl-erja, sakemm it-tul tal-ebda strixxa ma jkun aktar minn tmien metri twil u sakemm dawn jingħaddu darba biss, u li ma jifformawx parti minn passaġġ bi dritt pubbliku ta’ aċċess.
6. L-erjas msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx jinkludu erjas miżrugħa bi pjanti tal-ħops żgħar imkabbrin prinċiparjament bħala prodotti tal-mixtliet.
Artikolu 4
Pagament tal-għajnuna
1. Il-Ġermanja għandha tħallas l-għajnuna lill-benefiċjarji bejn is-16 ta’ Ottubru tas-sena li fiha tkun saret l-applikazzjoni u mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara għal kull applikazzjoni li tkun tressqet skont dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, iżda wara li jkunu twettqu l-verifiki mandatorji kollha msemmija fl-Artikolu 5.
2. Kwalunkwe ammont imħallas mill-awtorità kompetenti Ġermaniża li ma jkunx ġie allokat minn organizzazzjoni tal-produtturi f’perjodu ta’ tliet snin mid-data tal-pagament għandu jitħallas lura lill-aġenzija tal-ħlas u jitnaqqas min-nefqa ffinanzjata skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija.
Artikolu 5
Verifiki u sanzjonijiet
1. Qabel l-għoti tal-pagament, l-awtorità kompetenti nazzjonali għandha twettaq verifiki amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet tal-għajnuna kollha kif ukoll verifiki fuq il-post fuq kampjun sinifikanti ta’ applikazzjonijiet.
2. Il-verifiki amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet tal-għajnuna għandhom ikunu eżawrjenti u għandhom jinkludu:
(a) |
kontro verifiki tal-erjas ddikjarati ma’, fost oħrajn, dejta mis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll ipprovduta fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. |
(b) |
verifika tal-kontribut tal-miżuri implimentati għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 122(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. |
3. Verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu f’kull organizzazzjoni tal-produtturi u għandhom ikopru tal-anqas 5 % tal-għajnuna mqassma. Dawn il-miżuri għandhom ikopru partikolarment:
(a) |
il-konformità tal-organizzazzjoni tal-produtturi mal-kriterji ta’ rikonoxximent; |
(b) |
l-eliġibbiltà tal-erjas tal-ħops iddikjarati; |
(c) |
kampjun rappreżentattiv tal-miżuri implimentati, dawk ikkompletati jew dawk li għadhom għaddejjin u n-nefqa korrispondenti mġarrba jew allokata matul is-sena kalendarja tal-applikazzjoni tal-għajnuna bl-objettiv li jinkisbu l-għanijiet imesmmija fl-Artikolu 122(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. |
4. Sakemm l-iskop tal-verifika fuq il-post ma jitqiegħedx fil-periklu, jista’ jingħata avviż bil-quddiem, limitat b’mod strett għall-perjodu minimu ta’ żmien meħtieġ.
5. Fil-każijiet xierqa kollha, il-Ġermanja għandha tagħmel użu mis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll.
6. Fil-każ ta’ pagament mhux dovut, l-Artikolu 80 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (4) għandu japplika mutatis mutandis.
7. Meta jsir pagament mhux dovut b’riżultat ta’ dikjarazzjoni falza, dokumeti foloz jew negliġenza serja, l-applikant għandu, apparti mill-irkupru tal-ammonti mħallsa b’mod mhux dovut, iħallas ammont ugwali għad-differenza bejn l-ammont imħallas inizjalment u l-ammont li l-applikant kien fil-fatt intitolat għalih. Dawn l-ammonti għandhom jitħallsu lill-baġit tal-UE.
8. L-awtorità kompetenti ta’ kontroll għandha tfassal rapport ta’ kontroll dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jispjega preċiżament l-oġġetti u l-aspetti kkontrollati, u jipprovdi dettall suffiċjenti li jippermetti reviżjoni tax-xogħol ta’ kontroll li jkun twettaq u r-riżultati miksuba.
9. L-awtorità kompetenti Ġermaniża li twettaq il-pagamenti għandha tibgħat rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-użu tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi mill-ammonti mogħtija, inkluża deskrizzjoni tal-miżuri li ġew iffinanzjati permezz tal-pagamenti. Ir-rapport għandu jinkludi dettalji tal-għadd ta’ verifiki fuq il-post imwettqa u s-sejbiet relatati, u għandu jintbagħat mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena.
Artikolu 6
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. L-applikazzjonijiet għall-ewwel pagament imsemmi fl-Artikolu 102a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom isiru qabel data tal-iskadenza li għandha tiġi ddeterminata mill-Ġermanja iżda mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar 2011. Il-pagamenti korrispondenti għandhom jitwettqu sat-30 ta’ April 2011. L-applikazzjonijiet għat-tieni pagament imsemmi fl-Artikolu 102a ta’ dak ir-Regolament għandhom isiru qabel data tal-iskadenza li għandha tiġi ddeterminata mill-Ġermanja iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011. Il-pagamenti korrispondenti għandhom jitwettqu mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2012.
2. Qabel l-ewwel pagament imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tidentifika l-organizzazzjonijiet tal-produtturi eliġibbli msemmija fl-Artikolu 2(1), proviżorjament tivverifika li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) ikunu ġew sodisfatti u proviżorjament tistabbilixxi l-ammonti u l-erjas eliġibbli msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja li tippreċedi dak il-pagament.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(3) ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.
(4) ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.